Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għaliex għandha problema rigward investiment li kien sar fis-sena 2008 fejn minkejja li kienet talbet li dan jiġi rtirat dan ma seħħx bil-konsegwenza li issa hemm xi kwistjoni legali dwar dawn l-istess investimenti?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-uffiċċju għall-Ilmenti tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorita´għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta diġa għamel kuntatt telefoniku mal-persuna konċernata u se jiktibilha wkoll dwar x’għandha tagħmel.
Jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni fuq jekk hemmx xi relazzjoni bejn iż-żieda fil-miżata mitluba mill-iskejjel privati ma' inċentivi fiskali provduti mill-Gvern?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Iskejjel ‘Privati’ msemmija fil-mistoqsija jidher li qed jirreferu għall-Iskejjel Indipendenti. Infurmat li fis-sena Skolastika 2014-2015 kien hemm Skola Indipendenti waħda biss li infurmat b’mod uffiċċjali lid-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni li kienet ser tgħolli l-miżata.
L-Iskejjel Indipendenti jibbenefikaw mill-iskema tal-Per Capita hekk kif imħabbra fil-Gazzetta tal-Gvern numru 18,947 datata 17 ta’ Lulju, 2012. B’din l-iskema il-kapijiet tal-Iskejjel jistgħu jitolbu rifużjoni għall-ispejjeż relatati ma’ infrastruttura teknoloġika, ma’ faċilitajiet relatati mat-tagħlim ta’ xjenza, ma’ faċilitajiet sportivi, mal-iżvilupp professjonali tal-għalliema u mal-ħlasijiet relatati lill-professjonisti involuti f’dawn il-proġetti. Din is-sena ġew mwessa’ l-kriterji tal-iskema tal-Per Capita biex jinkludu wkoll `Xogħlijiet ta’ Natura Kapitali`. Issa l-Iskejjel jistgħu wkoll jitolbu rifużjoni ta’ ħlasijiet relatati ma’ bini bħal ristrutturar, estensjonijiet u manutenzjoni.
Ma’ dan, wieħed irid iżid li l-Iskejjel Indipendenti jibbenefikaw ukoll mir-rifużjoni ta’ 15.25% fuq spejjeż relatati ma’ proġetti ta’ natura kapitali hekk kif imħabbra fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta numru 18,934 datata 22 ta’ Ġunju 2012.
Ta’ min wieħed isemmi li jeżistu wkoll inċentivi fiskali oħra li jaqgħu lil hinn minn dan il-Ministeru. Fid-dawl ta’ dan kollu, id-Dipartiment fi ħdan dan il-Ministeru ma jistax jgħid jekk hemmx relazzjoni bejn iż-żieda mitluba mill-Iskejjel Privati ma’ inċentivi fiskali provduti mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni fuq kemm hemm tfal li jattendu l-iskejjel privati u tal-Knisja skola b'skola, u kemm minn dawn it-tfal jużaw trasoprt organizzat mill-istess skola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numru ta' studenti li jattendu l-Iskejjel Privati u tal-Knisja f’kull skola u kemm minn dawn it-tfal jużaw trasport organizzat mill-istess Skola. Filwaqt illi n-numru ta’ studenti li jattendu l-Iskola seta’ joħroġ minn statistika li tinżamm ċentralment fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, in-numru ta’ studenti li jużaw it-trasport tal-Iskola nġabar minn kull skola individwali speċifikament biex setgħet tingħata risposta għal din il-mistoqsija. Għal dawk l-Iskejjel li wieġbu li ma jorganizzawx trasport għat-tfal tniżżel il-valur 0 fil-kolonna rispettiva tagħhom.
Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntattjata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu każ mal-pulizija fejn din il-persuna għamlet diveri rapporti ta' theddid fil-konfront tagħha però sal-lum għadha ma ttieħditx azzjoni?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija ta' tas-Sliema qed tieħu passi fuq ir-rapporti li għamel nhar it-13 t’April, 2015 u l-ieħor nhar il-31 ta’ Mejju, 2015 l-individwu msemmi, pero minħabba nuqqas ta' detttalji li l-individwu tagħa lill-Pulizija sal-lum, dawn ma setgħux ikomplu bl-azzjoni meħtieġa. Sadanittant il-Pulizija ta’ tas-Sliema għadha qed tistenna id-dettalji mitluba biex tmexxi mil-ewwel. Infurmat ukoll li l-kwerelant ġie nfurmat bl-andament ta’ dawn l-investigazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jara li ttitieħed azzjoni sabiex tiġi rranġata t-triq li hemm fil-Pitkalija n-naħa tal-frott għaliex tinsab fi stat ħażin u ta' inkonvenjent għal-pitkala u l-bdiewa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ż-żona li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ma tifformax parti mill-Pitkalija tal-frott u ħxejjex Maltin u għalhekk ma taqax fid-dekasteru tiegħi. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara għaliex il-persuna li d-dettajli dwarha qed jingħataw separatament ma tistax ikollha servizz tal-internet mis-service providers u x'qed isir biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni ma rċiviet l-ebda ilment mingħand il-persuna riferuta f'din il-mistoqsija Parlamentari. Għaldaqstant, l-Awtorita ser tikkuntattja lil din il-persuna minnufih sabiex tifhem in-natura tal-problema li għandha u tagħtiha l-assistenza neċessarja.
Is-Siġġiewi – Triq Mons Mikiel Azzopardi – azzjoni biex jitnaqqas il-perikolu
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18799, jista’ l-Ministru jelenka dawn il-proposti u jekk hemmx xi data meta se jiġu implimentati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-proposti għal Triq Mons. Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi jinkludu:
· Twessiegħ tal-bankini fil-kantunieri, mingħajr ma jintilef parkeġġ, sabiex is-sewwieqa jkunu ggwidati aħjar filwaqt li jiġi kkontrollat is-sewqan eċċessiv;
· Reviżjoni tal-linji tal-karreġġjati, sabiex tinħoloq waiting bay fejn jistgħu jieqfu l-vetturi li jkunu se jduru għal ġo toroq sekondarji;
· Linja bajda kontinwa fin-nofs tat-triq sabiex il-vetturi ma jaqbżux fil-karreġġjata tal-vetturi li jkunu ġejjin mid-direzzjoni opposta;.
· Manutenzjoni taż-żebgħa taż-zebra crossing eżistenti;
· Installazzjoni ta’ tabelli li juru l-veloċita` massima ta’ 50km fis-siegħa.
Dawn ix-xogħlijiet għandhom jiġu mplimentati mill-Kunsill Lokali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-kumplament tal-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tara xi proċedura jistgħu jittieħdu dwar il-kumpanija u l-persuna li d-dettajli dwarhom qed jingħataw separatament, peress li l-individwu rebaħ kumpens kontra l-kumpanija bil-Qorti però għadu ma tħallasx?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onor. Interpellant li wara li saru l-verifiki meħtieġa mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, irriżulta li dan il-każ la ġie irregistrat ma’ dan l-uffiċċju u lanqas mat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur. Għalhekk huwa meħtieġ li l-persuna involuta tivverifika quddiem liema Qorti ġie mressaq dan il-każ jew tiġi provduta s-sentenza għal aktar verifiki.
Jista' l-Ministru jara xi proċedura jistgħu jittieħdu dwar il-kumpanija u l-persuna li d-dettajli dwarhom qed jingħataw separatament , peress li l-individwu rebaħ kumpens kontraa l-kumpanija bil-Qorti però għadu ma tħallasx?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din d-domanda ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Ħal Qormi — Triq u Sqaqien ta' Dun Marju - problema ta' għargħar
Question
Jista' l-Ministru jara li tiġi identifikata l-kawża u tittieħed azzjoni sabiex tiġi rranġata l-problema tal-għargħar fi triq u l-sqaqien ta' Dun Marju ġewwa Ħal Qormi peress li meta tagħmel ix-xita qegħdin jispiċċaw jegħrqu u jidħol ħafna ilmijiet ġewwa djar bid-danni għall-istess residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-problema tal-għargħar fi Triq Dun Marju, Ħal-Qormi diġa’ ġiet identifikata u ser isiru culverts biex jinġabar l-ilma tax-xita minn fejn Triq Dun Marju tiltaqa’ ma’ Triq San Ġorġ sa Triq il-Wied.
Sptar Mater Dei — Dipartiment tal-Emerġenza – persuni li marru mingħajr ticket of referral
Question
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni li marru d-Dipartiment tal-Emerġenza, sena b’sena, bejn l-2010 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm minnhom marru mingħajr ticket of referral? Kemm minnhom eventwalment iddaħħlu l-Isptar Mater Dei?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar
Jista’ l-Ministru jara jekk il-garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux il-permessi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jitwettqu attivitajiet ekonomiċi fih?
Jista’ l-Prim Ministru jara jekk il-garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux il-permessi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jitwettqu attivitajiet ekonomiċi fih?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Minn informazzjoni mogħtija mill-Awtorita Maltija għal-Ambjent u l-Ippjannar ,ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-siti li hemm riferenza għalihom fil-mistoqsija parlamentari huma żewġ siti differenti u mhux l-istess garaxx. Mill-aħħar spezzjoni li saret fis-7 ta' Ottubru 2015, jirriżulta illi ż-żewg garaxxijiet kienu qed jintużaw għal parkeġġ ta' vetturi. Gie innotat ukoll illi quddiem sit minnhom, kien hemm truck ipparkjat mgħobbi żewġ mobile toilets. Is-sid gie imfakkar illi l-garaxx jista' jintuza biss ghal-parkeġġ ta' vetturi u mhux għal skopijiet kummerċjali.
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni ma’ sid ta’ garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qiegħed iħalli ammont sostanzjali ta’ skart imferrex ma’ kullimkien u għaldaqstant qed joħloq inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fil-15 t’Ottubru, 2015 ghamel spezzjoni minn Uffiċċjal għas-Saħħa Ambjentali fit-Triq indikata.
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni ma’ sid ta’ garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qiegħed iħalli ammont sostanzjali ta’ skart imferrex ma’ kullimkien u għaldaqstant qed joħloq inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?
Response (BONNICI, OWEN)
Peress li l-iskart huwa mitfugħ fuq f’art privata u mhux pubblika, nitlob lill-Onor. Interpellant jistaqsi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jara li tittieħed azzjoni ma’ sid ta’ garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qiegħed iħalli ammont sostanzjali ta’ skart imferrex ma’ kullimkien u għaldaqstant qed joħloq inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ sexually transmitted diseases (STDs) sena b’sena bejn l-2004 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni mietu kaġun tal-AIDS f’pajjiżna fl-aħħar għoxrin sena? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu rġiel u kemm kienu nisa? Jista’ jagħti l-etajiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-iMwiet, minn informazzjoni miġbura miċ-ċertifikati tal-mewt, minn 1995 sa 2014 in-numru ta’ residenti li mietu kaġun tal-AIDS huwa ta sebgħa u tletin. Is-sess u l-etajiet tagħhom hija kif tidher fit-tabella hawn taht:
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta' hit and run sena b’sena bejn l-2004 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew solvuti u kemm weġġgħu nies f’dawn il-każijiet maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li informazzjoni fuq ‘hit and run’ bdiet tinġabar taħt forma ta’ statistika fis-sistema elettronika għal ġbir tar-rapporti tal-Pulizija minn Jannar 2011. Fil-fatt, skont ir-records, fil-perjodu mitlub, minn total ta’ 8,507 inċidenti tat-traffiku li kienu rrappurtati, kien hemm 7,227 kklasifikati bħala ‘hit and run’. Infurmat li n-numru ta’ kazijiet solvuti ma tinzamx f’forma ta’ statistika.
Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, n-numru ta’ feruti sena b’sena f’inċidenti tat-traffiku (u mhux neċessarjament f’inċidenti ta’ hit and run peress li ma tezistix statistika) matul il-perjodu mitlub.