Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Awtorita' tad-Djar, li biegħet post f'San Pawl il-Baħar, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li hu elevated groundfloor flat, fuq il-kuntratt oriġinali kien hemm li jista' jsir użu tal-parti komuni, u għandu wkoll id-dritt ta' l-użu tal-bejt, madankollu qed ikun imċaħħad milli juża dawn id-drittijiet li skond il-kuntratt oriġinali huma tiegħu? X'passi se tieħu l-Awtorita' tad-Djar biex tkun irrimedjata din il-problema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ma ċaħdet ebda dritt lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Jekk din il-persuna ġiet imċaħħda minn terzi minn xi dritt legali, m’hemm xejn xi jżommha milli tieħu l-passi legali meħtieġa biex tieħu lura dan id-dritt.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex persuna minn Birżebbuġa, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li m'għandhiex il-mezzi finanzjarji biex tkompli tħallas il-kera tal-privat minħabba d-dħul finanzjarju baxx li għandha, qatt ma ġiet offruta post alternattiv mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant diġa kienet qegħda tgħix f'post tal-gvern, iżda minħabba raġunijiet personali kellha titlaq minn hemm.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-għassa tal-pulizija li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma ħadux il-passi neċessarji biex jitneħħew il-vending machines li ġew installati bla permess?
Response (BORG, TONIO)
Il-Pulizija tad-Distrett ħadet passi. Sadanittant il-permessi meħtieġa mill-Kunsill Lokali ħarġu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li jinsab fil-Belt hux rekwiżizzjonat jew le? Jista' jikkonferma jew jinnega jekk is-sid hux l-Uffiċċju Konġunt jew id-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-post li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant fil-fatt huwa tal-Gvern u dan kien ingħata b'ċens temporanju li issa skada. It-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern mhix infurmata jekk dan il-post hux rekwiżizzjonat. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment responsabbli mill-proċeduri ta' rekwiżizzjoni huwa dak tal-Akkomodazzjoni Soċjali.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li jinsab fil-Belt hux rekwiżizzjonat jew le? Tista' tikkonferma jew tinnega jekk is-sid hux l-Uffiċċju Konġunt jew id-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-post indikat mill-Onor. Interpellant mhux f’idejn id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'hemm ippjanat li jsir f'Misraħ San Nikola, Ħaż-Żabbar peress li hemm ħafna bini abbandunat u ż-żona tinsab fi stat ta' abbandun?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq ser issir mill-Gvern Ċentrali kif ppubblikat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq. Il-Gvern Ċentrali ser jibni t-triq mill-ġdid u jgħaddi s-servizzi kollha meħtieġa.
Huwa minnu li l-bini abbandunat u delibitat fi Triq ix-Xgħajra, ħdejn Misraħ San Nikola, Ħaż-Żabbar hu proprjeta' ta' l-Uffiċċju Konġunt? Jekk fl-affermattiv, se tittieħed l-azzjoni neċessarja biex jinbena ċ-ċint dawramejt ma' din l-area?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika fuq site plan il-proprjeta' in kwistjoni sabiex tkun tista' tingħata tweġiba.
Tista' l-Ministru tara jekk familja li tkun ibbenefikat minn xi skema ta' l-Awtorita' tad-Djar fil-passat, bħal tibdil jew irranġar ta' gallarija, tkunx tista' terġa' tibbenefika minn xi tip ta' għajnuna oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li persuna li tkun ibbenefikat minn għotja għal titjib fil-fond fejn tgħix tista’ tibbenefika minn għotja oħra sakemm ma tkunx għall-istess xogħlijiet li dwarhom tkun ingħatat għajnuna preċedenti u sakemm iż-żewġ għotjiet flimkien ma jkunux jeċċedu Lm 4,000.
Tista' l-Ministru tgħid x'passi se jieħu l-Ministeru rigward fond tal-gvern f'Bormla, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba li s-soqfa ta' waħda mill-kmamar ma jinsabx f'kundizzjoni tajba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt l-ilment ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex jinvestiga.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex armla Qormija, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li sabet kenn temporanju ma' binha f'Ħaż-Żabbar, qatt ma ġiet offruta post alternattiv mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, u dan bir-riskju li tista' tispiċċa homeless?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li n-numru tal-karta ta’ l-identita’ ma jaqbilx ma’ l-isem tal-persuna kif indikat mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu applikazzjoni pendenti minn persuna li għandha n-numru ta’ l-identita’ indikat, liema applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.
Jista' l-Ministru jgħid jekk xi ħaddiem li jaħdem it-Tarzna li jieqaf u jieħu s-somma hux possibbli li jidħol jaħdem x'imkien ieħor jew jiftaħ xi negozju?
Response (GATT, AUSTIN)
B’ riferenza għal din il-Mistoqsija Parlamentari ninsab infurmat li m’ hemm l-ebda ndikazzjoni li sa toħroġ xi skema ohra ta’ rtirar kmieni u għalhekk ma nistgħux inwieġbu għad-domanda tal-interpellant.
Tista' l-Ministru tara li l-problema ta' umdita' li għandu l-fond tal-gvern, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separtament, f'Wied il-Għajn tiġi rranġata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u t-Tiswija tad-Djar biex jinvestiga.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament, hix intitolata biex tonxor fuq il-bejt ta' post tal-Gvern, skond il-kuntratt li kienet għamlet bosta snin ilu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond il-kundizzjonijiet tal-kirja, il-persuna li d-dettalji tagħha intbgħatu separatament għandha dritt għall-użu tal-bejt flimkien mar-residenti l-oħra ta' l-istess blokk.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinsab fl-Isla, hux milqut mil-liġi Possession and Use? Jista' jinxtara? Jekk fl-affermattiv, xi proċedura trid tiġi segwita biex ix-xiri jseħħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-fond li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Membru jinsab mibni fuq proprjeta' li ġiet esproprjata taħt it-titolu ta' pussess u użu u għaldaqstant ma jistax jinxtara mill-inkwilini.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-fond li jinsab fil-Mosta, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux rekwiżizzjonat jew le? Xi jrid isir biex tinħareġ id-derequisition?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-fond indikat mill-Onor. Interpellant kien ġie derekwiżizzjonat fit-23 ta' April 2003.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li jinsab fil-Mosta, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament hux rekwiżizzjonat jew le? Xi jrid isir biex tinħareġ id-derequisition?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar liema postijiet huma rekwiżizzjonati kif ukoll il-proċess meħtieġ biex issir 'derequisition' huma responsabbilita' tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-ittri li ntbagħtu f'isem il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, lid-Dipartiment ta' l-Artijiet, jiġu mwieġba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ż-żewġ ittri li ntbagħtu lid-Dipartiment tal-Artijiet f'isem il-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġew imwieġba. Dik tad-9 ta' Frar 2007 ġiet imwieġba fis-26 ta' Frar 2007 u dik tas-17 ta' April 2007 ġiet imwieġba fl-20 ta' April 2007.
Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fi żmien qasir l-Awtorita’ tad-Djar mistennija tinforma lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant bid-data għall-iffirmar tal-ftehim dwar l-għotja.
Tista' l-Ministru tara li t-talba li għamlu r-residenti Għaxqin, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, rigward informazzjoni dwar kumpens tal-War Damage tkun imwieġba, għax jinħtieġu dik l-informazzjoni b'mod mill-aktar urġenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li diġa’ sar kuntatt bejn in-nutar li qed jirrappreżenta r-residenti ndikati u l-Aġent Direttur tad-Dipartiment responsabbli u ser isiru l-arranġamenti biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa.