Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #8253 Sitting 127 2014-03-10 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Is-Siġġiewi – toroq – żamma ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ żamma ta’ ilma f it-toroq li qed jiġu indikati separatament peress li qed joħolqu problema lir-residenti kif jixhdu r-ritratti li wkoll qed jintbagħtu separatament u dan minkejja li ilhom isiru rapporti dwar dawn il-problemi lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għal iktar minn tmien snin?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li fi Triq Blat il-Qamar iż-żamma tal-ilma hija kawżata minn diżlivell tat-triq. Il-Kunsill kien ingħata parir mill-Perit tiegħu li jeħtieġ li tinqala’ t-triq kollha biex tiġi irranġata din iż-żamma minima ta’ ilma. Dwar Triq il-Mitħna nfurmat mill-Kunsill li qed jistenna li jitlesta żvilupp f’din it-triq qabel titranġa wkoll din iż-żamma minima ta’ ilma. Intant infurmat mill-Kunsill li Triq l-Imqabba, ħdejn in-niċċa tal-Madonna, hija mdaħħla fil-lista ta’ xogħlijiet li mistenni li jitwettqu fl-iqsar żmien possibli.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntatjata l-persuna d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba problema rigward l-iskema biex tirranġa ħsarat fid-dar tagħha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li t-talba tal-inkwilin hija fuq tiswijiet fil-kamra tal-ħasil li kienet mibnija mill-inkwilin stess, it-tiswijiet meħtieġa huma responsabbilta’ tal-inkwilin.

Binja tal-Gvern – Bieb tal-Komun

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 5541 u tara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji u jinbidel il-bieb tal-komun tal-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilu iktar minn 40 sena u jinsab fi stat ħażin ħafna tant li ma jistax jingħalaq?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispezzjoni f’din il-binja saret u l-BOQ fuq il-bieb li hemm bżonn li jitranġa ġiet ippreparata. Matul Jannar inġabru l-istimi. Il-bieb maħdum lest u qed nantiċipaw li jitwaħħal fi żmiem ġimgħa oħra.
Leg 12 PQ #8191 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proprjetà – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6136 u jara li tiġi kuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema rigward ħanut li għandha fis-suq tal-Belt?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha ingħataw separatament se tiġi kkuntatjata mid-Dipartiment sabiex naraw il-każ tagħha u tittieħed l-azzjoni neċessarja.

Sir Sid Darek – każ ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li fit-8 ta’ Marzu 2013 kienet ħallset ’il fuq minn €90 f’riċerki u spejjeż oħra rigward l-iskema Sir Sid Darek iżda għadhom ma bagħtux għaliha biex tiffirma l-kuntratt?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sinjura applikat fit-8 ta’ Marzu 2013 sabiex tixtri l-post mikri lilha mill-Gvern taħt l-Iskema Sir Sid ta’ Darek. Il-file ġie proċessat u ġie riferut lis-Sezzjoni Notarali għall-iffirmar tal-kuntratt.

Pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilha taħdem għal numru ta’ snin iżda mhux qed tieħu pensjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna imsemmija minnu tilħaq l-età tal-Pensjoni Kontributorja għall-Irtirar fis-sena 2016. Għaldaqstant is-sinjura ma tistax tkun intitolata għall-Pensjoni Kontributorja għall-Irtirar issa iżda meta tilħaq l-età ta’ 62 fis-sena 2016.
Leg 12 PQ #8198 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Każ rigward proprjetà

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara li jinqata’ l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward proprjetà meħuda lill-familja tagħha mingħand il-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern qed jagħmel kull ma jista biex iħallas kumpens f’kazi bħal dan li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament u li ilhom pendenti numru konsiderevoli ta’ snin. Fid-dawl ta’ dan id-dipartiment qiegħed jieħu nota tal-kaz biex ikun jista jipproċedi bil-ħlas tal-kumpens, fil ħin opportun.
Leg 12 PQ #8251 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Is-Siġġiewi – żona ta’ Kirċeppu — żvilupp

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jsir xi żvilupp fl-għelieqi li jinsabu fiż-żona ta' Kirċeppu, Triq in-Nirien fis-Siġġiewi wara l-kappella?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità għandha bżonn iktar dettalji biex tkun tista’ twieġeb aħjar din il-mistoqsija

Kont tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema bl-arloġġ tal-ilma u qiegħed jiġiha għoli ħafna u dan minkejja li rrapurtat il-każ lill-ARMS kemm-il darba?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ARMS għamlet kuntatt mal-klijenta fejn din ġiet infurmata li l-każ huwa marbut ma’ meter tal-ilma. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġiet infurmata sabiex tinsab soluzzjoni adegwata b’effett immedjat. Fl-istess ħin l-ARMS diġa’ irrevediet il-kont tal-klijenta.
Leg 12 PQ #8017 Sitting 123 2014-02-24 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali Birkirkara – qagħda finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-qagħda finanzjarja li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara kellu sal-31 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan l-istess kunsill sad-data msemmija kellux xi djun ma’ kumpaniji bħal WasteServ, ARMS Ltd u oħrajn? Jekk iva, jista’ jelenka din il-lista u jgħid kemm jammontaw f’termini assoluti u f’termini ta’ persentaġġ tal-allokazzjoni tal-istess kunsill?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif provduta mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – servizzi/għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra lista ta’ servizzi/għajnuna soċjali kollha offruti mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll għal kull każ jgħid min jista’ jibbenefika, kemm jista’ jibbenefika, kif trid issir il-proċedura tal-applikazzjoni, il-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ kull miżura kif ukoll xi informazzjoni oħra relatata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #7706 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għall-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi — investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet mid-Dipartiment tat-Taxxi sena b’sena mis-sena 2008 ‘l hawn?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Benefiċċju tal-Qagħad – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6598, fejn il-Ministru wieġbet li l-individwu msemmi qiegħed jaħdem u allura mhux intitolat li jirċievi l-benefiċċju tal-qagħad, nixtieq ninforma l-Ministru li l-aħħar ġurnata tax-xogħol ta’ din il-persuna kienet fit-12 ta’ Lulju 2013 u bdiet tirreġistra fid-19 ta’ Lulju 2013 u l-irċevuta tar-reġistrar qed tintbagħat separatament. Fid-dawl ta’ dawn il-fatti tista’ l-Ministru tara għalfejn din il-persuna mhux qed tieħu l-benefiċċju tal-qagħad?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija għadu m’għalaqx il-ktieb tax-xogħol mal-ETC Huwa qiegħed jirreġistra fuq it-tieni parti tar-reġistru minħabba dan u għalhekk benefiċċju ma joħroġx. Meta ikun qed jirreġistra fuq l-ewwel parti tar-reġistru irid javża l-uffiċċju distrettwali tas-Sigurtà Soċjali u jinfurmawh rigward benefiċċji.

Liċenzja tal-mutur – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi indirizzat il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li kellu l-liċenzja biex issuq mutur iżda allegatament Transport Malta neħħewlu din il-liċenzja bi żball?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li dħalna fil-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament u li allegatament Transport Malta bi żball neħħietlu il-liċenzja biex isuq il-mutur. Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ma kellhiex dokumenti fir-rekords tagħha li juru li l-klijent in kwistjoni kellu l-kategorija tal-liċenzja biex isuq il-mutur. Bħalma tagħmel l-Awtorita’ f’każijiet simili, talbet lill-klijent sabiex jipprovdi l-affidavits konċernati, u wara dan hu ġie kkuntattjat sabiex jiltaqa’ ma’ uffiċċjal tal-Awtorita’ fil-jiem li ġejjin. Hekk kif il-klijent isirlu ittestjat permezz ta’ assessment għall-profiċenza fis-sewqan għal kategorija tal-mutur, l-Awtorita’ tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra li tagħhti l-klijent l-istess kategorija tas-sewqan. Infurmat ukoll li l-imsemmi klijent għandu fil-pussess tiegħu wkoll liċenzja maħruġa mill-Awstralja. Hu kien ġie infurmat li skont il-liġi mhux permess li wieħed ikollu żewġ liċenzji tas-sewqan, u li sad-data tal-lum il-klijent għadu ma rritornax għand l-Awtorita’ waħda minn dawn il-liċenzji.

Ħal Qormi – Triq Valletta – xogħlijiet fuq tappiera

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq it-tappiera li tinsab fi Triq Valletta, f’Ħal Qormi ħdejn Zammit Nurseries peress li meta tagħmel ix-xita, qiegħed jiżbroffa d-drenaġġ barra t-triq? Jista’ jikkuntatja lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex jindika fejn qiegħda l-problema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta u għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Kont tad-Dawl u l-Ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema bil-kont tad-dawl?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna ġiet ikkuntatjata u l-każ qed jiġi mistħarreġ minn ARMS Ltd.
Leg 12 PQ #7137 Sitting 112 2014-01-27 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali tas-Siġġiewi –Triq Mons. Mikiel Azzopardi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qatt saret xi talba min-naħa tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi lil Transport Malta fuq il-lights ta’ Triq Mons. Mikiel Azzopardi, kif titla’ minn Ħaż-Żebbuġ? Jekk kien hemm talba u ġiet rifjutata, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li, wara li ntalab l-opinjoni tiegħu minn Transport Malta, ma jsib l-ebda oġġezzjoni li ssir pedestrian crossing fit-triq imsemmija. Preżentament qed jitħejjew il-pjanti għall-approvazzjoni ta’ Transport Malta.

Kunsill Lokali tas-Siġġiewi –Triq Mons. Mikiel Azzopardi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qatt saret xi talba min-naħa tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi lil Transport Malta għal lights fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi, kif titla’ minn Ħaż-Żebbuġ? Jekk kien hemm talba u ġiet rifjutata, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta rċeviet talba minn resident għall-implimentazzjoni ta’ pelican crossing oħra fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi. L-Awtorità infurmat lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi rigward din it-talba u qed tistenna l-kummenti tal-kunsill sabiex tkompli tipproċessa tali talba.
Leg 12 PQ #7139 Sitting 112 2014-01-27 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Is-Siġġiewi – Triq Għajn il-Kbira — patching

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jinqata’ l-ħaxix ħażin u jsir xogħol ta’ patching fi triq Għajn il-Kbira, limiti tas-Siġġiewi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li l-ħaxix ħażin fi Triq Għajn il-Kbira nqata’ fil-jiem li għaddew u l-patching meħtieġ iddaħħal fil-lista tax-xogħlijiet u mistenni li jsir f’temp qasir.

Is-Siġġiewi – Triq Għajn il-Kbira — patching

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jinqata’ l-ħaxix ħażin u jsir xogħol ta’ patching fi triq Għajn il-Kbira, limiti tas-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żona imsemmija hija fir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali Siggiewi. Fir-rigward ta' patching dan hu responsabbiltà tal-imsemmi Kunsill Lokali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Minn naħa l-oħra se jsir ko-ordinament bejn il-Customer Care Unit fi ħdan id-Direttorat għat-Tindif u l-istess Kunsill Lokali sabiex isir ix-xogħol ta’ qtugħ ta’ ħaxix li hemm bżonn.