Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li applikant mill-Hamrun li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu applikazzjoni quddiem id-dipartiment tal-housing u li se jiġi mkeċċi dalwaqt minfejn jabita, ikun ipprovdut post alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

MEPA — Skema ta' irranġar u tibdil ta' gallarijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskema ta' irranġar u tibdil tal-gallarijiet tal-MEPA, għadhiex miftuħa? Jekk fl-affermattiv, min jista' japplika? Kemm jistgħu jibbenefikaw? Minn liema lokalita' jistgħu japplikaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-irranġar u t-tibdil tal-gallarijiet ta' l-injam m'għadhiex miftuħa. Din l-iskema għalqet fl-aħħar ta' Settembru 2006. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skemi bħal dawn jinħarġu b’mod regolari mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-pubbliku jkun mgħarraf meta titħabbar l-iskema li jmiss.

Awtorita' tad-Djar — Residenzi

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk l-inkwilini li joqogħdu fir-residenzi li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, humiex l-inkwilini rikonoxxuti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-inkwilini tat-triq indikata mill-Onor. Interpellant huma kollha rikonoxxuti għajr inkwilin ta’ post wieħed li dwaru qed issir investigazzjoni.

Residenza privata

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux vojt jew le?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-kera għall-post indikat mill-Onor. Interpellant hi mħallsa sal-31 ta’ Diċembru 2006. Minkejja dan għaddejt il-każ lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni biex jinvestiga jekk il-fond hux okkupat jew le.

Bormla — Fuq Verdala

Question

Tista' il-Ministru tara l-ilment li għamlu r-residenti minn Fuq Verdala, Bormla rigward is-saqaf komuni f'kuridur, li jinsab f'kondizzjoni ħażina ħafna quddiem ir-residenza li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Bormla — Spezzjoni ta' Fond

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se ssir l-ispezzjoni f'fond f'Bormla li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn tabita żagħżugħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, li saret fil-15 ta’ Novembru 2006, qed jiġi verifikata. Ninsab infurmata wkoll li hekk kif titlesta din il-verifika, l-applikazzjoni mistennija tkun riferuta biex issir l-ispezzjoni meħtieġa mill-aktar fis possibbli.

Qala — Garaxxijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta ħarġu għall-offerti l-arja ta' fuq il-garaxxijiet fil-Qala li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament? Kemm applikaw għalihom? Min applika? Kemm hu l-prezz? Kemm kienu stmati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar kienet irċeviet talba mingħand is-sid tal-garaxxijiet indikati mill-Onor. Interpellant biex dan is-sid jixtri l-arja ta' fuqhom għal skop ta' nxir peress li l-bitħa tiegħu kienet żgħira u mudlama minħabba l-ħitan għoljin li jiċċirkondawha. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' laqgħet din it-talba u l-imsemmija arja nbiegħet lis-sid tal-garraxxijiet għas-somma mitluba mill-Awtorita' ta' Lm5,000, fid-29 ta' Awissu 2003.

Każ dwar Housing

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar qed tistenna tweġiba minn diversi entitajiet biex tagħmel il-verifika tal-means test dwar it-talba tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Jekk minn din il-verifika jiġi konfermat li l-persuna għandha dritt għall-għotja biex isir ix-xogħol, jiġi ffirmat il-ftehim għall-għotja.

Possession and Use

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fondi li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament humiex milquta mil-liġi tal-possession and use? Jistgħu jinxtraw? Jekk iva, x'inhi l-proċedura biex dan isir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-fondi li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma parti minn blokki ta' appartamenti mibnija fuq fondi oriġinarjament meħuda taħt titlu ta' possession and use. Dawn il-blokki issa saru proprjeta' tal-Gvern skond l-emendi l-ġodda tal-Kapitolu 88 ta' l-Ordinanza dwar Akkwist ta' l-Artijiet għal skopijiet pubbliċi. Għaldaqstant dawn il-fondi jistgħu jinxtraw mill-inkwilini. Bħala proċedura l-inkwilini jridu japplikaw għand l-Awtorita' ta' Djar sabiex jixtru dawn il-fondi.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-prezz ta' Lm24,500 li ssemma meta persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, għamlu t-talba quddiem l-Awtorita' tad-Djar biex jixtru l-fond indikat f'Birżebbuġa, hux il-prezz kummerċjali jew prezz issussidjat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-prezz indikat mill-Onor. Interpellant hu dak mingħajr sussidju. F'dan il-każ, il-prezz issussidjat ikun determinat fuq id-dħul ta' l-applikanti s-sena li għaddiet. Ninsab infurmata li l-persuna konċernata ntalbet tipproduċi d-dokumenti meħtieġa biex jiġi stabbilit il-prezz issusidjat.

Ħaż-Żabbar — Triq Barumbara

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu d-dipartiment tas-saħħa dwar il-problema kbira ta' ġrieden li hemm fi Triq il-Barumbara, Ħaż-Żabbar, liema ġrieden qed ikunu ta' periklu għat-tfal li jkunu qed jilagħbu fit-triq?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ħaddiema tal-Pest Control fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, għamlu trattament intensiv fit-triq imsemmija nhar it-Tnejn 13 ta' Novembru 2006 u reġa' sar trattament ieħor nhar it-Tnejn 27 ta' Novembru. Dawn it-trattamenti msemmija saru bħala rutina. Nixtieq inżid li dan l-Uffiċċju ma rċieva l-ebda lment rigward problema ta' ġrieden f'din it-triq u minn investigazzjonijiet li saru ma rriżulta l-ebda akkumulu li jista' jkun ta' attrazzjoni għal ġrieden.

MCAST — Għalliem tal-Malti

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jew jiċħad li fl-MCAST, preċiżament fl-Istitut Business & Commerce, kien hemm studenti li għamlu madwar xahrejn mingħajr għalliem tal-Malti? Jekk fl-affermattiv, se ssir pressjoni fuq l-istudenti biex ilaħħqu l-kors tagħhom fi żmien iqsar minn dak ippjanat? Jekk ma jitlaħħaqx il-materjal rikjest, x'se jsir mill-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliem tal-Malti rrizenja meta s-sena skolastika kienet diġa' bdiet. Immedjatament ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet (mill-ETC) u kif inkiseb il-permess saru l-intervisti. L-għalliem ġie impjegat immedjatament wara li saru l-intervisti. Il-lezzjonijiet bdew fit-13 ta' Novembru. Informat li l-kurrikulu ġie strutturat b'tali mod li s-sillabu jitwettaq kollu u li l-istudenti ma jkollhom l-ebda pressjoni zejda.

Awtorita' tad-Djar — care and repair

Question

Tista' il-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-iskema care and repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal- Care and Repair . Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.

Awtorita' tad-Djar — Stallar ta' Lift

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'qed iżomm lill-Awtorita' tad-Djar milli tistalla l-lift fi blokk li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar qed tipprepara s-sejħa għall-offerti għall-istallar tal-lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.

Xogħol ta' Kostruzzjoni fuq Lift

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni għal-lift fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Meta ħareġ it-tender? Kemm ġej jiswa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li għadni kif tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22437 f’din l-istess Seduta.

Bormla — Manutenzjoni ta' Fond

Question

Tista' l-Ministru tieħu l-azzjoni meħtieġa b'urġenza minħabba li l-inkwilin Bormliż li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qed jinnota diversi konsenturi mal-post li jinsab fil-pjan terran?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt id-dettalji tal-każ indikat mill-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Bormla — Manutenzjoni ta' Fond

Question

Tista' il-Ministru tieħu l-azzjoni meħtieġa b'urġenza minħabba li l-inkwilin minn Bormla, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qed jinnota bosta konsenturi li jistgħu jkunu ta' periklu fl-art tal-kamra tal-banju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt id-dettalji tal-każ indikat mill-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.