Taħriġ u edukazzjoni fl-industrija tal-films – investiment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jiġu investiti flus f’edukazzjoni u taħriġ fl-industrija tal-films ikkomparat mas-snin li għaddew?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena li għaddiet, fl-Industrija tal-Films, kien hemm element qawwi ta’ diversifikazzjoni. Minbarra films li ġew attirati, numru kbir ta’ sensiliet għat-televizjoni internazzjonali u produzzjonijiet ta’ reklami għal ditti rinomati, nefqu miljuni ta’ ewro f’ pajjiżna. Din l-industrija kompliet tagħti kontribuzzjoni importanti lill-ekonomija ta' Malta.
Il-figuri u l-investiment illi qed isir f’edukazzjoni u taħriġ, juru biċ-ċar li dan il-Gvern dejjem emmen fil-potenzjal tal-Industrija tal-Films.
Fl-aħħar 3 snin, il-Kummisjoni tal-Filma investiet aktar minn €825,000 fi proġett uniku sabiex ikun hemm aktar edukazzjoni u taħriġ fl-industrija tal-films. Dan il-proġett sar bl-għajnuna tal-Fond Soċjali Ewropew. Fil-passat, qatt ma’ kien sar progett simili.
Sabiex inkomplu ninvestu fl-iżvilupp tar-riżorsi umani tal-industrija, f’dawn l-aħħar sentejn, sar ukoll kors fl-Universita’ ta’ Malta - Master of Arts in Film Studies offrut mill-Fakultà tal-Arti, illi qabel lanqas biss kien jeżisti. Dan il-kors qed jiswa €50,000 fis-sena.
Bħalissa, l-Kummissjoni tal-Films qed tiddiskuti wkoll mal-MCAST, sabiex fis-sentejn li ġejjin isir proġett ieħor li joħloq opportunitajiet ġodda għal dawk li jridu jaħdmu f’din l-industrija u jiġu organizzati korsijiet ta’ taħrig relatati u dan b’konformita’ mal-Politika Nazzjonali tal-Films. Dan il-progett huwa stmat li se jiswa €755,540.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-industrija indiġena tal-films hijiex qed tingħata importanza? Jekk, iva, kif qed isir dan?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-industrija indigina tal-films qed tingħata ħafna aktar importanza minn qatt qabel. Dan kien l-ewwel Gvern li fassal Politika Nazzjonali għall-Films, li tieħu inkonsiderazzjoni l-aspetti uniċi tal-industrija.
Għall-ewwel darba wkoll, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Film Commisison sponsorjaw kors fl-Universita’ ta’ Malta għal dawk li jridu jistudjaw iċ-ċinematografija fuq livell ta’ Masters. Il-Film Commission iffirmat ukoll ftehim mal-MCAST sabiex aktar studenti Maltin u Għawdxin jingħataw opportunita’ fl-industrija tal-films.
Minbarra dan kollu, il-Film Commission wettqet ukoll proġett nazzjonali mmirat sabiex aktar nies jingħataw edukazzjoni u taħriġ fl-industrija. L-investiment fuq dan il-proġett kien ta’ aktar minn €825,000, u sar bl-għajnuna tal-Fond Soċjali Ewropew.
Għaliex nemmnu fl-industrija indiġena wkoll, dan il-Gvern żied ukoll l-allokazjoni tal-Film Fund. Sabiex isir iktar investiment biex jissahhah it-Talent lokali, żidna il-baġit allokat għall-Malta Film Fund minn €250,000 għal €300,000. Dan sabiex jingħataw aktar
grants
biex ikunu żviluppati u prodotti films Maltin u Għawdxin. Grazzi għal Film Fund, din is-sena diġa inħadem film Malti u hemm pjanijiet sabiex isir ieħor fix-xhur li ġejjin.
L-investiment fit-talent Malti huwa wieħed kontinwu, u għall-ewwel darba wkoll, waqqafna fond partikolari għal ko-produzzjonijiet. Sabiex nagħtu aktar opportunitajiet lill-
filmmakers
tagħna, qed nagħtu riżorsi finanzjarji sabiex kumpanji Maltin jingħaqdu ma’ kumpaniji barranin sabiex flimkien jipproduċu films għas-suq internazzjonali. Bħala parti mill-pjan sabiex jinħolqu aktar opportunitajiet għall-films indiġeni, fit-30 ta’ Jannar li għadda, ġiet iffirmata il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Ko-produzzjonijiet Ċinematografiċi bejn il-Gvern Malti u l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll Stati oħra firmatarji tal-Konvenzjoni Kulturali Ewropea. Din is-sħubija tinkoraġġixxi ko-produzzjonijiet multilaterali bejn tlieta jew aktar pajjiżi firmatarji, u tippermetti ko-produzzjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi firmatarji fejn ma jeżisti l-ebda ftehim. Il-Konvenzjoni tippermetti ukoll pajjiżi iżgħar bħal Malta li mhumiex f'pożizzjoni li jikkonkuludu ftehim bilaterali varji sabiex jibbenefikaw minn qafas legali għall-koproduzzjonijiet li jinvolvu żewg partijiet biss. Billi l-ispejjeż tal-produzzjoni dejjem jiżdiedu u mhux facli li produtturi tal-films jigbru l’finanzi necessarji, m'hemmx dubju li trattati bhal dawm saru importanti ħafna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm waslu turisti f’pajjiżna fl-2016, kemm kienu l-iljieli mqatta’ u kemm kien l-infiq turistiku? Jista’ jgħid id-differenza perċentwali ta’ dawn it-tliet figuri meta kkomparat mas-sena ta’ qabel, jiġifieri mal-2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika fl-2016 wasslu 1, 988,477 turist f’pajjiżna. Dan l-ammont huwa 190,000 aktar minn dak reġistrat fl-2015 u jissarraf fi tkabbir ta’ 10.5%. Dan hu fost l-ogħla rati ta’ tkabbir li qatt irreġistra pajjiżna minn mindu bdiet tinġabar l-istatistika b’permezz tat-Tourstat Survey.
L-iljieli mqatta ammontaw għal 14,961,366 lejl, żieda ta’ 5.7% fuq l-2015, li ssarraf fi kważi 810,000 lejl aktar.
Fejn jidħol infieq turistiku Malta fl-2016 rreġistrat dħul rekord ta’ €1,708,952,000. Dan ifisser tkabbir ta’ 4.3% fuq is-sena preċedenti u ssaffar f’€70 miljun akatr ta’ dħul dirett fl-ekonomija Maltija.
Ta’ min jinnota li l-ammont ta’ turisti li rreġistrajna is-sena l-oħra kien biss 11,500 turist il bogħod mit-tragward taż-żewġ miljun turist li l-gvern kellu għal din is-sena li qegħdin fiha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ viżitaturi barranin ġewwa Għawdex u l-iljieli mqatta’ minnhom fl-2016 u d-differenza perċentwali meta kkomparat mas-sena ta’ qabel, jiġifieri mal-2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2016 Għawdex kompla jżid fin-numru ta’ wasliet u iljieli mqatta mit-turisti barranin. It-tkabbir huwa ferm inkorraġġanti għaliex kien partikolarment ikkonċentrat matul ix-xhur tax-xitwa u F’dawk imsejħa shoulder months.
Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-istatistika fl-2016 in-numru ta’ viżitaturi barranin li żaru Għawdex kien ta’ 1,148,465, żieda ta’ aktar minn 13% fuq l-2015. Għaldaqstant ta’ min wieħed jinnota li n-numru ta’ viżitatur barranin ġewwa Għawdex kiber bi kważi 340,000 mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, jiġifieri żieda ta’ 42% fuq l-2012.
Fl-2016 skont l-istess NSO, in-numru ta’ turisti barranin li qattgħu lejl jew aktar fil-gżira Għawdxija kien ta’ 189,859 persuna. Infatti is-sena l-oħra immarkat żieda notevoli ta’ aktar minn 24,000 turist li qattgħu mill-inqas lejl ġewwa Għawdex, li fisser żieda ta’ 14.7% fuq l-2015.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pajjiżna qed kull ma jmur ikabbar il-popolarità tagħhu bħala attrazzjoni għall-konvenzjonijiet u konferenzi internazzjonali. Bejn Jannar u Dicembru 2016, waslu Malta kważi 136,770 viżitatur fuq skop ta’ negozju li jinkludu laqgħat fuq livell għoli u konferenzi. Dawn il-viżitaturi żdiedu b’7.8% aktar minn dak reġistrat is-sena ta’ qabel. Dan it-tkabbir f’din in-niċċa turistika jixpruna aktar ħidma biex inkomplu ngħollu l-livell u l-kwalità tal-prodott. Il-Gvern qed jaħdem fuq diversi proġetti bil-għan li jippreserva l-edifiċju, itejjeb is-servizz u jiġġenera iktar dħul għaċ-Ċentru tal-Mediterran ghall-Konferenzi. Dan sabiex Malta tkun ppreparata għal żieda f’din in-niċċa tal-konvenzjonijiet u konferenzi u tesponi lilha nnifisha bħala destinazzjoni ewlenija fil-Mediterran fl-organizzazzjoni ta’ konvenzjonijiet, laqgħat ta’ livell għola u konferenzi. Il-proġetti u x-xogħlijiet illi għaddejjin bħalissa jinkludu:
1. Main Switchboard – L-għan ta’ dan il-proġett hu sabiex l-MCC ikun jista’ jlaħħaq ma’ domada li dejjem qed tiżdied għall-elettriku;
2. Ristruttar ta’ sala magħrufa bħala
tank room
– L-għan ta’ dan il-proġett hu li jiġi mnehdi spazju ġdid li jtejjeb il-qlieqħ taċ-Ċentru sabiex b’hekk ikun jista’ jiġi investit fiċ-Ċentru stess;
3. Installazzjoni ta’ arja kundizzjonata f’Republic Hall – L-għan hu li ntejbu s-servizz għall-pubbliku u nnaqsu l-inkonvenjent għall-ġirien;
4. Roof Project - L-ghan ta dan il-progett hu li jigi mnehdi spazju ġdid;
5. Ristrutturar tal-Kappella Perellos u ftuħ tax-Xelters – L-għan ta’ dawn il-proġetti hu li jiġi ppreservart il-wirt kulturali;
6. Ristrutturar fis-Sala tal-Iskjavi– L-għan ta’ dan il-proġett hu li jiġi mnehdi spazju ġdid li jtejjeb il-qlieqħ taċ-Ċentru sabiex b’hekk ikun jista’ jiġi investit fiċ-Ċentru stess;
7. Embellishment Restrooms – L-għan hu li ntejbu s-servizz għall-pubbliku u għall-klijenti;
8. Proġett b’
Holographic Technology
u
Augmented Reality
- It-tnehdija ta’ teknoloġija innovattiva li ser tirrakonta l-istorja ta’ Malta b’enfasi fuq ġrajjiet li seħħew fiċ-Ċentru u l-madwar. B’hekk ser jitfetħu aktar il-bibien ta’ din il-binja meravijluża.
Uħud minn dawn il-proġetti ser jiġu ko-finanzjati mill-UE kif ukoll minn fondi taċ-Ċentru u tal-Gvern Ċentrali.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għamlitx profitt fl-2016?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bħala entita’ illi tikkompeti ma’ kumpaniji u entitajiet oħra li joperaw fl-istess settur, għandi l-pjaċir intenni illi, għal sena oħra konsekuttiva, kellna prestazzjoni pożittiva ħafna.
Hekk kif qed nesperjenzaw xgħira posittiva fejn is-settur tal-konferenzi qed jikber, il-Bord u t-tim ta’ ġestjoni tal-MCC qed jaħtaf kull opportunita’ sabiex jitjieb is-servizz u jiġi ġġenerat iktar dħul. Dan filwaqt illi jiġu kkontrollati l-ispejjez sabiex l-entita’ tkun
self-sustainable
.
Infakkar illi l-prestazzjoni finanzjarja tal-entita’ nbidlet minn waħda ta’ telf ta’ €95,000 fl-2013, għal waħda ta’ prattikament
breakeven
fis-sena 2014 u profitt konsiderevoli fl-2015. Għas-sena 2016 ukoll, fuq l-istess binarji tal-2015, ġie rreġistrat qliegħ fil-kotba ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Dar il-Mediterran għall-Konferenzi – management – tnaqqis ta’ tniġġiż tal-ħsejjes
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu mill-management ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi biex jiġi mmitigat l-inkonvenjent għar-residenti, speċjalment dak ta’ tniġġiż tal-ħsejjes?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt illi l-Bord u t-tim ta’ ġestjoni ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) qed jaħdem qatigħ sabiex dan il-post joffri dak kollu li hu mitlub biex jittellgħu u jiġu organizzati konferenzi, laqgħat, seminars u attrazzjonijiet kulturali, teatrali u mużikali, u esibizzjonijiet b’mod professjonali fuq livell internazzjonali. Flimkien ma’ proġetti illi qed isiru bi skop illi joffru esperjenza unika għall-viżitaturi, l-MCC nhieda sensiela ta’ progetti sabiex l-inkonvenjent fuq ir-residenti jigi mitigatat, kif ġej:
1. Proġett ta’ sistema Soundproofing bejn is-Sala La Valette u s-sala Repubblika bil-għan ewlieni li jiġu akkomodati żewġ attivitajiet f’daqqa bl-inqas inkonvenjent għall-klijenti u għall-ġirien; kif ukoll
2. Inbeda proċess ta’ immodernizzar tas-sistemi tal-arja kundizzjonata tal-MCC sabiex sistemi li sal-ġurnata tal-lum kienu ta’ inkonvenjent fuq il-ġirien, ma jibqgħux ikunu ta’ inkonvenjent minħabba li dawn jitħaddmu b’teknologija moderna u silenzjuża
ITS – Recognition for Prior Learning — preparamenti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ fiex waslu l-preparamenti għall-eżerċizzju ta’ Recognition for Prior Learning tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Jista’ jgħid kif dan l-eżerċizzju qed jiġi milqugħ mill-industrija?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-preparamenti għall-eżerċizzju ta’ Recognition for Prior Learning, illi mistenni jiġi imniedi uffiċjalment fiż-żmien qarib, jinsabu fi stadju avvanzat ħafna. Dan l-eżerċizzju ser iwassal biex l-Istitut għall-Istudji Turistiċi isir aktar aċċessibli għal dawk li jixtiequ jkomplu jitħarrġu f’dan is settur, fil- livelli varji ta’ edukazzjoni li l-istess Istitut qiegħed, u ser ikun qiegħed joffri.
Fil-frattemp, qed isir taħrig estensiv mill-Universita’ Finlandiza Haage Helia, lill-membri ta’ l-istaff akkademiku f’dan ir-rigward.
Il-bżonn għal dan l-eżerċizzju ilu jinħass minħabba l-fatt illi hemm numru sostnazjali ta’ nies illi jaħdmu fis-settur u m’humiex koperti b’ċertifikazzjoni akkreditata u għalhekk isibuha aktar diffiċli illi jerġgħu jidħlu fid-dinja tal-edukazzjoni. Permezz tar-Recognition for Prior Learning ser inkunu qegħdin niffaċilitaw din it-tranżizzjoni.
Dan l-eżerċizzju qed jiġi milqugħ tajjeb ħafna mill-industrija u jidher illi ser ikun hemm rispons tajjeb meta jibdew jintlaqghu l-applikazzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi sabiex jiġi żgurat li dak li qed jiġi mgħallem huwa konformi ma’ dak li l-industrija trid minn gradwati futuri?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Istitut għall-Istudji Turistiċi waqqaf Kumitat Xjentifiku magħmul minn Entitajiet u Assoċċjazjonijiet fis-settur tat-Turiżmu u dan sabiex ikun żgurat li dak li qed jiġi mgħallem huwa konformi ma’ dak li l-Industrija trid minn gradwati futuri.
Oltre dan, matul din is-sena akkademika, tnediet konsultazzjoni wiesgħa ma’ dawk kollha li b’xi mod huma involuti fl-industrija sabiex jsir konsultazzjoni fuq il-mod ta’ tagħlim li qed jiġi mgħallem fil-kurrikulu eżistenti. Dan il-proċess intemm b’konferenza bejn l-Industria u l-Istitut fejn ġie diskuss u maqbul it-tibdil li hemm bżonn sabiex jkun konformi mall-esiġenzi tas-settur għaż-żmien tal-lum. Dan l-eżerċizzju kien wieħed ta’ suċċess tant illi ġie deċiż li jibda jsir kull sena.
Fost dawn it-tibdiliet fil-kurrikulu, hemm aktar enfasi fuq il-motivazzjoni u l-attitudni lejn dan ix-xogħol, kif ukoll enfasi fuq kif studenti għandhom jiġu mħarrġa biex jippreżentaw lilhom infushom aħjar mhux biss fid-dinja tax-xogħol imma wkoll fl-istanzi meta jkunu qed jaffaċċjaw lill-klijent. Tibdil ieħor huwa f’dak li jirrigwarda l-bżonn ta’ aktar teamwork – ħila illi hija essenzjali f’dan is-settur. Ingħatat ukoll importanza lil setturi aktar speċjalizzati bħal korsijiet f’Revenue Management fejn ser ikun hemm iktar iffukar fejn jiġu mgħallma international marketing u financial management.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur tal-kumpanija Malta Air Traffic Services Limited fl-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista (jiġifieri fl-2012) u kemm kien il-valur fl-aħħar ta’ Diċembru 2016?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-valur tal-kumpanija Malta Air Traffic Services Limited fl-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista fl-2012, kien ta’ €5,119,404 filwaqt illi għall-aħħar tas-sena 2016, il-valur tal-istess kumpanija kien ta’ €33,342,000.
Tajjeb infakkar illi l-kumpanija Malta Air Traffic Services mhu qegħda tirċievi l-ebda subvenzjoni mingħand il-Gvern. Is-suċċess ta’ din il-kumpanija huwa sinjal ċar tal-għaqal li qiegħda titmexxa bih taħt din l-amministrazzjoni.
Siġġiewi – esproprjazzjoni ta’ art għat-twessigħ ta’ triq
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28699 fejn il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi wieġeb li "l-proċess biex isir it-twessigħ mitlub jinvolvi esproprjazzjoni ta’ art mill-privat u l-ħlas ta’ kumpens", jista’ l-Ministru jerġa’ jara l-każ peress li l-għelieqi li qegħdin nirreferu għalihom huma proprjetà tal-Gvern u mhux tal-privat?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi mill-ġdid lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28699 u għaldaqstant nirreferieh biex jagħmel din il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jsiru t-tħejjijiet meħtieġa sabiex issir zebra crossing fi Triq il-Ħelsien ġewwa Ħal Qormi, fil-parti mmarkata fuq il-pjanta li qed tingħata separatament, peress li din it-triq hija ferm traffikuża u qiegħda tkun ta' periklu kontinwu għal min ikun irid jaqsam min-naħa għall-oħra tat-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li diġa fil-passat ressaq it-talba lill-Transport Malta għall-approvazzjoni iżda kienet rifjutata minħabba li diġà hemm pelican lights f’distanza ta’ inqas minn ħamsin metru bogħod mill-post propost.
Jista' l-Ministru jara li jsiru t-tħejjijiet meħtieġa sabiex issir zebra crossing fi Triq il-Ħelsien ġewwa Ħal Qormi, fil-parti mmarkata fuq il-pjanta li qed tingħata separatament, peress li din it-triq hija ferm traffikuża u qiegħda tkun ta' periklu kontinwu għal min ikun irid jaqsam min-naħa għall-oħra tat-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din it-talba ma tistax tigi approvata għaliex hemm pelican lights 50metru ‘l bogħod kif ukoll bus stop fil-post fejn qegħda ssir din it-talba.
Ħal Qormi – Triq Nikol Baldacchino – bozoz bżonnjużi
Question
Jista' l-Prim Ministru jara li jsiru l-bozoz bżonnjużi fi Triq Nikol Baldacchino ġewwa Ħal Qormi peress li hija triq ferm mudlama u dan sabiex toħloq serħan il-moħħ għar-residenti ta' din it-triq, anke fid-dawl ta' diversi atti vandali li seħħew f'din l-istess triq?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-installazzjoni ta’ dwal ġodda f’postijiet pubbliċi ilha għal diversi snin ma tkunx taħt ir-responsabilita’ ta’ Enemalta plc. Deċiżjonijiet u ppjanar dwar fejn u kif jitwaħħlu dwal ġodda f’postijiet pubbliċi jittieħdu mill-entitajiet responsabbli mill-post fejn dawn ikunu meħtieġa.
L-għajnuna ta’ Enemalta plc tintalab biss biex dwal ġodda li jkunu saru mill-entitajiet konċernati, fosthom kunsilli lokali, jkun jeħtieġ li jingħataw provvista tal-elettriku mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali. Dan isir billi l-entitajiet konċernati jimlew il-formola u ċ-ċertifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex issir din il-konnessjoni, u jissottomettuha lil ARMS Ltd. Jekk l-applikazzjoni jkollha ċ-ċertifikazzjonijiet kollha li jiżguraw li l-installazzjoni saret b’mod sikur u skont il-prattiċi stabbiliti, Enemalta tkun tista’ tqabbad id-dwal mas-sistema tal-elettriku biex jinxtegħlu.
Ħal Qormi – Triq Nikol Baldacchino – bozoz bżonnjużi
Question
Jista' l-Ministru jara li jsiru l-bozoz bżonnjużi fi Triq Nikol Baldacchino ġewwa Ħal Qormi peress li hija triq ferm mudlama u dan sabiex toħloq serħan il-moħħ għar-residenti ta' din it-triq, anke fid-dawl ta' diversi atti vandali li seħħew f'din l-istess triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li din it-triq hija mdawla bħal toroq oħrajn. Il-Kunsill se jikkonsulta mar-residenti biex jara x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom u jieħu azzjoni fejn dawn ikunu ġustifikati.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29380, tista' l-Ministru tara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament rigward kundizzjonijiet tax-xogħol fil-Qasam tat-Turiżmu?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg għamel kuntatt mal-individwu li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament f’din il-mistoqsija parlamentari u f’dan ir-rigward wieġeb għall-mistoqsijiet tiegħu u ċċara x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol bażiċi tiegħu relatati mas-settur li hu jopera fih.