Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' tad-Djar — Sheltered Housing

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm sar żvilupp ġdid din is-sena fejn jidħol Category 1 Sheltered Housing? Kemm se jsiru s-sena d-dieħla? Kemm hemm appartamenti b'kollox?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, wara li ġie allokat b’suċċess l-ewwel blokk ta’ Sheltered Housing, Category 1, fi Triq il-Kapuċċini, l-Furjana, fil-preżent l-Awtorita’ tad-Djar qed tibni żewġ blokki oħra għall-istess skop, wieħed bi 8 appartamenti fi Triq il-Merkanti, l-Belt, u l-ieħor bi 13 l-appartament fi Triq l-Iljun, il-Furjana. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita’ fi ħsiebha tiżviluppa blokki oħra ta’ dan it-tip u għalhekk inkludiet numru ta’ blokki għal Sheltered Housing f’diversi proġetti li qed jiġu kkunsidrati mill-MEPA.

Awtorita' tad-Djar — Applikazzjonijiet għal bini ta' units ġodda

Question

Fil-preżent kemm għandha applikazzjonijiet l-awtorita' tad-djar quddiem il-MEPA biex jinbnew units ġodda? Meta saret l-applikazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita' tad-Djar — Skemi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar? Kemm applikaw għal kull skema? Kemm eventwalment ibbenefikaw għal kull skema, u kemm kien it-total ta' flus, bejn wieħed u ieħor, li bbenefika/t minnhom kull applikant/a?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22720, f’Seduta Numru 478. Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant fil-kumplament tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita' tad-Djar — Skema Shared Ownership

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw biex jibbenefikaw mill-iskema shared ownership fl-ewwel u t-tieni sejħa? Minn liema lokalita' ġew l-applikanti? Kemm kien, bejn wieħed u ieħor, il-prezz kummerċjali, il-prezz sussidjat, it-terz prezz u ż-żewġ terzi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita' tad-Djar — Sussidju fuq il-Kera

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw biex jibbenefikaw mill-iskema ta' sussidju fuq il-kera tal-privat mill-awtorita' tad-djar, sena b'sena mis-sena 2000 sal-lum? Kemm kien l-ammont ta' sussidju, sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema ta' Shared Ownership

Question

Tista' il-Ministru tgħid kif se taħdem l-iskema shared ownership mas-settur privat? Meta mistennija tkun imnedija? Tista' tgħid jekk hux qed isiru laqgħat mal-banek fuq din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar għadha fl-istadju li tfassal il-kundizzjonijiet ta’ l-iskema li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant u għalhekk mhux il-waqt li jingħataw aktar dettalji qabel ma jintemm dan il-proċess.

Xiri ta' Units mis-Settur Privat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw units mis-settur privat? Tista' tpoġġi fuq l-mejda tal-Kamra l-konvenji u l-kuntratti li saru s'issa? Tista' titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanta tal-bini?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, s’issa, l-Awtorita’ tad-Djar iffirmat żewġ konvenji għal xiri ta’ proprjeta’ mill-privat. Wieħed dwar blokk ta’ għaxar appartamenti, bl-arja tiegħu, fi Triq Sir Temi Zammit, Raħal Ġdid u l-ieħor għall-postijiet bin-numri 5 u 6 Triq il-Karmelitani, Valletta. Ninsab infurmata wkoll li dawn il-postijiet ta’ l-aħħar huma fi stat delapidat u l-Awtorita’ fi ħsiebha twaqqagħhom u flokhom tibni blokk ta’ appartamenti ġodda. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taż-żewġ konvenji u l-pjanti tal-blokk f’Raħal Ġdid.

Appartamenti tal-gvern — Istallazzjoni ta' lifts

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ġew istallati lifts fi blokki qodma tal-gvern fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006? Kemm ġie jiswa kull lift, bejn wieħed u ieħor?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita' tad-Djar — Kiri ta' Units

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inkrew units lill-awtorita' tad-djar mis-settur privat? Jista' jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim li sar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma nkrewx postijiet privati oħra mill-Awtorita’ tad-Djar għajr il-blokk li dwaru diġa’ poġġejt il-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra bi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21999 f’ Seduta Numru 461.

Twaqqiegħ ta' Bini

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu mistenni li jitwaqqgħu binjiet tal-gvern, tal-privat u tal-joint office biex isiru proġetti ta' housing?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minbarra l-proġett li semmejt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18794 f'Seduta Numru 381, hu maħsub li jinbeda t-twaqqiegħ fuq ir-raba' u l-ħames fażi tal-proġett ta' Triq il-Wied, l-Imsida, jiġifieri bejn Triq il-Wied, Triq l-Ispiżjar Sciberras u Triq Garcin. Ninsab infurmata li ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika mitluba mill-Onor. Interpellant għar-raġuni li diversi postijiet fi proġetti bħal dawn jinkludu kmamar f'kerrejiet jew appartamenti delapidati li lanqas ikunu abitati.

Liġi tal-Kera

Question

Tista' l-Ministru tgħid, issa li għaddiet sena oħra u ma sar l-ebda tibdil fil-liġi tal-kera, x'beħsiebha tagħmel għas-sena 2007 fejn jidħlu liġijiet tal-kera tal-privat ta' qabel is-sena 1995?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija parlamentari 21219 f’Seduta Numru 440, ninfurmah li x-xogħol li kien meħtieġ skond id-direzzjoni tal-Kabinett, inkluż l-analiżi ta’ riformi simili dwar il-liġijiet tal-kera f’pajjiżi oħra, tlesta. Il-White Paper li tħejjiet għad trid tiġi diskussa fil-Kabinett u l-Ministeru jimxi skond id-direzzjoni li tingħata wara din id-diskussjoni.

Djar Battala

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-gvern fejn jidħlu djar battala?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-politika ta' dan il-Gvern dwar djar battala, waqt li teskludi assolutament il-ħruġ ta' ordnijiet ta' rekwiżizzjoni, hi li tħajjar lis-sidien li jpoġġu dawn id-djar fis-suq, kemm għall-bejgħ kemm għall-kera. Kif żgur jaf l-Onor. Interpellant, fl-1995, dan il-gvern bidel il-liġi dwar li tirregola s-settur tad-djar u l-kera b'mod li, barra li neħħa l-poter ta' rekwiżizzjoni, illiberalizza s-suq biex djar battala li, sa dakinhar, ma kienux jinkrew minħabba l-biża li l-inkwilin jidħol fil-post u jibqa' hemm bl-istess kera għal dejjem, minn dakinhar setgħu jinkrew għal perijodu fiss skond kuntratt miftiehem bejn is-sid u l-inkwilin. Il-ħsieb ewlieni wara din il-bidla fil-liġi kien li dawn il-postijiet ma jibqgħux battala u jibdew jinkrew. Il-Gvern ħa wkoll inizjattivi oħra biex djar privati ma jibqgħux battala, fosthom proċess ta' direkwiżizzjoni u ta' riġenerazzjoni ta' djar f'żoni urbani u rurali. Waħda mill-għanijiet tal-White Paper dwar il-liġi tal-kera li ħejja l-Ministeru tiegħi hi biex tkompli tinkoraġġixxi aktar l-użu tad-djar battala.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien hemm inizjattivi mill-awtorita' tad-djar matul din is-sena għall-għajnuna għal dawk l-aktar vulnerabbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul l-2006, l-Awtorita’ tad-Djar ħaddmet numru ta’ skemi u inizjattivi biex tgħin lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-iskemi u inizjattivi.

Kiri ta' postijiet mingħand il-privat

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inizjattiva għandu l-gvern għas-sena 2007 biex tikber ir-rata ta' familji biex jikru l-proprjeta' mill-privat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul din is-sena l-Awtorita’ tad-Djar ser tkompli tħaddem l-iskema R li tipprovdi sussidju fuq il-kera lill-inkwilini li jikru mingħand il-privat. Dawn l-inkwilini jistgħu jibbenefikaw ukoll taħt skema 5 ta’ l-Awtorita’ biex jirranġaw il-proprjeta’ mikrija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella dwar skema R.

Isla — Triq il-Ponta

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi neċessarji dwar rampa żgħira li hemm fi Triq il-Ponta, kantuniera ma' Triq San Franġisk, Isla, li tant hi perikoluża li minn meta saret kienu irrapporti bosta inċidenti ta' persuni li kisru saqajhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li triq msemmija hija responsabilta’ tal-Kunsill Lokali ta’ l-Isla.

Bormla — Triq Marjanu Gerada

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq Triq Marjanu Gerada f'Bormla, liema triq tinsab f'kondizzjoni ħażina?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li ser issir spezzjoni fuq din it-triq biex ikun determinat l-istat tagħha u liema entita' hi responsabbli sabiex tagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa.

Fgura — Drenaġġ f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-ebda Health Inspector ma għamel l-ebda spezzjoni fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara li anzjana mill-Fgura għamlet l-ilment tagħha minħabba d-drenaġġ li dieħel fir-residenza privata tagħha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-persuna riferuta għamlet ilment ma' dan id-Dipartiment fit-28 ta' Novembru, fejn qalet li għandha infiltrazzjoni ta' ilma. Fl-4 ta' Diċembru 2006 sar kuntatt minn uffiċjali ta' dan id-Dipartiment mal-mara ta' l-anzjan fejn ġejna infurmati li bħal issa mhux dieħel l-ebda ilma fir-residenza tagħhom. L-anzjan ġie ukoll fl-uffiċċju ta' Raħal Ġdid fl-4 ta' Diċembru fejn reġa' kkonferma dan u qal li l-ilma jidħol meta tagħmel ħafna xita qawwija. Għalhekk l-anzjan ġie mitlub li kif appena jidħol l-ilma jinforma l-uffiċċju biex jibdew l-investigazzjonijiet neċessarji (dak li jittieħed kampjun ta' l-infiltrazzjoni). Fis-6 ta' Diċembru uffiċjal ta' dan id-Dipartiment aċċerta ruħu li ma hemm l-ebda sadd fil-main tal-Gvern, kif ukoll li l-main huwa f'livel aktar baxx mill-infiltrazzjoni.

Inizjattiva Care and Repair

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex sal-lum għadha ma tteħditx l-azzjoni meħtieġa biex anzjana Sengleana li tgħix fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li kellha ssirilha spezzjoni fl-imsemmi fond biex tibbenefika mill-iskema care and repair, għadha ma saritilhiex l-imsemmija spezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant mistennija li ssir fid-19 ta’ Diċembru 2006.