Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Premises

Question

Fejn jinsab id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali? Meta nxtraw jew inkrew il-premises? Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-indirizz tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali hu 77, Triq Maċerata, Floriana. Dan il-bini, li għandu wkoll bieb bin-numru 25, fi Triq Pietro Floriani, Floriana, faċċata ta’ l-uffiċini ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, inkera mill-Awtorita’ fid-9 ta’ Novembru 2006. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ din il-kirja.

Awtorita' tad-Djar — Bejgħ ta' proprjeta' minn sidien privati

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ġiet mnedija l-iskema biex sidien privati jbiegħu lill-Awtorita' tad-Djar? Kemm saru kuntratti? F'liema lokalitajiet? B'kemm prezz? Fuq kemm units qed nitkellmu? Tista' titpoġġa kopja tal-kuntratti fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22725 f'Seduta Numru 479. Ninsab infurmata li ma saru ebda konvenji jew kuntratti dwar l-istess skema minn dak inhar.

MEPA — Applikazzjoni għall-briedel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjoni quddiem il-MEPA biex f'pajjiżna jkun hawn il-briedel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn tfittxija fis-sistema ta’ l-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jirriżulta li mhemm l-ebda applikazzjoni għal briedel quddiem l-istess Awtorità.

Zabbar — Toroq ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ser isiru ġodda fil-lokal ta' Haz-Zabbar din is-sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT ħarġet lista ta’ toroq li ser isiru sa l-2008. Diġa’ nħarġu 2 batches f’din il-lokalita’ u l-maġġoranza tax-xogħol inbeda jew tlesta. It-toroq li fadal isiru skond il-prijoritajiet li joħorġu fil-programm ta’ xogħlijiet.

Xgħajra — Toroq ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ser isiru ġodda fil-lokal tax-Xgħajra din is-sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT qed tħejji l-istejjem u l-ko-ordinazzjoni mal-entitajiet biex ikun jistgħu jinbdew numru ta’ toroq mill-lista ta’ toroq li jridu jsiru.

Zabbar — Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew pjan li ssir Dar ta' l-Anzjani, f'Haz-Zabbar? Dan minħabba li dan l-lokal qed jikber ħafna u qed tiżdied it-talba għal dar bħal din?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li fil-preżent m'hemm l-ebda ħsieb li ssir Dar ta' l-Anzjani f'Ħaż-Żabbar.

Equity Scheme

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw biex jibbenefikaw mill-iskema l-ġdida Equity Scheme minn meta twaqqfet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li sal-lum l-Awtorita' tad-Djar irċeviet ħmistax l-applikazzjoni taħt l-iskema l-ġdida ta' l-Equity Sharing.

Xiri ta' art

Question

Jista' l-Viċi Ministru jgħid mis-sena 2000, sena b'sena sal-lum, kemm xtara art il-Gvern ta' Malta? Kemm hi l-kobor ta' din l-art kollha f'daqqa? Kemm hu l-valur globali? Kemm ħallas s'issa biex din inxtrat? Għal liema użu inxtrat?

Response (BORG, TONIO)

Mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-5 ta’ April 2007 il-kobor ta’ l-art, il-valur globali u l-ammont totali mħallas huwa kif ġej: SenaArea* (m2)Valur Globali (Lm) 2000120,9445,286,863 2001191,8143,952,966 200243,0092,256,296 2003109,7852,305,807 2004116,0995,173,804 2005194,3966,319,205 2006157,8072,746,773 2007127,5342,508,149 Nota: * Dawn l-ammonti ma jinkludux l-area ta’ fondi li ġew akkwistati u li l-kejl tagħhom mhux magħruf. L-art akkwistata mill-Gvern kellha diversi użu għall-skopijiet pubbliċi, fosthom għall-kostruzzjoni u twessiegħ ta’ toroq, bini ta’ skejjel, akkomodazzjoni soċjali etc.

Bejgħ ta' art

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mis-sena 2000, sena b'sena sal-lum, kemm biegħ art il-Gvern ta' Malta? Kemm hi l-kobor ta' din l-art kollha f'daqqa? Kemm hu l-valur globali? Għal liema użu nxtrat?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba għal perijodu li jkopri s-sena 2000 sas-sena 2005 ingħatat fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21839. Ninsab infurmat illi għas-sena 2006, il-valur globali ta' l-art mibjugħa kien ta' Lm8,101,881.20, waqt li l-kobor ta' din l-art kollha f'daqqa kien ta' 61,010 metri kwadri. Din il-figura ma tinkludix l-area ta' fondi li ġew mibjugħa u li l-kejl tagħhom mhux magħruf. Infurmat ukoll illi sad-29 ta' Marzu 2007, il-valur globali ta' l-art mibjugħa kien ta' Lm990,116 waqt li l-kobor ta' din l-art kollha f'daqqa kien ta' 5,375 metri kwadri. Dan l-ammont ma jinkludix l-area ta' fondi li ġew mibjugħa u li l-kejl tagħhom mhux magħruf.

Birgu — Talba għal relief

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna mill-Birgu li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qed jgħid li għandu jieħu aktar relief, ikollu t-talba tiegħu milqugħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ser jinvestiga l-ilment tal-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar x'passi trid tieħu minn naħa tagħha biex jiġi kkonfermat jekk hiex qed tirċievi l-ammont ta' benefiċċju korrett.

Proprjetajiet tal-Gvern — Flus minn kirjiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħħal flus il-gvern ta' Malta mill-kera tad-djar abitati li tagħhom il-Gvern hu s-sid, mis-sena 2000, sena b'sena sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta' flus li l-Gvern daħħal mill-kirjiet tad-djar abitati li tagħhom il-Gvern hu s-sid huwa kif ġej: Sena Ammont 2000 Lm571,401 2001 Lm557,990 2002 Lm596,564 2003 Lm615,923 2004 Lm657,185 2005 Lm648,509 2006 Lm621,452 2007 Lm151,607* *sas-27 ta' Marzu.

Flus minn kiri ta' ħwienet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħħal flus il-Gvern ta' Malta mill-kera ta' ħwienet li tagħhom il-Gvern hu s-sid, mis-sena 2000, sena b'sena sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta' flus li l-Gvern daħħal mill-kirjiet ta' postijiet kummerċjali (mhux ħwienet biss) li tagħhom il-Gvern hu s-sid huwa kif ġej: Sena Ammont 2000 Lm1,607,041 2001 Lm1,739,826 2002 Lm1,811,661 2003 Lm2,940,435 2004 Lm6,146,040 2005 Lm3,721,403 2006 Lm3,806,404 2007 Lm1,307,510* *sas-27 ta' Marzu.

Belt Valletta — Fond privat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti oriġinali tal-fond fil-Belt Valletta li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li s-sid tiegħu hu l-uffiċċju konġunt?

Response (BORG, TONIO)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra erba' kopji taż-żewġ pjanti tal-Blokk bini bin-numru 65 Triq il-Lvant, Valletta li l-oriġinali tagħhom jinsabu fir-Reġistru tal-Artijiet.

Ħaż-Żabbar — Telephone box.

Question

Jista' l-Ministru jara li t-telephone boxli tinsab fil-kantuniera ta' Triq il-Baħrija, Ħaż-Żabbar titneħħa minn postha jew toħroġ 'il barra, jiġifieri ma tibqax mal-ħajt ta' residenza privata, u dan minħabba inkonvenjenza kbira li qed tikkaġuna lir-residenti tal-madwar?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Ministeru tiegħi mhux responsabbli għal-xogħol fuq 'telephone boxes'.

Awtorita' tad-Djar — Bejgħ ta' proprjeta' qadima

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm daħlet flus l-Awtorita' tad-Djar, mill-bejgħ ta' proprjeta', tal-postijiet qodma ta' l-istess awtorita', sena b'sena mis-sena 2000 s'issa? Kemm hu n-numru ta' units ta' kull sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Isla — Ċint fi Triq Arkati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-għassa tal-pulizija ta' Bormla mas-sidien ta' ħajt, li hu ċint li jinsab fi Triq Arkati l-Isla u jħares għal fuq ix-xatt ta' l-Isla, liema ċint jinsab f'kondizzjoni mill-aktar ħażina u għalhekk hu ta' periklu għall-persuni li jkunu għaddejjin minn taħt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret fuq il-post, il-ħajt imsemmi ma ġiex identifikat. Għaldaqstant, ġentilment nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar tagħrif dettaljat, preferibilment billi jindika dan il-ħajt fuq site plan.

Divizjoni tal-proprjeta' tal-gvern — Online

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-Gvern li l-artijiet li jaqgħu taħt id-diviżjoni tal-proprjeta' tal-Gvern ikunu online? Meta hu mistenni li jibda l-proġett? Meta mistenni li jitlesta? Kemm ser jiġi jiswa?

Response (BORG, TONIO)

Huwa l-ħsieb tal-Gvern li meta jiġi attwat il-programm LEMIS jistudja l-possibilita' li ċerta informazzjoni dwar il-proprjeta' tal-Gvern titpoġġa online. Is-sejħa għall-offerti għall-proġett LEMIS għada qed tiġi valutata u għaldaqstant mhux possibli li nagħti risposta dwar meta mistenni jibda, meta sa jitlesta u kemm ser jiswa l-proġett.

Isla — Ċint fi Triq l-Arkati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ministeru tiegħu jirranġa ċ-ċint li jinsab fi Triq Arkati l-Isla, liema ċint iħares għal fuq ix-xatt ta' l-Isla u jinsab f'kondizzjoni diżastruża? Dan biex ikun eliminat kull periklu mill-aktar fis possibbli.

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħaż-Żabbar — Talba quddiem it-taqsima proprjeta' tal-gvern.

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li t-taqsima proprjeta' tal-gvern iwieġbu għat-talba li għamel persuna minn Ħaż-Żabbar li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament rigward biċċa art?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-jiem li ġejjin it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ser twieġeb l-ittra tal-1 ta' Marzu 2007 li għamel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant.