Legislature:
Category:
Reset
Active:

Isla — Manutenzjoni ta' gallarija

Question

Tista' l-Ministru tara li x-xogħol ta' titjib fil-gallarija ta' fond fl-Isla li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ma setax jitkompla, jitlesta u dan minħabba li kellu jieqaf għaliex il-ħaddiema ma setgħux ikomplu minħabba inkonvenjent li hu maħluq minn wires ta' l-elettriku li huma mwaħħla fuq il-post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant li ma setgħax jitkompla għar-raġunijiet li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ma kellux kontroll fuqhom, mistenni jitkompla fil-bidu ta' April.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi qed jieħu d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali biex isib post alternattiv, biex individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separtament, tissolvielu l-problema li m'għandux fejn jabita?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata attivament u li l-każ qed jitqies bħala priorita'.

Bormla — Manutenzjoni ta' gallarija

Question

Tista' l-Ministru tara li l-gallarija fil-fond f'Bormla li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tiġi rranġata minħabba li kull darba li tagħmel ix-xita, qed ikunu kkaġunati ħsarat fil-fond?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar tilqa applikazzjonijiet għall-irranġar ta' gallariji fi proprjeta' mikrija mingħand il-Gvern taħt Skema W, dwar Għajnuna Finanzjarja fuq Xogħlijiet ta' Titjib fi Djar Proprjeta tal-Gvern. Ninsab infurmata wkoll li ma jidhirx li l-Awtorita' irċeviet xi applikazzjoni f'dan ir-rigward mingħand il-persuna ndikata. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lil din il-persuna lit-Taqsima tal-Customer Care ta' l-Awtorita' biex tagħmel l-applikazzjoni meħtieġa.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' single parent bi tlitt itfal li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li tgħix f'Wied il-Għajn? X'tama hemm li din tieħu post alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tigi kkunsidrata flimkien m'ohrajn simili.

Djar ta' l-anzjani — Residenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk persuna li hi residenti f'waħda mid-djar ta' l-anzjani tal-Gvern tibqax tieħu l-pensjoni jew tinqatagħlha parti minnha? X'inhi l-politika tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li żżamma ta' kontribuzzjoni minn pensjonijiet jew benefiċċji soċjali, mħallsa lil persuni li jibbenefikaw minn servizz residenzjali finanzjat mill-Istat, ilha fis-seħħ minn Lulju 1979. Preżentement, l-ammont ta' din il-kontribuzzjoni hu kalkulat skond l-Avviż Legali Nru 259 ta' l-2004. Il-politika tal-Gvern dwar is-suġġett hi li dawn il-kontribuzzjonijiet iservu biex ikopru parti minn nefqa fuq proġetti għall-benefiċċju u kwalita ta' ħajja aħjar ta' dawk li jgawdu minn dan is-servizz.

Impjegati tal-Gvern — Karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm temmew l-impjieg tagħhom ħaddiema tal-gvern li kienu jokkupaw kariga u li kellhom karozza għall-użu tagħhom, jiġifieri meta temmew dan ix-xogħol kienu intitolati li jixtru dik il-karozza? Min kienu? X'kariga kellhom? Kemm kien it-total ta' flus li bihom inxtraw dawn il-karozzi għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda ta-Kamra Tabella li turi l-Informazzjoni mitluba.

Bormla — Post substandard

Question

Tista' l-Ministru tgħid u tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport tal-perit tal-fond li jinsab f'Bormla, li ġie rrifjutat minn persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li qed tallega li dan il-post huwa substandard? Tista' tikkonferma jekk dan il-post hux tajjeb għall-abitazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma jirriżultax li fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jeżisti rapport minn perit dwar il-fond li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant irrifjutat. Ninsab infurmata wkoll li, minn spezzjoni li saret is-sena l-oħra, il-fond kien fi stat strutturali tajjeb iżda kien jinħtieġlu li jinbidel il-madum u l-kamra tal-banju. Il-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant setgħet tapplika u tibbenefika għall-għajnuna mill-Awtorita’ tad-Djar biex isiru dawn ix-xogħlijiet, iżda hi xorta għażlet li tirrifjuta l-fond, li issa ngħata 'l-ħaddieħor li proprju ser jingħata l-għajnuna ndikata.

Ħaż-Żabbar — Triq Alessio Erardi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija ssir Triq Alessio Erardi, Haż-Żabbar? Meta ser jibda x-xogħol? Meta mistenni jitlesta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT ser tibni mill-ġdid dik l-area kollha f’Żabbar. Ix-xogħlijiet diġa’ bdew fi Triq G Micallef, Pjazza Wignacourt u Triq Bieb is-Sultan. Dawn ix-xogħlijiet se jkomplu bi Triq il-Għasel, parti minn Triq il-Baħrija u Triq A Erardi. Dawn ta’ l-aħħar mistennija jinbdew il-ġimgħa d-dieħla.

Ħaż-Żabbar — Problemi sanitarji

Question

Jista' l-Ministeru jieħu l-passi neċessarji fejn hemm munzell ta' ħmieġ fi Triq Alessio Erardi, Haż-Żabbar, minħabba li dan qed jikkawża bosta problemi sanitarji, fosthom permezz ta' preżenza tal-ġrieden, kif ukoll problemi estetiċi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24145, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li uffiċjali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika spezzjonaw it-triq indikata, fit-28 ta' Frar 2007 u rriżulta li hemm akkumuli ta' materjal tal-bini, ġebel u xi injam u ħadid imma mhux materjal organiku. Ma ġie nnutat l-ebda sinjali ta' infestazzjoni ta' ġrieden. Waqt l-investigazzjoni ma setax jiġi identifikat min hu sid l-art. L-anqas m'hemm xi notifiki tal-MEPA għal xi żvilupp. Rigward problemi estetiċi, dawn ma' jaqawx taħt il-kompitu ta' dan id-Dipartiment. Madankollu ħaddiema tal-Pest Control fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, għamlu trattament intensiv fl-akkwati msemmija fit-28 ta' Frar 2007. Din iż-żona ser tinżamm taħt sorveljanza minn din is-sezzjoni. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Taqsima tas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma rċiviet l-ebda lment minn dawn l-akkwati matul ix-xahar ta' Jannar 2007, sal-ġurnata ta' llum.

Kappella tal-Parlament — Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi restawrata l-kappella tal-Parlament? Jekk le, jista' jgħid meta se jibda x-xogħol ta' restawr fiha? Jista' jikkonferma meta se jitlesta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi fil-Palazz hemm “Kamra” fejn sal-bidu tas-seklu dsatax kien hemm Kappella li qabel kienet dik personali tal-Gran Mastru. Il-proġett ta’ restawr wasal fl-aħħar fażi tiegħu wara li kien hemm problemi kbar biex tiġi restawrata l-affresk ta’ Filippo Paladini li soffriet danni kbar matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Din il-parti tal-proġett tlestiet u tlesta wkoll ir-restawr tas-saqaf ta’ l-injam. Bħalissa qegħdin jiġu pjanati dawn ix-xogħlijiet pendenti fuq dan il-proġett: i. is-sistema tad-dawl; ii. jsir damask kif kien hemm qabel; iii. jerġa’ jinfetaħ il-bieb prinċipali; iv. tiġi konservata pittura fuq tila. Id-data ta' meta jkun lest ix-xogħol kollu tkun tista' tingħata hekk kif jinħarġu l-permessi kollha relatati ma' l-eżekuzzjoni tax-xogħol imsemmi f'(iii).

Ħaż-Żabbar — Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex diversi toroq fil-lokal ta' Haż-Żabbar, bħal Triq A. Caligari, n-naħa tax-Xgħajra u l-inħawi ta' madwar, qed iġarrbu qtugħ tal-provvista tad-dawl bosta drabi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninab infurmat li fix-xahar ta’ Frar kien hemm erbgħa interruzzjonijiet fl-inħawi ta’ Ħaż-Żabbar. Dawn kienu minħabba ħsarat fuq is-sistema ta’ ‘High Voltage’. Tlieta minn dawn il-ħsarat ġew ikkawżati minn ħsarat fuq il-linji waqt li r-raba’ waħda kienet kaġun ta’ ħsara fuq cable ta’ taħt l-art.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' l-Ministru tara x'passi ħa d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali biex single parent ta' 20 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix ma' bintha ta' erba' snin fil-post ta' ommha u missierha u ma' oħtha l-oħra ta' 19-il sena, li wkoll hi single parent, tibbenefika minn post alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.

Bormla — Stallazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir lift għal residenti ta' Kwartier San Nikola, Bormla, u dan minħabba persuni anzjani u morda li jabitaw hemm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirrizultax li hemm xi applikazzjoni pendenti ghall-istallar ta' lift fil-post indikat mill-Onor. Interpellant

Care and Repair

Question

Tista' l-Ministru tara li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandhom tifel ta' 12-il sena b'diżabilita' u dħul finanzjarju limitat, jibbenefikaw mill-inizjattiva care and repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair. Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.

Spezzjoni ta' fond

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hi mistennija li ssir spezzjoni fil-lokal ta' Hal Għaxaq, fil-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar, ma jirrizultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt ghamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair. Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.

Dipartiment tal-bini u tiswija tad-djar — Bdil ta' soqfa

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex id-dipartiment tal-bini u tiswija tad-djar ma biddlux s-soqfa tal-kuridur u s-saqaf tal-kamra tal-banju tal-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, wara li ħarġet sejħa għall-offerti aktar minn sena ilu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant mistenni li jsir sa l-aħħar tax-xahar id-dieħel.

Ħaż-Żabbar — St. Patrick football team

Question

Jista' l-Ministru jara li z-zona fejn jitħarreġ it-team tal-football ta' St. Patrick ta' Ħa-Żabbar isir fiha titjib b'ħolqien ta' zona pedonali, fosthom recreation area, anke biex wieħed ikun jista' imur jogging fl-imsemmija zona, kif hemm fost l-oħrajn f'Sta. Luċija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport mhux involut fil-proġett ta' St. Patrick FC.

Birgu — Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet f'dawn l-aħħar għaxar snin il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, biex tissolva problema f'residenza fil-Birgu minħabba kwantita' ta' ilma li jinsab dieħel fil-kantina tal-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn analiżi ta' l-ilma li qed jiskula, irriżulta li dan hu ilma tad-drenaġġ. Sussegwentament, uffiċċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma spezzjonaw il-mejn tad-drenaġġ fit-triq tar-residenza indikata. Dan instab li ma fih xejn ħażin. Jidher li jista jkun hemm xi difetti fil-konnessjonijiet privati ta' residenzi u għaldaqstant kienu informati l-awtoritajiet sanitarji biex huma jagħmlu l-investigazzjonijiet li hemm bżonn fil-konnessjonijiet privati.

Sussidju fuq il-kera

Question

Tista' l-Ministru tara jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tibbenefikax minn sussidju fuq il-kera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar għaddejja bil-proċess ta’ verifikar ta’ l-assi ta’ l-applikanti ndikata mill-Onor. Interpellant biex tkun tista tikkonferma jekk din il-persuna għandiex dritt jew le għas-sussidju fuq il-kera.

Skema Care and Repair

Question

Tista' l-Ministru tara li l-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jibbenefika mill-iskema care and rċepair għax għandu ħsarat fil-ħajt tar-residenza tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal- Care and Repair . Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.