Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trabi abbandunati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm instabu trabi abbandunati fit-triq u/jew f'postijiet pubbliċi sena b'sena mill-1990 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma komputerizzata minn April ta' l-1997. Minn dak iż-żmien il-Pulizija irċevew żewġ rapporti fuq trabi abbandunati, dawn kienu fis-6 ta' Novembru 1997 f'tas-Sliema u fl-1 ta' April 2007 f'Bormla.

Twelid ta' trabi bla missier

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati tfal li twieldu bla missier mis-sena 2000 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika, in-numru ta’ tfal li twieldu minn missier mhux magħruf bejn is-sena 2000 u s-sena 2005 kien kif muri hawn taħt:- SenaNumru 2000238 2001245 2002282 2003306 2004330 2005322

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għadu ma tax in-numru tal-file lil waħda mill-applikanti minn Hal Għaxaq, li d-dettalja tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-fatt in-numru tal-file ngħata x-xahar li għadda.

Housing — Politika nazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar minnu l-ħsieb li kien hemm li tinkiteb Politika Nazzjonali għall-Housing?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalkemm għad hemm il-ħsieb li tinkiteb politika nazzjonali dwar l-akkomodazzjoni soċjali, fiċ-ċirkostanzi preżenti fejn għaddejja ħidma biex isseħħ l-amalgamazzjoni tas-settur tal-housing, ma jidhirlix li dan hu l-mument li fih għandha tinkiteb din il-politika.

Zabbar — Triq is-Saqwi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol ta' Triq is-Saqwi, Haz-Zabbar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ADT ħarġet lista ta' toroq li ser isiru sa l-2008. Diġa nħarġu 2 batches f'din il-lokalita' u l-maġġoranza tax-xogħol inbeda jew tlesta. It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant issir skond il-prijoritajiet li joħorġu fil-program ta' xogħlijiet.

Bormla — Taraġ f'parti komuni ta' binja

Question

Tista' l-Ministru tara li t-taraġ tal-parti komuni ta' binja tal-Gvern f'Bormla, li hu tal-franka, ikun irranġat u jsir bil-madum, minħabba li qed ikun ta' periklu għall-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u li hija residenti f'din il-binja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u t-Tiswija tad-Djar biex jinvestiga.

Awtorita' tad-Djar — Requisition

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-fond fil-Birgu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux rekwiżizzjonat jew le? Jekk għadu rekwiżizzjonat, hemm xi inkwilini li jabitaw fih? Jekk m'għadux, meta ħarġet id-derequisition?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-fond indikat mill-Onor. Interpellant għadu rekwiżizzjonat u hu abitat.

Awtorita' tad-Djar — Sussidju fuq il-kera

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, titħaffilha l-proċedura biex tibbenefika mill-iskema ta' sussidju fuq il-kera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda fl-istadju li jsiru l-verifiki u r-riċerki dwar l-assi tal-persuna konċernata. Jekk minn dan il-proċess jirriżulta’ li din il-persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-Iskema, l-Awtorita’ tad-Djar tkun tista’ tiffinalizza ma’ l-applikant il-ftehim għas-sussidju.

Xatt ta' l-Isla — Maħzen

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi proċedura ntużat biex maħżen li jinsab ix-Xatt ta' l-Isla, ġie mogħti lill-Klabb Regatta Birżebbugia? Ingħatat b'mod temporanju? Jista' jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratt li sar ma' dan l-istess klabb? Għaliex ma ġewx ippreferuti clubs u NGO's Sengleani u dan wara li diversi NGOs u clubs ilhom bosta snin ma jkollhom sede fejn jistgħu jwettqu l-ħidma komunitarja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Klabb Regatta Birżebbugia ma ngħata l-ebda maħżen ġewwa l-Isla.

Zabbar — Spezzjoni f'fond

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hi mistennija li ssir l-ispezzjoni f'fond f'Haz-Zabbar li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant tkun infurmata meta tiġi stabbilita d-data għall-ispezzjoni li għamel referenza għaliha fil-Mistoqsija.

Trabi mwielda barra ż-żwieġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twieldu trabi barra miż-żwieġ, sena b'sena mis-sena 2000 sal-lum f'Malta u Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika, in-numru ta’ trabi li twieldu barra miż-żwieġ bejn is-sena 2000 u s-sena 2005 kien kif muri hawn taħt:- SenaNumru 2000464 2001499 2002569 2003678 2004744 2005779

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali — Single parent

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tas-single parent minn Bormla, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interepellant, li saret fit-12 ta' Marzu 2007, qed tiġi proċessata.

Awtorita' tad-Djar — Care and Repair

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba li għamlet il-persuna Bormliża, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għall-inizjattiva Care and Repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-perit ta’ l-Awtorita’ tad-Djar approva l-istima tax-xogħlijiet dwar l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li permezz ta’ ittra datata 27 ta’ Marzu 2007, l-Awtorita’ infurmat lis-social worker tal-persuna konċernata b’dan kif ukoll li x-xogħol setgħa jinbeda.

Bormla — Tibjid fil-parti komuni ta' flats

Question

Tista' l-Ministru tara meta se jsir it-tibjid fil-parti komuni tal-binja Blokk 3, Bieb A, Flat 4, Triq San Ġwann t'Għuxa, Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa skond il-prioritajiet tax-xogħol li għandu d-Dipartiment.

Bormla — Bankina

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bankina fi Triq Wiġi Rosato f'Bormla, bejn Triq l-Inkurunazzjoni u l-kantuniera l-oħra, togħla biex ma jitilgħux fuqha l-karozzi, u dan biex ma tibqax ta' periklu għar-residenti, partikolarment min ikun għaddej mill-viċinanzi bil-mixi? Jistgħu jsiru xi bars biex il-bankina tkun protetta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq Wiġi Rosato hija responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla.

Bormla — Karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Triq Wiġi Rosato, Bormla? X'possibbilta' hemm li jibdew jgħaddu minn triq differenti minħabba d-djuq ta' din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn Triq Wiġi Rosato tgħaddi biss ir-Rotta 22. Din ir-rotta ċirkulari tgħaddi waħda kull siegħa u tibda mill-Isla, Gavinu Gulia, Bormla, Żabbar, Marsaskala, Bormla, Gavinu Gulia u ddur minn Triq Wiġi Rosato biex terġa tidħol l-Isla. L-uniku possibilita li hemm sabiex ir-rotta ma tgħaddix minn Triq Wiġi Rosato hija li meta din ir-rotta mill-Isla tasal Marsaskala, minn Żabbar tibqa' sejra mill-Fgura u ddur minn Għajn Dwieli. Din il-possibilta tista' tkun ta’ inkonvenjent għall-passiġġieri li jagħmlu użu llum minn din ir-rotta bejn Marsaskala u Bormla għaliex titwalilhom it-triq. Din il-proposta ser tiġi imressqa lill-ATP sabiex tiġi mplimentata fuq bażi ta’ prova ta’ tlett xhur.

Birgu — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex ma ttieħdux l-azzjonijiet meħtieġa biex tissolva mill-aktar fis possibbli l-problema ta' drenaġġ li dieħel fir-residenza fil-Birgu, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma iċċekjat il-mejn tad-drenaġġ fit-triq inkwestjoni u nstab li dan huwa tajjeb. Il-problema issa qed jinvestigaha d-Dipartiment tas-Saħħa biex jinvestigaw il-lower drain tad-djar f'din it-triq.

Awtorita' tad-djar — Kuntatti ma' persuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma, anke b'mod kunfidenzjali, ir-residenzi fil-Belt Valletta li qed jiġu kkuntattjati mill-Awtorita' tad-Djar, biex l-inkwilini ta' dawn il-postijiet jitilqu mill-fond tagħhom? X'inhu l-ħsieb għal dan il-kuntatt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li r-residenti li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk ta’ appartament numru 11/9 Triq Melita u ta’ 3 appartamenti fi Blokk 3 Triq il-Karmelitani. Ninsab infurmata wkoll li, peress li dawn il-proprjetajiet għandhom difetti strutturali, l-Awtorita’ infurmat lir-residenti li kienet qed toffrilhom ifittxu post alternattiv u l-kera, sa massimu stabbilit, titħallas mill-Awtorita’ sakemm jingħataw residenza alternattiva mid-Dipartiment ta’ l-Akkomodazzjoni Soċjali.

Birgu — Installazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-proċedura biex persuni anzjani mill-Birgu, li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, ikunu jistgħu jinstallaw liftfil-fond tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita’ tad-Djar tikkunsidra applikazzjonijiet għal stallar ta’ lift fi blokk mikri mill-Gvern jekk fil-blokk ikun hemm tgħix persuna b’diżabilita’ ta’ mobilita’. Jekk fil-familja ndikata mill-Onor. Interpellant hemm persuna li tissodisfa din il-kundizzjoni, għandha tagħmel applikazzjoni ma’ l-Awtorita’ taħt l-iskema dwar Stallazzjoni ta’ Lifts fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta’ tal-Gvern.