Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tal-persuna mill-Isla, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applika biex jixtri l-fond tiegħu li sa ftit taż-żmien ilu kien milqut bil-liġi possession and use?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda fil-proċess li jiġi stabbilit il-valur tal-fond.
Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tal-persuna minn San Ġwann, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li aktar minn sena ilu applikat biex tibbenefika mill-inizjattiva care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20445 f’Seduta Numru 429 fil-25 ta’ Settembru 2006, dwar l-istess persuna li rrefera għaliha f’din il-Mistoqsija. Minn dik it-Tweġiba jidher ċar li, sa dik id-data, l-persuna ndikata ma kienitx applikat biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair, iżda l-Awtorita’ tad-Djar xorta kienet se tieħu passi biex tara jekk din il-persuna setgħetx tibbenefika minn din l-inizjattiva. Għalhekk mhux il-każ li din il-persuna ilha li applikat aktar minn sena.
Ninsab infurmata li fil-fatt, minn dak inhar, l-Awtorita’ għamlet spezzjoni tal-fond u permezz ta’ ittra li ġġib id-data tas-26 ta’ Marzu 2007, infurmat lil din il-persuna bil-lista tax-xogħlijiet approvati u talbitha tibgħat stima għall-approvazzjoni tal-perit ta’ l-Awtorita’.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kopja tal-kundizzjonijiet u r-regolamenti ta' avviż 68 u 69 ta' l-Awtorita' tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24899, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-Avviżi Numri 68 u 69, maħruġa mill-Awtorita’ tad-Djar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond fil-Birgu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux rekwiżizzjonat jew le? Jekk għadu rekwiżizzjonat, hemm xi inkwilini li jabitaw fih? Jekk m'għadux, meta ħarġet id-derequisition?
Response (BORG, TONIO)
Proprjeta' rekwiżizzjonata m'hiex amministrata mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tara li l-persuna mill-Fgura, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-inizjattiva Care and Repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li meta kienet ser toħroġ is-sejħa għall-offerti biex isiru x-xogħlijiet taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair, l-Awtorita' tad-Djar ġiet infurmata mis-social worker tal-persuna ndikata li din il-persuna ma riditx li jsiru x-xogħlijiet għax bdiet tibża li ser ikunu ta' ħsara għal saħħitha u talbet li l-proċess jitwaqqaf. Minkejja l-intervent sussegwenti ta' ħu l-applikant biex jikkonvinċieħ biex ix-xogħlijiet isiru, l-applikant kien kontinwament ibiddel fehemtu jekk ix-xogħlijiet għandhomx isiru jew le.
Ninsab infurmata wkoll li, sal-lum, l-Awtorita' tad-Djar għad ma għandiex risposta definittiva jekk l-applikant iridx li jsiru x-xogħlijiet.
Tista' l-Ministru tgħid min hu intitolat biex jibbenefika minn skont fil-kontijiet ta' l-ilma u tad-dawl u x'inhi l-proċedura li tkun segwita biex wieħed jibbenefika?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Avviż Numru 384 ippublikat fil-Gazzetta tal-Gvern fl-20 ta’ April 2007, li tiegħu qed inpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tara hemmx xi possibilita' li l-familja ta' ħames persuni li kienet refuġjata mill-Marsa, li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, u li issa għandhom ċittadinanza Maltija u qed jgħixu f'kamra tas-sodda waħda, bir-raġel ma jaħdimx, jieħdu post tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien ma oħrajn simili.
Tista' l-Ministru tgħid minn meta bdiet li s-sidien privati li jridu jikru lill-Awtorita' tad-Djar? Kemm inkrew mingħandhom s'issa? F'liema lokalitajiet? B'kemm prezz? Tista' titpoġġa kopja tal-kuntratti fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall Mistoqsija Parlamentari Numru 21999 f'Seduta Numru 461.
Ninsab infurmata li ma ġie konkluż ebda ftehim ieħor minn dak inhar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru talbiet minn persuni li għamlu bidla fis-sess biex ibiddlu l-karta ta' l-identita' minn raġel għal mara, mis-sena 2000, sena b'sena sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Minn naħa ta' l-Uffiċċju Elettorali ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li applikaw biex jibdlu l-ġeneru tas-sess fil-Karta ta' l-Identita' kien kif ġej:-
Sena Numru
2002 1
2003 1
2005 3
2006 1
2007 1
Ninsab infurmat li dawn ta' hawn fuq mhux bilfors li kellhom bidla fis-sess, iżda jista' jkun li kien hemm żball fiċ-ċertifikat tat-twelid oriġinali. Mhux ta' min jeskludi li jista' jkun li persuni li għamlu bidla fis-sess ma applikawx biex jibdlu l-ġeneru tas-sess tagħhom fil-karta ta' l-Identita'.
Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu units bil-kiri mill-Awtorita' tad-Djar lill-benefiċjarji li applikaw biex jikru post ta' l-Awtorita' tad-Djar, sena b'sena mis-sena 2000 sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar ma tqassamx units għal kiri hi direttament.
Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali — Applikazzjonijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu units bil-kiri mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali lill-benefiċjari li għandhom applikazzjoni quddiem id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, mis-sena 2000, sena b'sena, sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment għad-Djar — Amalgamazzjoni ma' l-Awtorita' tad-Djar
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta hi mistennija li ssir l-amalgamazzjoni tad-Dipartimenti tad-Djar ma' l-Awtorita' tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif kelli l-okkażjoni li ngħid qabel, inkluż f’din il-Kamra u permezz ta’ stqarrija għall-istampa maħruġa fis-16 ta’ Novembru li għadda, il-proċess ta’ l-amalgamazzjoni tas-settur tal-housing diġa’ nbeda.
Minn dak inhar, tkompla dan il-proċess bit-trasferiment ta’ l-impjegati tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għal bini ieħor ta’ l-Awtorita u l-impjegati fit-taqsima tal-customer care ta’ l-Awtorita’ u ta’ l-imsemmi Dipartiment qed joffru s-servizzi tagħhom mill-istess uffiċċju.
Fl-istess ħin qed tiġi abbozzata l-leġislazzjoni meħtieġa li, meta tiġi approvata minn dan il-Parlament, tipprovdi s-sisien legali biex ikun jista’ jingħalaq il-proċess ta’ amalgamazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati li għerqu persuni fit-territorju Malti sena b'sena, mis-sena 2000 sal-lum? Jista' jgħid in-nazzjonalita' tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul il-perijodu mitlub sa l-aħħar ta' Marzu 2007 kien hemm 52 persuna li tilfu ħajjithom kawża ta' għarqa.
Minnhom 32 kienu ta' nazzjonalita' barranija li kienu ġejjin mill-Awstrija, Renju Unit, Italja, Libja, Tuneżija, Olanda, Repubblika Ċeka, Eġittu u l-Ġermanja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ser jiġri mill-binja fejn kien hemm Radio Malta/Redifussion? Jista' jgħid jekk hix għall-bejgħ? Kemm hu l-valur tagħha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern il-proprjeta' li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant mhix tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'ser jiġri mill-Isptar San Luqa, meta dan jagħlaq? Meta hu mistenni li dan jagħlaq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Parti mill-isptar San Luqa ser tkompli tintuża bħala faċilita' temporanja għar-riabilitazzjoni sakemm tkun lesta l-faċilita' l-ġdida ppjanata li tinbena f'Ħal Luqa. Il- kumplament tal-binja tgħaddi lura f'idejn il-Lands Department.
X'passi qed tieħu l-MEPA kontra dawk li bnew Boat Houses jew kmamar bla permess? Minnu li ser jitwaqqgħu? F'liema lokalita' jinsabu? Kemm hu n-numru ta' kmamar/boat houses?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond il-proċedura stabbilita fil-liġi, kulfejn hemm żvilupp illegali l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tinnotifika b’avviż lis-sid ta' l-art u lil min jokkupaha biex jieqaf ix-xogħol minnufiħ u biex l-art titreġġa’ lura għall-istat li kienet fih qabel ikun sar l-iżvilupp. Hekk sar u għadu qed isir fil-konfront ta' dawk l-individwi li bnew boathouses bla permess.
Bħalma jiġri dejjem, fejn min ikun qed jikser il-liġi ma jneħħix l-illegalità minn jeddu fiż-żmien stipulat bil-liġi, l-każ in kwestjoni ikun riferut għall-azzjoni diretta (direct action) min-naħa ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Sta għall-awtorità li tiddeċiedi meta, fejn u kif sejra twettaq l-azzjoni diretta skond il-prijoritajiet tagħha.