Legislature:
Category:
Reset
Active:

Main tal-Ilma — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward ħsarat fil-main tal-ilma fit-triq li b'konsegwenza t'hekk qed jidħol ammont ta' ilma fi ħwejjiġha?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-main tal-ilma u s-servizzi fit-triq imsemmija se jinbidlu fi żmien qarib.

Ambaxxata Maltija f’Budapest

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nfetħet u meta ngħalqet l-Ambaxxata Maltija f’Budapest? Kemm swiet, sena b’sena, fi spejjeż rikurrenti u kapitali separatament? Min kien l-Ambaxxatur matul dan iż-żmien? Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Ambaxxatur kienx maħtur mis-servizz diplomatiku? X’kien il-ħlas li kien jirċievi l-Ambaxxatur?

Response (VELLA, GEORGE)

L-Ambaxxata Maltija f’Budapest infetħet fl-1 ta’ Ottubru 2003 u fit-30 ta’ Ġunju 2005. Ta’ min jirrimarka li l-fatt li l-Ambaxxata ngħalqet wieħed u għoxrin xahar wara li fetħet ma tantx jindika li kien hemm xi studju profond wara d-deċiżjoni li tinfetaħ. L-ispejjeż fuq din l-Ambaxxata kienu dawn: 2003 2004 2005 Rikorrenti €61,327 €346,085 €218,084 Kapitali - €89,875 - L-ispiża kapitali tinkludi x-xiri ta’ karrozza għal €32,435. L-Ambaxxatur kien Dr Noel Buttigieg Scicluna, li kien inħatar minn barra s-servizz diplomatiku. Il-ħlas li rċieva l-Ambaxxatur kien €15,964 fl-2003, €64,099 fl-2004 u €30,163 fl-2005.

Kontribuzzjonijiet dovuti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sab kontijiet dwar kontribuzzjonijiet dovuti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li kienu għadhom ma tħallsux sal-aħħar tas-sena 2012?

Response (VELLA, GEORGE)

Sal-aħħar tas-sena 2012 kien hemm kontijiet pendenti dovuti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jaqgħu taħt ir-responsabilta' tal-Ministeru għall-Affariiet Barranin fil-valur ta' €845,632.

Kontijiet dwar ivvjaġġar mhux imħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sab kontijiet għal ivvjaġġar li kienu għadhom ma tħallsux sal-aħħar tas-sena 2012?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li sibt kontijiet għal €10,448.44 għal ivjaġġar li kien għadhom ma tħallsux sal-aħħar tas-sena 2012.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – inizjattivi dwar id-diżarm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu mill-Ministeru tiegħu dwar id-diżarm minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Marzu 2013 u llum, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kompla jippromovi l-pożizzjoni tradizzjonali ta’ Malta ta’ appoġġ qawwi u kontinwu lill-isforzi ta’ diżarm madwar id-dinja. Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Globali fi ħdan il-Ministeru jaħdem id f’id mal-Missjonijiet tagħna, u partikolarment mar-Rappreżentanti Permanenti ta’ Malta f’Ġinevra u New York, kif ukoll mal-Ambaxxati tagħna f’Vjenna u The Hague, bil-għan li naffermaw u nsaħħu trattati, konvenzjonijiet u strumenti internazzjonali fuq id-diżarm. Malta ukoll tieħu sehem bħala osservatur f’numru ta’ sessjonijiet tal-konferenza dwar id-diżarm li jinżammu f’Ġenevra matul is-sena. F’dan il-kuntest, Malta tingħaqad ma’ pajjiżi oħra sabiex tisponsorja u tivvota favur rizoluzzjonijiet u inizjattivi dwar id-diżarmi. Il-Ministeru u l-Missjonijiet tagħna jipparteċipaw f’diversi laqgħat internazzjonali, inklużi l-laqgħat tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea li jseħħu fi Brussel, primarjament il-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Diżarm Globali u l-Kontroll tal-Armi (CODUN). Il-Ministeru huwa wkoll involut fil-preparazzjoni ta’ dossiers għal diversi laqgħat li għalihom jattendu uffiċjali tal-Gvern fuq dan is-suġġett. Matul dan il-perjodu, il-Ministeru kompla jippromovi l-ħtieġa għad-diżarm f’numru ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari fil-Mediterran u l-Lvant Nofsani. Tajjeb li jingħad li Malta hi waħda mill-pajjiżi ewlenin li tisponsorja r-rizoluzzjoni li titressaq kull sena fl-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda ‘Strengthening of Security and Cooperation in the Mediterranean’ liema rizoluzzjoni tkun adottata unnaminament mill-Plenarja tal-Assemblea Ġenerali. Malta kompliet issegwi mill-qrib il-qagħda mwera fil-Libja, u l-konsegwenzi li jistgħu jiżvolġu jekk is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata kif meħtieġ, kif ukoll is-sitwazzjoni ġewwa s-Sirja. Il-Ministeru appoġġja l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE fuq il-ġestjoni ta’ armi żgħar u armamenti ħfief (SALW) fil-Libja u ta wkoll kontribut finanzjarju għall-Fond Fiduċjarju li twaqqaf mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi mmirata lejn il-qerda ta’ armi kimiċi fis-Sirja, att li wera bis-sħiħ l-impenn sod ta’ Malta fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi. Barra minn hekk, Malta appoġġjat pubblikament is-sejħa lis-Sirja biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-programm ta’ armi kimiċi tagħha jkun kompletament u irriversibbilment eliminat. Fil-qasam tad-diżarm nukleari tajjeb li nsemmi wkoll li Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi fost 113-il pajjiż li appoġġa u sponsorja, fuq inizjattiva tal-Awstrija, il-‘Humanitarian Pledge’ addottata mill-‘Vienna Conference on the Humanitarian Impact of Nuclear Weapons’ li nżammet f’Diċembru 2014. Din il-konferenza ndirizzat il-konsegwenzi umanitarji ta’ kull użu ta’ armamenti nukleari fuq is-saħħa, l-ambjent, l-agrikoltura u s-sigurta’ tal-ikel, migrazzjoni u l-ekonomija, fost setturi oħra. Fl-2013, Malta hija kburija li ppresjediet is-sessjoni tal-Kummissjoni tad-Diżarm tal-Ġnus Maqgħuda permezz tar-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta. Is-sessjoni sostantiva ikkonkludiet b’suċċess hekk kif ir-rapport tagħha ġie adottat b’kunsens. Ukoll fl-2013, Malta ffirmat it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (Arms Trade Treaty) u irratifikatu s-sena ta’ wara, biex b’hekk kienet parti mill-ewwel 50 ratifika meħtieġa sabiex it-Trattat jidħol fis-seħħ.

Kunsill tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima — kandidatura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma wettaq il-Ministeru tiegħu biex tkun promossa l-kandidatura ta’ Malta għall-Kunsill tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (l-IMO)? X’kienu r-riżultati ta’ din il-ħidma?

Response (VELLA, GEORGE)

Matul dawn l-aħħar sentejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ħa diversi inizzjattivi sabiex il-kandidatura ta’ Malta tiġi promossa bis-sħih. Saru numru ta’ laqgħat bilaterali sabiex jintalab l-appoġġ għall-kandidatura ta’ Malta. Fl-istess ħin, ir-Rappreżentazzjonijiet u l-Ambaxxati ta’ Malta bagħtu talbiet għall-appoġġ għall-kandidatura ta’ Malta lir-Rappreżentazzjonijiet akkreditati lill-istess pajjiż jew Organizzazzjoniet Internazzjonali, li kienu kkumplimentati minn rappreżentazzjonijiet personali sabiex jgħinu biex jiġi akkwistat l-akbar numru ta’ konfermi ta’ appoġġ possibli. Il-Ministeru bagħat, direttament jew permezz tar-Rapreżentazzjonijiet u l-Ambaxxati ta’ Malta, talbiet għal appoġġ reċiproku għal skambju ta’ voti. Dan ix-xogħol sar f’ħidma u koordinazjoni ma’ Transport Malta u mal-Ambaxxatur Malti għall-IMO. B’rizultat ta’ din il-ħidma, fl-elezzjoni li seħħet fit-23 ta’ Novembru 2015, Malta ġiet eletta fil-Kunsill tal-IMO b’136 vot minn 155 vot disponibli, l-ogħla numru ta’ voti mill-2011 'l hawn. Dan ir-riżultat daqshekk pożittiv huwa turija tal-apprezzament tax-xogħol li twettaq Malta f’din l-Organizzazjoni kif ukoll ir-rispett li jgawdi pajjiżna.

Somma lill-ħaddiema li kienu jaħdmu x-Xatt – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward is-somma tal-ħaddiema li kienu jaħdmu x-Xatt?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – ġlieda konta t-terroriżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi rwol għandu l-Ministeru tiegħu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll f’fora oħra?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jittratta l-aspetti internazzjonali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, primarjament fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-Ġnus Magħquda, il-Commonwealth, kif ukoll l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa. Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, naħdmu ferm sabiex jkun hemm involviment akbar ta’ pajjiżi terzi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, permezz ta’djalogi politiċi, ftehim ta’ koperazzjoni, jew assistenza ma’ pajjiżi strateġiċi. F’dan l-aspett Malta taħdem kontinwament biex tiżgura li l-Unjoni Ewropea tappoġġja u tagħti assistenza lil pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani. Malta tappoġġja wkoll il-ħidma tal-Unjoni Ewropea fil- ġlieda kontra t-terroriżmu ma' organizzazzjonijiet reġjonali, bħal-Lega tal-Istati Għarab jew l- Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Islamika. Fi ħdan il-Ġnus Magħquda, Malta tipparteċipa bis-sħiħ u fid-diskussjonijiet li jinżammu fl-Assemblea Ġenerali u l-Kumitati relevanti tagħha, kif ukoll tappoġġja rizoluzzjonijiet adottati fuq dan is-suġġett mill-istess Assemblea u l-Kunsill tas-Sigurta’. F’dan il-kuntest ukoll Malta ssegwi l-obbligi li għandha taħt numru ta’ strumenti legali li kienu adottati taħt l-awspiċi tal-Ġnus Magħquda u li Malta hi Stat kontrattanti fuq azzjoni kontra t-terrorizmu. Fi ħdan il-Commonwealth, Malta wkoll tagħti l-appoġġ tagħha għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, estremiżmu vjolenti u t-terrorizmu. F’dan ir-rigward, Malta ngħaqdet mal-kapijiet ta’ Gvern fl-aħħar CHOGM li sar f’Malta, fejn sar qbil li theddid ta’ din ix-xorta jintlaqa’ b’azzjoni u koperazzjoni b’saħħitha fuq livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. Fi ħdan l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, Malta tattendi regolarment konferenzi li jiġu organizzati dwar it-tema tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tikkopera bis-sħiħ fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – taħditiet dwar it-Tibdil fil-Klima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sehem kellu l-Ministeru tiegħu fit-taħditiet dwar it-tibdil fil-klima?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ħadem ħafna fil-qrib u żamm konsultazzjonijiet kontinwi mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima, f’dak li għandu x’jaqsam mat-taħdidiet dwar it-Tibdil fil-Klima, kemm f’kuntest Ewropew (UE) kif ukoll f’kuntest Globali, jiġifieri tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). Ta’ min wieħed ifakkar li l-2015, kienet sena kruċjali minħabba l-COP21, jiġifieri il-Konferenza tal-Bidla fil-Klima tal-Ġnus Magħquda 2015 li ltaqgħet f'Pariġi, Franza, mit-30 Novembru sat-12 ta’ Diċembru 2015. Ma setax jonqos li bi preprazzjoni għal din il-Konferenza, f’kuntest Ewropew seħħew ħafna laqgħat f’livell ta’ numru ta’ Ministri għall-Affarijiet Barranin, kif ukoll dawk tal-Ministri għall-Ambjent. Tajjeb li nsemmu li l-Unjoni Ewropea hija minn ta’ quddiem nett f’dak li jirrigwarda politika fil-qasam tal-ambjent u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Ta’ min wieħed isemmi ukoll, li r-raġuni għalfejn Malta organiżżat is-Sessjoni Speċjali Eżekuttiva tal-Kapijiet ta’ Gvern tal-Commonwealth dwar l-Azzjoni Klimatika li saret fis-27 ta’ Novembru 2015, ġurnata qabel bdiet il-laqgħa tal-Mexxejja tal-Commonwealth, kienet proprju sabiex filwaqt li l-Commonwealth jibgħat messaġġ politiku qawwi ta’ rilevenza u leadership f’dan il-qasam, fl-istess ħin il-COP21 tingħata spinta mit-53 pajjiż li jiffurmaw il-Commonwealth. Nista’ ngħid li bi prepazzjoni għas-Sessjoni Speċjali Eżekuttiva, il-Ministeru tiegħi flimkien mal-Ministeru responsabbli mill-Ambjent ħdimna id f’id u kontinwament sabiex il-miri tagħna jintlaħqu. Tajjeb li nsemmi x-xogħol ta’ medjazzjoni li Malta għamlet fil-preparazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja fuq l-Azzjoni Klimatika. Fost il-bosta laqgħat, insemmi diversi laqgħat li kelli ma’ Ambaxxaturi barranin fosthom mal-Ambaxxatrici Franċiża fuq in-Negozjati tat-Tibdil fil-Klima, l-ET Bérengère Quincy, fit-3 ta’ Novembru 2015, li żaret pajjiżna propju biex tiddiskuti magħna dan is-suġġett. Insemmi ukoll laqgħa ferm importanti fit-tħejjija għall-Commonwealth Heads of Government Meeting (CHOGM) li seħħet Londra fil-Committee of the Whole, fejn bejn il-21 u 23 ta’ Ottubru, iltaqgħu l-uffiċjali għolja u qabblu fuq diversi paragrafi tad-dikjarazzjoni dwar l-Azzjoni Klimatika. Id-diskussjonijiet fuq id-Dikjarazzjoni komplew waqt il-laqgħat tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin lejliet iċ-CHOGM. F’dan ir-rigward, l-Ambaxxatur Michael Zammit Cutajar, Konsulent tal-Prim Ministru, u l-ET Simone Borg, Ambaxxatriċi għall-Azzjoni Klimatika, ingħataw mandat sabiex ikomplu jaħdmu flimkien mal-grupp ta’ esperti fuq id-Dikjarazzjoni dwar Azzjoni Klimatika li kella tiġi adottata eventwalment mill-Mexxejja tal-Gvern fis-Sessjoni Speċjali fuq it-Tibdil fil-Klima. Dawn id-diskussjonijiet ma kienu faċli xejn, iżda wara ħafna xogħol u ħin twil ferm ta’ negozjati fejn jiena stess kelli kuntatti u laqgħat kontinwi sabiex jingħelbu l-problemi li kien hemm, wasalna għal Dikjarazzjoni li kienet maqbula bejn kulħadd għajr delegazzjoni waħda. Wasalna iżda għal qbil unanimu, inkluż tal-pajjiż li kellu riservi dwar ċertu artikli, li npoġġu riferenza fid-Dikjarazzjoni stess għal dawn l-istess riservi. Dan ippermettielna sabiex id-Dikjarazzjoni fuq l-Azzjoni Klimatika setgħat tiġi ippreżentata lill-Kapijiet ta’ Gvern waqt is-Sessjoni Speċjali. Din hi l-istess Dikjarazzjoni li l-Onor. Prim Ministru kellu l-unur li jippreżenta lill-mexxejja tad-dinja waqt il-Konferenza tal-Ġnus Magħquda fuq it-Tibdil fil-Klima (COP21) għan-nom u bħala kontribut tal-Commonwealth u li skont l-esperti, għenet ferm fid-diskussjonijiet ġewwa Pariġi peress li daħħlet ideat ġodda u utli li jgħinu fil-ġlieda kontra it-tibdil tal-klima.

Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda — taħditiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sehem qed tieħu Malta fit-taħditiet li qed isiru dwar ir-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda?

Response (VELLA, GEORGE)

Malta, permezz tal-Uffiċċjali mill-Missjoni Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda, tieħu sehem attiv fin-negozjati inter-governmentali għar-riforma tal-Kunsill tas-Sigurta’ tal-Ġnus Magħquda. Għal dan l-għan Malta wkoll tieħu sehem sħiħ u attiv bħala membru tal-grupp magħruf bħala ‘Uniting for Consensus’. Dan il-Grupp jikkonsisti f’erbgħin pajjiż minn diversi reġjuni. Il-membri l-oħrajn ewlenin f’dan il-grupp huma: l-Italja, l-Arġentina, it-Turkija, Spanja, il-Kanada, il-Kolombja, il-Costa Rica u l-Korea t'Isfel. Dan il-Grupp żviluppa bħala moviment sabiex joffri alternattivi għal proposti minn Gruppi oħra li jisħqu li għandhom jiżdiedu l-membri permanenti fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Il-‘Uniting for Consensus’ qed iressaq il-proposti tiegħu sabiex il-Kunsill ikun aktar effettiv billi jkun aktar rappreżentattiv u aktar demokratiku u trasparenti fil-ħidma tiegħu. Il-‘Uniting for Consensus’ jisħaq li għandu jkun hemm żieda ta’ membri mhux permanenti li jservu fil-Kunsill għal perjodu itwal ta’ żmien bil-possibilità li jiġu rieletti għal perjodu ieħor. Il-Grupp jisħaq ukoll li l-użu tal-veto għandu jiġi abbolit jew l-użu tiegħu jkun limitat għal ċertu ċirkustanzi. Ma’ dawn il-provedimenti, u fi ħdan l-istess grupp kif ukoll waqt il-laqgħat fin-negozjati inter-governattivi. Malta qed kompli tieħu parti atttiva u tinsissti li l-interessi tal-pajjżi ż-żgħar fi ħdan l-Ġnus Magħquda għandhom ikunu mħarrsa billi siġġu fuq il-Kunsill jkunu riservat għal dawn il-pajjizi u b’hekk ikollhom aktar oppurtunita’ li jikkontribuxxu fid-diskuzzjonijiet u deċizjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurta’.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Joint Stakeholder Working Council

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-Joint Stakeholders Working Council li twaqqaf fi ħdan il-Ministeru tiegħu? X’ħidma twettqet minn dan il-kunsill s’issa?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-Joint Stakeholders Working Council (minn hawn `il quddiem imsejjaħ JSWC) twaqqaf fl-2013 wara rakkomandazzjonijiet minn Bord ta’ Verifika biex jissaħħu l-isforzi u l-inizjattivi ta’ diplomazija kummerċjali. L-għan tal-JSWC huwa li jippromwovi l-esportazzjoni u jattira iżjed investiment barrani lejn Malta billi jikkordina aħjar il-ħidma ta’ entitajiet Maltin li jirrapreżentaw is-settur privat u l-intrapriża f’pajjiżna. L-ewwel laqgħa saret fit-18 ta’ Settembru 2013 u l-kunsill jiltaqa’ darba fix-xahar fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Fil-JSWC hemm rappreżentati 10 entitajiet li huma: - Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin - Il-Ministeru għat-Turiżmu - Il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar - Il-Ministeru għall-Finanzi - Malta Enterprise - Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriza u l-Industrija ta’ Malta - Trade Malta - Finance Malta - GRTU - Il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex Il-JSWC iservi ta’ forum fejn il-membri jinfurmaw lil xulxin bl-aħħar żviluppi fil-qasam kummerċjali. Fis-sentejn u nofs li ilu jiffunzjona, il-kunsill iffaċilita l-preparamenti għal delegazzjonijiet minn Malta billi ippermetta lill-entitajiet konċernati jkunu mgħarrfa minn qabel u jħejju għaż-żjarat ġo pajjiżi barranin b’mod adegwat. Eżempju ta’ żjarat li ġew diskussi huma ż-żjara f’Marzu 2014 fl-Emirati Għarab Magħquda u l-Qatar ġewwa l-Ġermanja f’Mejju tal-2015, it-Turkija f’Ottubru 2015 u l-Alġerija f’Novembru li għadda. Wara li dawn iż-żjarat u oħrajn bħalhom intemmu, ir-riżultati li nkisbu kienu analizzati fil-laqgħat sussegwenti tal-JSWC u ġie identifikat x’follow up kien meħtieġ. Tul il-laqgħat li saru, inħolqot sinerġija akbar bejn l-entitajiet imsemmija hawn fuq. Il-JSWC ma serviex biss bħala sors ta’ informazzjoni iżda kien anke fundamentali biex jiġu identifikati l-pajjiżi li Malta trid tiffoka fuqhom biex tagħti spinta lir-relazzjonijiet kummerċjali. Fil-bidu tal-2014, il-kunsill qabel li l-isforzi lejn il-pajjiżi tal-Golf kellhom jiżdiedu mentri iktar tard f’dik is-sena u anke fl-2015, il-membri segwew mill-qrib il-kriżi fil-Libja. L-impatt negattiv li l-gwerra ċivili ħalliet ġewwa l-Libja wassal biex in-negozju mal-pajjiż ġar tagħna stimula lill-JSWC biex jikkunsidra opportunitajiet ġodda f’pajjiżi oħra. Insemmi wkoll ir-rwol li kellhom għadd ta’ membri tal-JSWC fil-preparamenti sabiex gie organizzat programm għaż-żjara ta’ Delegazzjoni Kummerċjali Għolja mill-Oman f’Jannar 2015, li wara wasslet biex ġew stabbiliti iktar kuntatti mill-qrib permezz ta’ żjara reċiproka fl-Oman minn delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intraprizi Żgħar. Huwa grazzi anke għall-kooperazzjoni fost il-membri ta’ dan il-kunsill u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin li d-delegazzjoni kummerċjali li akkumpanjat iż-żjara uffiċjali tal-Prim Ministru fl-Alġerija kienet ta’ suċċess minħabba li l-membri ppromwovewha b’mod effettiv. Għalhekk parti oħra mill-ħidma tal-kunsill hija li jkun iktar viċin tas-settur privat u jgħarbel il-ħtiġijiet tal-intrapriża Maltija. Il-kunsill saħħaħ ukoll ir-rabta bejn l-membri tal-JSWC u r-rappreżentanza diplomatika barra minn xtutna. Kuntatti diretti ma’ l-Ambaxxaturi, Konsli u Konsli Onorarji li jippermettu entitajiet bħal Malta Enterprise u l-Kamra tal-Kummerċ li janalizzaw prospetti ta’ negozju u investiment b’inqas burokrazija. Il-JSWC sikwit ikun indirizzat mill-Ambaxxaturi stess dwar l-aħħar żviluppi mal-pajjiż li jkunu akkreditati għalih. Is-sena l-oħra l-Kunsill kien indirizzat mill-Ambaxxaturi Maltin għall-Oman, il-Korea t’isfel, il-Ġappun, u l-Marokk, kif ukoll minn Ambaxxaturi barranini bħall-prezentazzjoni tal-Ambaxxatriċi tat-Turkija għall-Malta f’Ottubru 2014. Rwol ieħor li kellu l-JSWC kien li jwassal informazzjoni lill-membri dwar il-preparamenti għall-EXPO f’Milan matul l-2015 u għaċ-CHOGM Business Forum li sar f’Malta f’Novembru li għadda u li permezz tiegħu kumpaniji Maltin kellhom il-possibilità li jifirxu l-kuntatti tagħhom ma’ kumpaniji kbar u żgħar mid-dinja kollha. Minn Settembru 2013 s’issa, il-JSWC tlaqqa` 21 darba.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – ingaġġ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-mod li bih kienet ingaġġata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mal-Ministeru tiegħu?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ingaġġ mill-Ministru ghall l-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien tal-persuna li isimha nghata separatament, sar wara rakkomandazzjoni lill-Uffiċju tal-Prim Ministru biex isservi ta’ Advisor dwar il-Parlament Ewropew. Ma ħarġet l-ebda sejħa għall-applikazjonijiet.

Terminal Benefits — individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħlas ingħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala terminal benefits?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward ta’ pagamenti bħala terminal benefits li saru lill-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, il-Ministeru ħallas dawn l-ammonti: Terminal Benefits €179,931.34 Notice Payment €36,453.25 Rimbors ta’ vacation leave €39549.28 TOTAL €255,933.87 L-individwu kien intitolat ukoll għal Transitional Allowance ta’ €6,265.47 fix-xahar għal tliet snin.

Oman – Relazzjonijiet diplomatiċi u ekonomiċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret mill-Ministeru tiegħu biex jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi u ekonomiċi mal-Oman?

Response (VELLA, GEORGE)

Ir-relazzjonijiet diplomatiċi ġew stabbiliti fl-4 ta’ Ottubru 1974. Għalkemm ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi kienu tajbin fuq livell politiku u diplomatiku, ftit li xejn kien hemm attività għaddejja bejn iż-żewg naħat. Il-Prinċipji Gwida tal-Politika Barranija ta’ Malta jisħqu li ‘jitkattru u jippromovu aktar ir-relazzjonijiet bilaterali ta’ Malta fuq livell politiku, ekonomiku u kulturali ma’ pajjiżi ġirien ta’ Malta u lil hinn’. Kien b’dan il-għan f’moħħi li ħtart lill-Ambaxxatur Joe Mangion bħala Ambaxxatur mhux Residenti ta’ Malta għas-Sultanat tal-Oman u li iddeċidejt li nżur l-Oman f’Mejju 2014 fejn iltqajt ma’ diversi Ministri u uffiċjali għolja ta’ dan il-pajjiż. Matul din iż-żjara iffirmajna l-ewwel żewġ ftehimiet mal-Oman, dak dwar Konsultazzjonijiet Politiċi u ieħor dwar it-tneħħija tal-Visa fuq Passporti Diplomatiċi. Ir-riżultati diġa bdew jidhru. Bejn it-12 u l-15 ta’ Jannar 2015, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ikkordina żjara minn delegazzjoni kummerċjali mill-Oman li kellha numru ta’ laqgħat f’Malta fosthom ma’ Ministri ewlenin tal-Gvern, mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriża Maltija, mal-Malta Enterprise u mal-MFSA kif ukoll laqgħa mal-Prim Ministru. L-iskop ta’ din l-ewwel żjara kummercjali mill-Oman fostna kien li jaraw aktar mill-qrib il-facilitajiet li toffri Malta mill-aspett kummerċjali u ekonomiku. Bejn l-20 u t-22 t’April 2015, l-Onorevoli Dr Chris Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar żar l-Oman akkumpanjat minn delegazzjoni kummerċjali Maltija. Matul din iż-żjara ġie ffirmat Memorandum dwar kooperazzjoni bejn il-Kmamar tal-Kummerċ taż-żewġ pajjiżi u Memorandum ieħor bejn il-Malta Enterprise u l-Bank Muscat li jistabilixxu Business Forum għall-Intrapriżi Żgħar u medji. Dan l-aħħar Memorandum issa ġie attwat billi kellna delegazzjoni minn Bank Muscat flimkien mal-Organizzazzjoni ta’ Intraprizi Żgħar u Medji ta’ l-Oman f’Malta f’Novembru 2015 u hemm il-ħsieb li delegazzjoni Maltija titla’ l-Oman għall-bidu ta’ Marzu li ġej biex jitkomplew it-taħdidiet. Fl-24 ta’ Mejju 2015 kelli laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Oman, fil-marġini tal-laqgħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill għall-Kooperazzjoni bejn il-Pajjiżi tal-Golf. Iż-żewġ naħat tennew id-determinazzjoni tagħhom biex jissaħħu l-kuntatti bilaterali kemm fl-ambitu’ politiku kif ukoll f’diversi oqsma inkluż dak ekonomiku. Fis-6 ta’ Ottubru 2015, ġie maħtur Konslu Onorarju ta’ Malta ġewwa l-Oman biex tissaħħaħ il-preżenza ta’ Malta f’dan il-pajjiż. Bejn il-11 u s-16 ta’ Ottubru 2015 delegazzjoni mill-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd tal-Oman żaret Malta għall-diskussjoniet dwar il-kooperazzjoni fl-akwakultura. Rigward l-akwakultura, nista’ ngħid li qed nistennew li jkun hemm żviluppi dwar koperazzjoni fil-ġejjieni qrib. Fil-waqt li d-distanzi ġeografiċi bejn iż-żewġ pajjiżi huma kbar imma illum għandna il-mezzi kollha biex negħlbu dan l-ostakolu. Fil-fatt fid-29 ta’ Ottubru 2015 saret video conference bejn il-Ministru Cardona u il-counterpart tiegħu fl-Oman fejn fiha ipparteċipaw diversi kumpanniji Maltin u Omani. Din il-video conference wasslet għall-parteċipazzjoni ta’ delegazzjoni Maltija, immexxija mill-Kamra tal-Kummerċ Maltija, li ħadet sehem fil-Business Opportunities Forum fl-Oman bejn is-16 u 17 ta’ Novembru 2015. Għaddejjin ukoll taħdidiet biex jiġi ffirmat Ftehim għal Ħelsien mit-Taxxa Doppja u Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru. Ta’ min isemmi li Malta u l-Oman diġa’ ffirmaw Memorandum dwar il-Ftehim tas-Servizzi tal-Ajru fid-19 ta’ Diċembru 2014. Iż-żewġ pajjiżi qegħdin jaħdmu wkoll biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali fl-oqsma tal-iżvilupp sostenibli, tal-ambjent u tad-tibdil fil-klima. Finalment nixtieq nsemmi wkoll li bħalissa għaddejin negozzjati dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ organizzata u traffikar ta’ narkotiċi bl-għan li jigi ffirmat Memorandum ta’ Ftehim. Nixtieq insemmi ukoll li hemm il-possibilità ta’ koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet parlamentari taż-żewg pajjiżi. Kulħadd jaqbel li d-diplomazija parlamentari hija għodda tajba ħafna biex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet mhux biss fuq livell ufficjali imma anki fuq livell ta popli. Malta u l-Oman qablu li jesploraw ukoll possibilitajiet ta’ koperazzjoni fis-setturi tas-saħħa, tas-servizzi finanzjarji, dak marittimu u f’dak tal-edukazzjoni inkluż it-tagħlim tal-ingliż. Ta’ min isemmi li bħalissa hawn 56 student mill-Oman, mgħejjuna mill-Ministeru tal-Edukazzjoni Għolja tal-Oman, li qiegħdin jistudjaw fl-Universita’ ta’ Malta kif ukoll studenti oħra minn Sultan Qaboos University li jiġu Malta perjodikament bhala ‘electives’. Irrid nisħaq li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, flimkien ma’ Ministeri oħra, huma biss ‘facilitators’ u l-azzjoni effettiva tistenna lis-settur privat. Nifraħ lis-settur privat, speċjalment lil dawk il-kumpaniji Maltin li wrew interess qawwi f’dan is-suq ġdid. Għandna diġa’ kumpanniji Maltin li ħadu ordnijiet, rebħu tenders u oħrajn li qegħdin jaħdmu biex jiffurmaw partnerships ma’ kumpanniji mill-Oman.

Alġerija — delegazzjoni politika u kummerċjali – follow up

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’follow-up qed isir wara ż-żjara tad-delegazzjoni politika u kummerċjali mmexxija mill-Prim Ministru fl-Alġerija f’Novembru li għadda?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-Prim Ministru għamel żjara uffiċjali fl-Alġerija fit-18 u d-19 ta’ Novembru li għadda u fost l-oqsma li ġew diskussi kien hemm dawk tat-turiżmu, is-saħħa, r-relazzjonijiet marittimi u l-enerġija konvenzjonali u rinnovabbli, l-ekonomija u s-servizzi diġitali. Il-Prim Ministru u d-delegazzjoni Maltija kellhom taħdidiet mal-Prim Ministru Alġerin Abdelmelak Sellal, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Alġerin Ramtane Lamamra, mal-Ministru tal-Industrija Abdelessalam Bouchouareb, mal-Ministru tas-Saħħa Abdelmalek Bourdiaf u mal-Ministru tal-Enerġija Salah Khebri. Waqt din iż-żjara ġie ffirmat ukoll ftehim dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi. Ukoll matul din iż-żjara ġie miftiehem li l-ħames sessjoni tal-Kummissjoni Konġunta bejn Malta u l-Alġerija tiltaqa’ f’Malta aktar tard din is-sena. Wara l-laqgħat li l-Ministru tas-Saħħa u l-Enerġija, l-Onor Dr. Konrad Mizzi, li kien parti mid-delegazzjoni uffiċjali tal-Prim Ministru, kellu fl-Alġerija, tkompliet il-ħidma minn Malta fuq il-qasam tal-Enerġija u fil-fatt delegazzjoni teknika mill-Ministeru tal-Enerġija u Saħħa marret l-Alġerija fid-19 ta' Jannar 2016. Id-delegazzjoni tal-Prim Ministru kienet tinkludi ukoll delegazzjoni magħmula minn 31 rappreżentant ta’ 28 kumpanija privata li joperaw fis-setturi tal-kostruzzjoni, l-informatika, u manifattura fost l-oħrajn kif ukoll rappreżentanti ta’ entitajiet lokali mill-MCAST, Bank of Valletta, Malta Enterprise, Trade Malta, Wasteserv, u Institute of Tourism Studies. Id-delegazzjoni kummerċjali pparteċipat f’Business Forum matul l-ewwel ġurnata li għalih attendew `il fuq minn 300 negozjanti Alġerin. L-iskop ta’ dan il-Forum kien li ż-żewġ naħat jesploraw il-possibiltajiet ta’ negozju bejn iż-żewġ pajjiżi. Fi tmiem dan il-Forum saru bosta meetings fejn ġew diskussi għadd sostanzjali ta’ opportunitajiet varji ta’ negozju filwaqt li xi kumpaniji Maltin iffirmaw ftehim kummerċjali ma’ kumpaniji Alġerini. F’attivita’ oħra intitolata Doing Business with Algeria, id-delegazzjoni Maltija ngħatat preżentazzjoni minn kumpanija Alġerina b’tagħrif prattiku dwar il-proċeduri, taxxi, u informazzjoni neċessarja biex imprenditur barrani jidħol f’negozju ma’ negozjanti ġewwa l-Alġerija. Seminar ieħor fit-tieni jum kien dak dwar l-opportunitajiet fis-setturi tat-turiżmu u l-kostruzzjoni fl-Alġerija. Saret ukoll Żjara Statali fl-Alġerija tal-E.T. il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca bejn id-19 u l-21 ta’ Jannar 2016. Il-President kienet akkumpanjata minn delegazzjoni kummerċjali oħra. 25 kumpanija Maltija ipparteċipat f’din iż-Zjara Statali. Sebgħa minnhom kienu kumpaniji li marru l-Algerija mad-delegazzjoni kummerċjali f’Novembru 2015. Dan juri biċ-ċar li l-kumpaniji Maltin huma interessati sew li jifirxu l-operat tagħhom b’fiduċja ma’ imprendituri Alġerini.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – inizjattivi għall-EPOS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid itteħdux xi inizjattivi biex ħlasijiet lill-Ministeru tiegħu jkunu jistgħu jsiru permezz tas-sistema magħrufa bħala Electronic Point of Sales (EPOS)? Jekk iva, x’kienu dawn l-inizjattivi?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala inizjattiva għall-EPOS ġiet installata sistema f'Ġunju 2015 sabiex tilqa' l-ħlasijiet tal- legalisation of documents . Il-vantaġġi ta' din is-sistema huma Inqas immaniġġjar ta' flus kontanti ( cash handling ) M'hemmx iktar bżonn isiru depożiti mal-Bank Ċentrali ta' Malta Jista' jsir ħlas permezz tal-Internet Inqas xogħol amministrattiv. Ta' min jinnota li min ma jkollux card jista' jħallas bil-cash.

Ħatra ta’ Konsli ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew appuntati konsli ġodda matul l-2015? F’liema reġjuni għandhom ġurisdizzjoni dawn il-konsli?

Response (VELLA, GEORGE)

Matul is-sena 2015 ġew appuntati żewġ konsli tal-karriera u disgħa konsli onorarji. Il-pajjiżi u l-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-konsli huwa kif ġej: Konsli tal-karriera Belt Pajjiż Ġurisdizzjoni Algiers Alġerija Fuq l-Alġerija kollha Istanbul Turkija Fuq it-Turkija kollha Konsli Onorarji Belt Pajjiż Ġurisdizzjoni Casablanca Marokk Fuq ir-reġjuni ta’ Gharb-Charada-Béni Hssen, Chaouia-Ouardigha, Oriental, Grand Casablanca, Rabat-Salé-Zémour-Zaer, Fés-Boulmane, Taza-Al Hoceima-taounate, Tanger-Tétouan u Meknes-Tafialet Lodz Polonja Fuq il-voivodeship ta’ Lodzkie Dusseldorf Ġermanja Fuq l-Istat ta’ North Rhine-Westphalia Accra Ghana Fuq ir-reġjuni ta’ Greater Accra, Shanti, Brong-Ahafo, Central, Eastern, Western u Volta Chisinau Moldova Fuq il-Moldova kollha Klagenfurt Awstrija Fuq l-Istat ta’ Carinthia Muscat Oman Fuq l-Oman kollu Providence, Rhode Island Stati Uniti Fuq l-Istati ta’ Rhode Island, Maine, New Hampshire u Vermont Denver Stati Uniti Fuq l-Istat ta’ Colorado

Missjoni ta’ osservanza elettorali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il missjoni ta’ osservanza elettorali ħadet sehem Malta bejn Marzu 2013 u d-data ta’ din il-mistoqsija? Fejn saru dawn l-elezzjonijiet u kemm-il osservatur kellha Malta f’kull okkażjoni?

Response (VELLA, GEORGE)

Fl-2013, Malta ipparteċipat f’disa’ missjonijiet ta’ osservanza elettorali: (STOs – Short Term Observers, LTOs Long term Observers) Pajji ż Participazjoni minn Malta Il-Paragwaj 2 STOs (short term observer) Il-Madagascar 2 STOs Il-Mali 3 STOs Il-Guinea 2 STOs Il-Madagascar 1 STO Il-Kosovo 1 STO In-Nepal 1 LTO (long term observer) u 2 STOs Il-Honduras 1 STO Il-Mali 1 STO Fl-2014, Malta ipparteċipat f’erba’ missjonijiet ta’ osservanza elettorali: Pajji ż Participazjoni minn Malta Il-Malawi 1 STO L-Eġittu 2 STOs Il-Kosovo 1 STO It-Tuneżija 2 STOs Fl-2015, Malta ipparteċipat f’ħames missjonijiet ta’ osservanza elettorali: Pajji ż Participazjoni minn Malta Il-Burundi 3 STOs Is-Sri Lanka 1 STO It-Tanzanija 1 LTO u 1 STO Myanmar/Burma 1 LTO Burkina Faso 2 STOs B’kollox, minn Marzu tal-2013 sa Diċembru tal-2015, Malta ipparteċipat fi dsatax-il missjoni ta’ osservanza elettorali, fejn b’kollox kien hemm 31 osservatur.

Diplomazija Kummerċjali — inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-inizjattivi ta’ diplomazija kummerċjali li ħa l-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 sal-lum? Kemm saru żjarat ta’ delegazzjonijiet kummerċjali Maltin u business seminars barra minn Malta?

Response (VELLA, GEORGE)

Mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura sal-lum, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ħa diversi inizjattivi fil-qasam tad-diplomazija kummerċjali. Dawn kienu jinkludu l-inizjattivi li ġejjin: - F’nofs l-2013, ġie mwaqqaf il-Joint Stakeholders Working Council (JSWC) li jlaqqa’ flimkien entitajiet Maltin involuti fil-kummerċ u n-negozju. Dawn huma l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-Ministeru għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi Żgħar, il-Ministeru għall-Finanzi, il-Malta Enterprise, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, it-Trade Malta, Finance Malta, il-GRTU u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex. Il-JSWC jikkordina l-isforzi tal-membri fi ħdanu biex jippruvaw isaħħu l-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi lokali, kif ukoll iżidu l-investiment dirett barrani. Dan il-Kunsill jiltaqa’ darba fix-xahar. - Saret enfażi kbira biex l-Ambaxxati, il-Konsolati Maltin kif ukoll il-Konsli Onorarji ta’ Malta madwar id-dinja jieħdu iktar inizjattivi ta’ natura kummerċjali. - Matul l-2014, diplomatiċi Maltin ngħataw taħriġ dwar kif jistgħu jippromwovu lil Malta fil-qasam kummerċjali lil hinn minn xtutna. - Ambaxxaturi ġodda jiltaqgħu mal-entitajiet responsabbli mill-kummerċ biex isiru jafu aktar dwar il-potenzzjal kummerċjali ta’ Malta - It-Taqsima tad-Diplomazija Kummerċjali bdiet tipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsilli tal-Kummerċ fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, bħal laqgħat tas-Sotto-Kumitat tal-Ġappun. Dawn il-laqgħat isiru b’mod regolari fl-istess Kamra tal-Kummerċ. - L-istess Taqsima, flimkien mal-Ambaxxati Maltin f’bosta pajjiżi madwar id-dinja, għenet ukoll fl-organizzazzjoni ta’ diversi inizjattivi ta’ promozzjoni kummerċjali f’pajjiżi bħall-Polonja, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, il-Kuwajt, l-Oman, l-Ingilterra u oħrajn. - Sa mill-bidu tal-2014, il-Ministeru kellu rwol fundamentali fin-negozjati u l-preparamenti li wasslu biex f’Awwissu 2014 ġie ffirmat Ftehim bejn Malta u t-Turkija għalJoint Economic and Trade Commission (JETCO). Dan sar waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi Żgħar, l-Onorevoli Dott. Chris Cardona. Dan il-Ftehim mistenni jagħti spinta lir-relazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi, li huma determinati li jesploraw kif jistgħu jikkoperaw biex isaħħu dan il-qasam. - It-Taqsima kienet ukoll strumentali matul l-aħħar xhur tal-2014 u l-bidu tal-2015 sabiex ġiet organizzata it-Tieni Sessjoni tal-Kummissjoni Konġunta Ekonomika bejn Malta u l-Għarabja Sawdita f’Marzu 2015, immexxija mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi Żgħar, l-Onorevoli Dott. Chris Cardona, bl-għajnuna tal-Ambaxxatur Malti f’Riyadh u s-sehem ta’ Malta Enterprise. Din is-Sessjoni iddiskutiet diversi oqsma ta’ interess kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi, fosthom l-Investiment, il-kummerċ, l-edukazzjoni, il-protezzjoni tal-wirt kulturali u t-turiżmu . - It-Taqsima qed taħdem iktar mill-qrib mal-Ambaxxaturi Maltin mhux residenti biex jorganizzaw attivitajiet relatati ma’ kummerċ u negozju. Xi eżempji huma dawn: a. Għenet fit-tħejjija tal-preparamenti għal żjara ta’ Delegazzjoni Kummerċjali Għolja mill-Oman f’Jannar tal-2015. b. Għenet fl-organizzazzjoni ta’ Doing Business with Japan Event organizzat f’Novembru 2015 mill-Kamra tal-Kummerċ, bħala parti mill-attivitajiet li orgasnizzati biex ifakkru l-50 anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Ġappun. Dan il-Forum , kien indirizzat kemm mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, kif ukoll mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intraprizi Żgħar. c. F’Lulju 2015 assistiet lill-Kamra tal-Kummerċ biex torganizza l-Business in the MENA Region Seminar. Għal din l-attivitaà, li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, attendew bosta Ambaxxaturi Maltin, fosthom Ambaxxaturi mhux residenti għall-Marokk, l-Oman, l-Ambaxxatur Malti għal-Libja, kif ukoll il-Konsli ta’ Malta f’Dubaj u l-Alġerija rispettivament. d. F’Lulju 2015 għenet fl-organizzazzjoni ta’ Business Forum organizzat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Korea t’Isfel b’kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise, bħala parti mill-attivitajiet li fakkru l-50 anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Korea t’Isfel. e. Tassisti lill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Isvizzera fil-laqgħat tiegħu mal-President tal-Malta Swiss Chamber of Commerce. Dawn il-laqgħat ilhom isiru b’mod regolari sa minn Marzu 2013. f. Tat sehem importanti fil-kuntatti sabiex jittella’ programm ta’ prezentazzjonijiet kummerċjali waqt il-Laqgħa Annwali tal-Ambaxxaturi f’Malta u dik Bijennali tal-Konslijiet Onorarji li saru f’Lulju 2015. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin assista u kkordina diversi żjarat ta’ delegazzjonijiet kummerċjali u business seminars barra minn Malta. F’bosta okkażjonijiet, il-Ministeru pparteċipa permezz tar-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi jew saħansitra f’uħud minnhom bil-preżenza tal-Ministru stess. Lista ta’ żjarat ta’ delegazzjonijiet kummerċjali u business seminars barra minn Malta minn Marzu tal-2013 sal-aħħar tal-2015 huma kif ġej: L-Italja - Business Seminar f’Livorno, fid-19 ta’ Marzu 2015 - Business Seminar f’Pisa, fil-21 t’April 2015 - Business Seminar f’Viterbo, fit-28 t’April 2015 - Business Seminars f’Ġenoa, Turin, u Firenze bejn il-11 u l-14 ta’ Mejju 2015 - Business Seminar f’Milan, fis-16 ta’ Lulju 2015 - Business Seminar f’Milan, fit-23 ta’ Settembru 2015 - Business Seminar f’Firenze, fil-21 ta’ Mejju 2014 - Business Seminar f’Milan, fit-23 t’Ottubru 2013 L-Ingilterra - Business Seminar organizzat minn-Finance Malta u Malta Enterprise fl-14 ta’ Marzu 2013 - Delegazzjoni Kummerċjali (Food and Beverage) bejn l-14 u l-20 ta’ Marzu 2013 - Business Seminar li tratta l-Investiment Promozzjonali, fl-20 u l-21 ta’ Ġunju 2013 - Business Seminar ‘Doing Business in Malta’ li kien organizzat min Crimsonwing u KPMG fid-29 ta’ Lulju 2013 - Delegazzjoni Kummerċjali li kellha bħala is-suġġett ewlieni t-Turiżmu. Din seħħet bejn l-4 u s-7 ta’ Novembru 2013 - Business Seminar organizzat minn-Finance Malta fir-Royal Garden Hotel, Londra fil-21 ta’ Novembru 2013 - Business Seminar mill-Malta Enterprize f’Manchester fil-25 u s-26 ta’ Novembru 2013 - Delegazzjoni Kummerċjali attendiet il-World Travel Market bejn it-3 u s-6 ta’ Novembru 2014. Il-Kummissarju Għoli akkompanja din id-Delegazzjoni Kummerċjali għal dan l-istess avveniment. - Delegazzjoni Kummerċjali mill-Malta Gaming Authority fl-4 ta’ Frar 2015 - Business Seminar fuq il-Kompetittività ta’ Malta li ġiet organizzata minn Ernst and Young fl-24 ta’ Frar 2015 - Business Breakfast organizzat mill-Finance Malta fit-8 ta’Ottubru 2015 - Delegazzjoni Kummerċjali flimkien mal-Kummissarju Għoli attendew il-World Travel Market fit-2 ta’ Novembru 2015. - Business Seminar Breakfast organizzat mill-Malta Stock Exchange fl-4 ta’ Novembru 2015 - Minn Marzu 2013, il-laqgħat tal-Malta Business Network isiru kull nhar ta’ tlieta fl-aħħar ġimgħa tax-xahar. Dawn il-laqgħat ikunu segwiti minn networking receptions li għalihom jattendu l-membri tal-Malta Business Network u investituri minn Malta. Il-Ġermanja - Business Seminar li kien ospitat ġol-facilitajiet tal-Ambaxxata f’Berlin fl-4 ta’ Marzu 2015 - Delegazzjoni Kummerċjali attendiet għal Seminar fi Frankfurt organizzajt mill-Kamra tal-Industrja u l-Kummerċ ta’ Frankfurt fil-11 ta’ Mejju 2015 - Delegazzjoni Kummerċjali li akkumpanjat il-President Emeritus George Abela waqt Żjara Statali bejn l-10 u l-14 ta’ Marzu 2014 Franza - Business Seminar f’Montpellier fis-16 u s-17 t’Ottubru 2014 Spanja - Business Seminar f’Zaragoza fl-20 ta’ Mejju 2014 Ir-Repubblika Ċeka - Business Seminar bejn id-9 u l-10 ta’ Novembru 2015 L-Awstrija - Delegazzjoni Kummerċjali akkumpanjat il-President Emeritus George Abela waqt Żjara Statali bejn l-21 u 22 ta’ Jannar 2014 - Delegazzjoni Kummerċjali organizzata minn Malta Enterprise bejn il-11 u 12 ta’ Frar 2015 L-Isvizzera - Żewġ round tables organizzati minn Finance Malta u s-Swiss Maltese Chamber of Commerce f'Zurich u Ġeneva bil-parteċipazzjoni tiegħi - Business Seminar bejn l-4 u l-5 ta’ Novembru 2015 L-Isvezja - Business Seminar fl-24 ta’ Settembru 2013 - Busienss Seminar fis-26 ta’ Settembru 2013 It-Turkija - Business Seminar ġewwa Istanbul fis-27 ta’ Marzu 2014 - Delegazzjoni Kummerċjali organizzata minn Trade Malta bejn it-30 ta’ Settembru u l-1 t’Ottubru 2015 L-Alġerija - Delegazzjoni Kummerċjali bejn it-18 u d-19 ta’ Novembru 2015 u bejn id-19 u l-21 ta’ Jannar 2016 L-Iżrael u l-Palestina - Delegazzjoni Kummerċjali bejn il-15 u s-17 t’Ottubru 2013 Ir-Russja - Business Seminar fil-25 ta’ Ġunju 2013 - Business Seminar fit-18 ta’ Settembru 2014 L-Emirati Għarab Magħquda - Delegazzjoni Kummerċjali organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ li żaret ukoll il-Qatar bejn is-16 u d-19 ta’ Marzu 2014 - Delegazzjoni Kummerċjali mmexxijja mill-Onorevoli Ministru għall-Ekonomija, Dr. Chris Cardona, li żaret il-Kuwait bejn it-22 u s-26 ta’ Settembru 2014 L-Oman - Delegazzjoni Kummerċjali mmexxijja mill-Onorevoli Ministru għall-Ekonomija, Dr. Chris Cardona, bejn l-20 u t-22 t’April 2015 - Delegazzjoni Kummerċjali organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ li pparteċipat fl-Oman Business Opportunities Forum bejn is-16 u s-17 ta’ Novembru 2015 Iċ-Ċina - Delegazzjoni Kummerċjali mill-Malta Enterprise u l-Malta Communications Authority bejn l-20 u l-25 ta’ Lulju 2014 f’Beijing.
Leg 12 PQ #21862 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Industrija tal-Films

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern qed jgħin lill-industrija indiġina tal-films?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-Gvern qed jagħti għajnuna kontinwa lill-industrija lokali kemm permezz ta’ fondi u anke permezz ta’ taħriġ. F’dawk li huma fondi, il- Malta Film Fund qed jagħti grants ta’ Euro 250,000 fis-sena sabiex jgħin artisti lokali jipproduċu films Maltin u Għawdxin. Twaqqaf ukoll fond kompletament ġdid, Co-Production Fund, b’budget ta’ Euro 1 miljun fis-sena. Dan sabiex kumpaniji lokali jkun jistgħu jingħaqdu ma’ kumpaniji nternazzjonali flimkien jagħmlu produzzjonijiet internazzjonali. Bħala taħrig, fis-sentejn li għaddew, il-Film Commission nefqet aktar minn Euro 800,000 minn fondi Ewropej, sabiex nies fl-industrija tal-films jingħataw taħrig intensiv. Saru courses f’Malta, workshops f’Għawdex u anke film partikolari ma’ Film London, fejn nies setgħu jingħataw taħriġ prattiku. Il-Film Commission iffirmat ukoll ftehim ta’ kooperazjoni mal-MCAST u l-Universita’ sabiex dawn jagħtu taħriġ speċjalizzat, fosthom Masters, fl-industrija tal-films.