Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema tal-Cleansing Departiment – xogħol ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ħaddiema tal-Cleansing Department li bejn Jannar u Frar 2013 tqabbdu mill-Partit Nazzjonalista sabiex inaddfu wara l-mass meetings organizzati mill-istess partit? Jista’ jgħid jekk dawn il-ħaddiema tħallsux l-overtime dovut lilhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi d-Direttorat għat-Tindif, kien ġie mqabbad mill-Partit Nazzjonalista sabiex isir tindif wara l-mass meetings tal-kampanja elettorali 2013. S'issa kull ma sar huwa pagament wieħed mill-istess partit, li jkopri l-ewwel mass meeting li kien sar fl-20 ta Jannar 2013. Il-pagament li sar ftit tal-ġranet ilu se jgħaddi għand il-ħaddiema fis-salarju li jmiss. Id-Direttorat qiegħed isegwi l-proċeduri tal- accounts kull xahar, sabiex jinġabru l-ammonti dovuti.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex imur għandha l-perit tal-Awtorità tad-Djar għaliex allegatament qed issir ħsara strutturali fil-post tagħha minħabba attività ta’ terzi li joqogħdu f’appartament fuq tagħha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-postijiet inkwestjoni huma tal-Privat u għalhekk m’hijiex policy tal-Awtorità tad-Djar li tibgħat periti tagħha sabiex jispezzjonaw proprjetà privata.

Pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntatjatha din il-persuna d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema fil-ħlas tal-pensjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħti iktar informazzjoni dwar l-individwu.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex imur għandha l-perit tal-Awtorità tad-Djar għaliex allegatament qed issir ħsara strutturali fil-post tagħha minħabba attività ta’ terzi li joqogħdu f’appartament fuq tagħha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – servizzi/għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra lista ta’ servizzi/għajnuna soċjali kollha offruti mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll għal kull każ jgħid min jista’ jibbenefika, kemm jista’ jibbenefika, kif trid issir il-proċedura tal-applikazzjoni, il-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ kull miżura kif ukoll xi informazzjoni oħra relatata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Benefiċċju tal-Qagħad – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6598, fejn il-Ministru wieġbet li l-individwu msemmi qiegħed jaħdem u allura mhux intitolat li jirċievi l-benefiċċju tal-qagħad, nixtieq ninforma l-Ministru li l-aħħar ġurnata tax-xogħol ta’ din il-persuna kienet fit-12 ta’ Lulju 2013 u bdiet tirreġistra fid-19 ta’ Lulju 2013 u l-irċevuta tar-reġistrar qed tintbagħat separatament. Fid-dawl ta’ dawn il-fatti tista’ l-Ministru tara għalfejn din il-persuna mhux qed tieħu l-benefiċċju tal-qagħad?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li jibda x-xogħol fuq il-lift fil-binja tal-Gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li fl-2011 ir-residenti kienu rċevew ittra mingħand l-Awtorità tad-Djar li se jsir il-lift iżda dan għadu ma sarx u t-talba hija waħda urġenti peress li r-residenti f’din il-blokka huma kollha anzjani kif ukoll hemm persuna b’diżabilità li bħalissa tinsab imsakkra ġewwa darha u ma tistax toħroġ barra minħabba nuqqas ta’ aċċessibilità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – servizzi/għajnuna soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra lista ta’ servizzi/għajnuna soċjali kollha offruti mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll għal kull każ tgħid min jista’ jibbenefika, kemm jista’ jibbenefika, kif trid issir il-proċedura tal-applikazzjoni, il-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ kull miżura, kif ukoll xi informazzjoni oħra relatata?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #6971 Sitting 107 2014-01-14 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Artijiet – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara li tiġi kuntattjata din il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema fuq biċċa art tal-Dipartiment tal-Artijiet u peress li allegatament intilfu xi files?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament qiegħed jinghata attenzjoni u l-persuna in kwistjoni diġa ġiet ikkuntatjata dwar dan. Fl-istess ħin il-files tal-persuna indikata fl-ebda ħin ma kienu mitlufa.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma – servizzi/għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra lista ta’ servizzi/għajnuna soċjali kollha offruti mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll għal kull każ jgħid min jista’ jibbenefika, kemm jista’ jibbenefika, kif trid issir il-proċedura tal-applikazzjoni, il-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ kull miżura kif ukoll xi informazzjoni oħra relatata?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li qabel l-ARMS Ltd kienet tipproċessa l-vouchers tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, issa l-ARMS Ltd se tibda’ toħroġ il-kontijiet li jkollhom il-Benefiċċju tal-Enerġija mnaqqas direttament mill-kont. Apparti dan, jekk il-konsumatur ikun irreġistrat bħala każ soċjali u jippreżenta ittra mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jiffranka l-ħlas ta’ €466 depożitu.

ARMS – xogħol prekarju

Question

Jista’ l-Ministru jara li ma jibqgħux jiġu permessi prattiċi ta’ xogħol prekarju fejn kumpanija għandha kuntratt mal-ARMS fejn qiegħda tħaddem nies bħala clerical work on a temporary basis billi ġġeddilhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom xahar b’xahar iżda fejn hemm ċirkustanzi li dawn in-nies ilhom jaħdmu ma’ din il-kumpanija b’dawn il-kundizzjonijiet iktar minn sitt snin u dan anke fid-dawl tal-ġlieda u l-impenn ta’ dan il-Gvern kontra din il-pjaga soċjali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan is-sitwazzjoni ġo l-ARMS ilha għaddejja għal diversi snin. Nasal biex ngħid li għall-amministrazzjoni preċedenti kienet order of the day. Għalina din is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli, u bdejna nindirizzawha mill-ewwel. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata.

Ħlas tal-eżamijiet tal-O’Levels

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta’ għajnuna finanzjarja sabiex studenti li l-ġenituri tagħhom jinsabu qiegħda u jixtiequ jagħmlu l-eżamijiet tal-O’Levels, titħallsilhom il-miżata relatata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li meta student ikollu ġenituri li jinsabu qiegħda l-ħlas tal-eżamijiet tac-CES, tal- Matrikola u tal–ECDL kif ukoll il-miżata amministrattiva jiġu eżentati minn kull ħlas. Dan japplika għal dawk li jkollhom benefiċċju ta’ qagħad jew benefiċċju speċjali ta’ qagħad kif ukoll għal dawk li jkunu fuq xi tip ieħor ta’ benefiċċju soċjali. Jekk studenti japplikaw għall-eżamijiet fil-perjodu ta’ late applicants , f’dak il-każ jiġu eżentati milli jħallsu l-miżata tas-suġġett kif ukoll il-miżata amministrattiva, imma jridu jħallsu l-miżata tal- late application li tammonta għal €46.59.

Kont tad-dawl – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema fuq kont tad-dawl li jmur lura sal-2005 iżda ġie mitlub jħallas bir-rati tal-lum?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS Ltd għamlet kuntatt mal-klijent fejn dan ġie infurmat illi l-każ tiegħu ġie riferut għal Water Services Corporation Advisory Board sabiex dawn jirrevedu l-każ tiegħu u tittieħed azzjoni hekk kif meħtieġ skont l-esiġenzi tal-każ innifsu.
Leg 12 PQ #6602 Sitting 102 2013-12-11 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għall-Finanzi

Pensjoni – Każ ta’ individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6140, jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata din il-persuna peress li l-problema tagħha mhix fuq il-pensjoni ġenerali iżda fuq żmien partikolari?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninsab infurmat illi l-pensjoni kienet ġiet mnaqqsa skont kif kienet tgħid l-Ordinanza tal-Pensjonijiet Kap 93. fiż-żmien imsemmi. Pulizija li spiċċa b’servizz komplut imma ma kellux 55 sena eta’ ried jinforma lit-Teżor jekk ikollu mpjieg u jekk bejn il-pensjoni mhux ikkomutata u l-impjieg li sab wara li rtira, id-dħul tiegħu jaqbiżx is-salarju li kieku baqa’ Pulizija. Id-dħul żejjed jitnaqqas mill-Pensjoni kif fil-fatt ġara.

Rural Development Program for Malta 2014-2020 – fondi allokati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6331, filwaqt li nifhem li bħalissa l-Gvern qiegħed f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun approvat il-Partnership Agreement għas-snin 2014-2020, peress li l-mistoqsija oriġinali ma kenitx qiegħda titlob lista tas-sejħiet għal proġetti u inizjattivi lil hinn mill-Partnership Agreement, iżda fid-dawl li hemm persentaġġ minimu ta’ kemm il-Gvern jista’ jalloka lil-local action groups, jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun dan il-persentaġġ u allura kemm se jkunu l-fondi allokati lil-local action groups? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità Maniġerjali li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu hix se tkun qiegħda taċċetta li l-local action groups ikollhom il-fakultà li jadottaw miżuri li l-benefiċjarji tagħhom jkunu NGO, każini tal-baned, għaqdiet reliġjużi u għaqdiet sportivi fost oħrajn sabiex dawn ukoll jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi sabiex ikunu jistgħu jtellgħu attivitajiet u jirranġaw il-każini u proprjetà tagħhom, fost attivitajiet oħrajn, sabiex b’hekk dawn l-għaqdiet ikomplu jkunu assistiti fl-operat tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ammont ta’ fondi allokat lill-Grupp ta’ Azzjoni Lokali sejjer ikun ta’5% ta’ l-ammont allokat għal programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Għadu prematur f’dan l-istadju li jingħataw aktar dettalji qabel ma’ jiġi ffinalizzat il-pjan ta’ strateġija fuq bażi lokali.

Ħal Luqa – Triq Wied il-Knejjes — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fi Triq Wied il-Knejjes ġewwa Ħal Luqa peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u qiegħda tkun ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti ta’ din it-triq u dawk li jgħaddu minnha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bħalissa qed tippjana sabiex tkun tista’ toħroġ is-sejħa għat-tender għal dan ix-xogħol.

Is-Siġġiewi – Triq l-Imqabba — konġestjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex tissolva l-problema ta’ konġestjoni tat-traffiku li qiegħda tinġema’ fil-bidu ta’ Triq l-Imqabba, is-Siġġiewi, li tagħti għal Triq Mons, Mikiel Azzopardi?

Response (MIZZI, JOE)

Jien ninsab infurmat illi l-Crash Barriers li twaħħlu f’parti minn Triq l-Imqabba u li dawn qed jikkawżaw konġestjoni tat-traffiku minħabba li dejjqu il-wisgħa tat-triq, ser jitneħħew iżda xorta ser jittieħdu miżuri ta’ sigurta’ fil-post.

Benefiċċju tal-qagħad – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6141, tista’ l-Ministru tara li jiġi kkuntattjat l-individwu peress li kien jaħdem full-time self-employed iżda għal xi raġuni tniżżel li qiegħed jaħdem part-time minkejja li kien iħallas bolla ta’ full-time u issa għandu problema sabiex jieħu l-benefiċċju tal-qagħad?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Ħal Qormi — lift f'appartamenti

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4954 u tara li jibda x-xogħol fuq il-lift fl-appartamenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament peress li minkejja li r-residenti ilhom li applikaw mis-sena 2008 u għandhom il-permessi approvati x-xogħol għadu ma bediex? Tista' tara li din is-sitwazzjoni tiġi riżolta minħabba l-fatt li hemm numru ta’ anzjani u nies oħra li qegħdin ibatu minn nuqqas ta’ aċċessibilità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Problema ta’ housing – każ ta’ persuna

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6074, fejn it-tweġiba kienet li l-persuna inkwistjoni m’għandhiex applikazzjoni pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva, tista’ l-Ministru tgħid x’ġara mill-applikazzjoni (li l-irċevuta tagħha, datata 23 ta’ Settembru 2010 qed tingħata separatament) u għaliex l-Awtorità m’għandhiex rekord ta’ din l-applikazzjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikanta in kwestjoni ġiet fit-taqsima tal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar u ammendat l-applikazzjoni għall-akkommodazzjoni alternattiva. Din l-applikazzjoni kienet ġiet ikkanċellata peress li l-applikanta naqset li tiġi tammenda l-applikazzjoni fuq l-indirizz il-ġdid. L-istess applikazzjoni reġgħet ġiet ri-attivata fit-3 ta’ Diċembru, 2013.