Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reviżjoni ta' kera

Question

Tista' l-Ministru tara li l-anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li qed jgħid li għandu post bil-kera għolja, m'għandux fejn jonxor u qed ikollu ħafna spejjeż biex juża t-tumble dryer, ssirlu spezzjoni biex tkun riveduta l-kera u biex ikun ikkonfermat iċ-ċokon ta' dan il-post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-sussidju fuq il-kera tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant liema sussidju ġie stabbilit għal 50%, inħadem is-sena l-oħra.

Awtorita' tad-Djar — Każ ta' housing

Question

Tista' l-Ministru tara fejn waslet it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni għal għotja li tgħin lis-sidien fil-bini, irranġar u jew tkomplija ta' l-ewwel residenza, ninsab infurmata li l-applikazzjoni mill-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant waslet għand l-Awtorita' tad-Djar fis-27 ta' Frar, 2007. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' qed tipproċessa din l-applikazzjoni li qiegħda fi stadju li jsiru l-verifiki meħtieġa biex jiġi kkonfermat li l-proprjeta' hi fil-fatt l-ewwel abitazzjoni ta' l-applikanti.

Każi ta' stupru

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rrappurtati każijiet ta' stupru mill-bidu ta' din is-sena sal-lum? Minn liema lokalitajiet jew pajjiż kienu l-aggressuri u l-vittmi? F'liema lokalitajiet saru l-każijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija ħames każi ta' stupru, li wieħed minnhom irriżulta li kien każ ta' rapport falz. Fil-każijiet kollha l-vittmi kienu Maltin, filwaqt li l-persuni suspettati li wettqu r-reat kienu f'żewġ każijiet Maltin, każ ieħor Libjani u fl-ieħor Somalu u Sudaniż. Dawn ġew irrapurtati li seħħew San Pawl il-Baħar; Bormla; Ħaż Żabbar u l-Marsa.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Post alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tara li s-single parent, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix f'fond ma' sitt persuni oħra u li jaqsmu kamra tal-banju waħda, u li m'għandhiex mezzi finanzjarji biex tikri mis-settur privat, tkun ipprovduta post alternattiv mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Care and Repair

Question

Tista' l-Ministra tara li l-anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separtament, jibbenefika mill-inizjattiva care and repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair. Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.

Korsijiet ta' security guards

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-ditti li joffru korsijiet ta' security guards? Jista' jagħti l-indirizz tagħhom u kemm ilha għandhom il-liċenzja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dawk il-kumpaniji reġistrati skond l-Att dwar Gwardjani Privati u Lokali (Kap. 389) sabiex imexxu korsijiet ta' taħriġ ta' gwardjani privati, huma: Kumpanija Liċenzja maħruġa The Guard & Warden Service House Ltd 11 ta' Ottubru 2000 Group 4 Securitas 23 ta' Mejju 2001 Monitoring Services Ltd 29 ta' Awissu 2002 Security Services Malta Ltd 16 ta' Settembru 2005

Referre tal-waterpolo

Question

Jista' l-Ministru jara li b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23699, fejn fiha tajt is-suġġeriment biex refereetal-waterpolo tissemma xi tifkira għalih, hu possibbli li tissemma waħda mis-swali tal-pixxina nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

M'hemm xejn ġdid x'inzid aktar mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23699.

Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li ssir spezzjoni minn impjegat tad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali fil-fond f'Bormla, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispezzjoni tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant saret meta l-inkwilin applika mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Care and Repair

Question

Tista' l-Ministru tara li l-individwu minn Haz-Zabbar, li d-dettalji dwar qed jintbaghtu separatament, jibbenefikaw mill-inizjattiva Care and Repair bil-għan li ssirlu kamra tal-banju ġdida?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair. Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.

Policy dwar il-valur tal-proprjeta'

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-policy tal-valur tal-proprjeta'? Meta daħlet fis-seħħ? Kemm huma ivvalutati l-fondi b'kamra tas-sodda waħda, tnejn, u tlieta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-valutazzjoni oriġinali tal-postijiet mill-Awtorita’ tad-Djar issir skond il-kriterji rikonoxxuti biex issir valutazzjoni ta’ proprjeta’ immobbli, jiġifieri d-daqs, it-tqassim, il-kundizzjoni u ż-żmien li jkun ilu mibni l-post, kif ukoll il-lokalita’. Għalhekk, kull post jigi valutat fuq dawn il-kriterji u skond il-karatteristiċi partikolari tiegħu. Wara li ssir il-valutazzjoni, il-prezz ta’ l-akkwist jiddependi u jista’ jvarja skond l-iskema rispettiva li taħta l-benefiċjaru jkun applika. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema skema qed jirreferi.

Hamrun — Talba għax-xiri ta' fond

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta saret it-talba tal-persuni, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, biex jixtru l-fond tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li talba għax-xiri tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant waslet għand l-Awtorita’ tad-Djar fit-28 ta’ Marzu 2006. L-applikanti ġew infurmati bil-valur tal-proprjeta’ u ntbagħtitilhom applikazzjoni biex jimlewa u jirritornawa lill-Awtorita’ flimkien mad-dokumenti meħtieġa. Ninsab infumata li, sal-lum, din l-applikazzjoni u d-dokumenti ma waslux għand l-Awtorita’.

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali -

Question

Tista' l-Ministra tara li l-koppja minn Ta' Xbiex, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandhom tlitt itfal, tgħix mal-ġenituri u għandhom biss kamra tal-banju waħda u tlitt ikmamar tas-sodda għal tmien persuni, li jgħixu biss mid-dħul tac-children's allowance minħabba li ħadd mill-konjuġi ma' jaħdem, tara li tingħata l-għajnuna neċessarja mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali bil-għan li tgħix ħajja diċenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-talba għal akkomodazzjoni alternattiva mill-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, liema talba saret fil-5 ta' Frar 2007, qed tiġi kkunsidrata flimkien ma oħrajn simili. Dwar il-kumment ta' l-Onor. Interpellant li ħadd mill-konjugi ma jaħdem u jgħixu biss biċ-Children's Allowances nassumi li din il-koppja diġa' ivverifikat mad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar jekk għandiex dritt għal benefiċċji soċjali oħra u rriżulta li d-dħul tagħha jew ċirkostanzi oħra ma jippermettux dan. Jekk dan mhux il-każ, għandhom jiġu riferuti lejn l-eqreb uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biex japplikaw.

Bormla — Irranġar ta' gallerija

Question

Tista' l-Ministru tara li l-gallerija tal-familja minn Bormla, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, liema gallerija tinsab f'kondizzjoni ħażina, tkun rranġata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Festa pubblika — Dun Gorg Preca - Kanonizzazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux l-ħsieb, biex meta jkun ikkanonizzat Dun Gorg Preca, jew xi ġurnata oħra relatata ma' din il-persuna mportanti, issir festa pubblika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qed ifassal il-passi li ser jieħu sabiex il-kanonizazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca tkun iċċelebrata u mfakkra bl-aktar mod xieraq u dehen.

Post alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tara li s-single parentli d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament, li tgħix f'fond ma' ommha, u oħtha single parent ukoll, u persuna b'diżabbilta', disgħa b'kollox f'żewġt ikmamar tas-sodda, tkun ipprovduta post alternattiv mill-aktar fis possibbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-każ qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali — Post alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi ħa d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali dwar l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħatu separatament, biex jieħu post alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm lid-dipartiment biex persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament titħalla tibdel il-post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata diġa' qegħda tgħix f'post tal-Gvern. Id-Dipartiment ma jistgħax ibiddel l-akkommodazzjoni tan-nies ħlief għal raġunijiet validi, sakemm dawn ma jsibux huma stess lil xi ħadd li lest ibiddel magħhom.