Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondi għal tħaffir jew estensjoni ta’ bir

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jindika hemmx xi tip ta’ fondi disponibbli bħala għajnuna għal min ikun jixtieq iħaffer bir jew ikabbar il-bir eżistenti fir-residenza tiegħu?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda fond disponibli taħt l-European Structural and Investment Funds 2014/2020 għal min ikun jixtieq iħaffer bir jew ikabbar bir eżistenti fir-residenza tiegħu.

Problema fuq is-Servizzi Soċjali – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward problema fuq is-servizzi soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-persuna kkonċernata ġiet ikkuntatjata fejn ġie spjegat lilu l-eleġibilità għall-benefiċċju soċjali li fuqu kellu problema l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament.
Leg 12 PQ #24180 Sitting 371 2016-04-04 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għall-Finanzi

Refund tat-taxxa – każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament minħabba li għandha problema fuq refund tat-taxxa?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li uffiċjali tad-Dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li, dwar każ bħal dan, kien ikun biżżejjed li kieku l-persuna koncernata marret fit-taqsima tat-Taxpayer Service fi Blokk 4, Floriana, fejn normalment jiġu ttrattati każijiet bħal dawn minn taqsima apposta.

Subject Proficiency Assessment

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb li s-suġġett Subject Proficiency Assessment (SPA) jidħol fil-curriculum tal-iskejjel tal-Gvern mis-sena skolastika li ġejja? Jekk le, meta hemm il-ħsieb li dan jiġi introdott?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Subject Proficiency Assessment (SPA) fil-lingwi barranin (Taljan, Franċiż, Spanjol u Ġermaniż) se jinfirex fit-Tielet Sena tas-Sekondarja fl-iskejjel kollha tal-Istat u oħrajn mhux tal-Istat minn Settembru 2016 għal dawk l-istudenti li l-marki tagħhom tal-Annwal tal-Form 2 f'dawn is-suġġetti juru li ma jkunux se jaslu li jersqu għas-SEC aktar 'l quddiem. Fis-snin li ġejjin, dan il-mod ta' tagħlim tal-lingwi se jinfirex fis-snin kollha tas-sekondarja, sena b'sena fuq firxa ta' ħames snin. Ir-riżultati tal-istudenti li ħadu sehem fil-Proġett Pilota u li tgħallmu l-lingwi barranin b'dan il-mod f'erba' skejjel tal-Istat, kienu tajbin u ħadu ċertifikazzjoni fl-Livell 1 u 2.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minħabba li għandha problema fuq skema tal-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa. L-individwu ġiet ukoll ikkuntatjata u nfurmata bil-proċess.

Il-Buskett — Triq il-Laurenti - xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21574 datata 4 ta' Diċembru 2015 fejn ġejt infurmat li x-xogħlijiet ippjanati għaż-żona Ta' Laurenti tlestew, jista' l-Ministru jindika hemmx il-ħsieb li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq il-biċċa triq li tħalliet fi stat ħażin, li tagħti mill-Palazz Verdala u tibqa' nieżla l-isfel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hekk kif ġie mwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 21574, ix-xogħlijiet illi Transport Malta kellha ppjanat fiż-żona tal-Laurenti s-Siġġiewi tlestew. Xogħol ieħor isir skont fondi disponibli u prijoritajiet li jirriżultaw.

Ħal Qormi — Triq l-Imdina - rampa ħdejn it-traffic lights

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21568 datata 4 ta' Diċembru 2015, fejn ġejt infurmat li l-każ qiegħed jiġi studjat biex jiġi determinat il-possibilità ta' xi forma ta' interventi, jista' l-Ministru jindika xi żviluppi kien hemm peress li r-rampa għadha fl-istess stat u tinsab perikoluża għal kull min jużaha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f’din l-akwata huwa ordnat, u se jinkludi t-tkissir tal-bankina/rampa u se ssir mill-ġdid bil-konkos u b’wiċċ li ma jiżloqx.

Is-Siġġiewi – Triq Patri Ġuże Delia – Three Phase

Question

Jista’ l-Ministru jara li d-dawl ta’ Triq Patri Ġuże Delia fis-Siġġiewi jiġi mibdul għal Three Phase peress li r-residenti qegħdin isofru minn ħsarat minħabba bdil fil-vultaġġ u dan fid-dawl li tmien snin ilu kienet inbniet kamra sabiex issir sub-station però sal-lum għadu ma sar xejn?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat li l-Enemalta ma rċevietx rapporti ta’ diffikultajiet fil-provvista’ minn klijenti f’dawn l-inħawi.

Pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minħabba problema fuq il-pensjoni tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-persuna msemmija ser tiġi nfurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali bl-eżitu, wara li l-każ kien rivedut.
Leg 12 PQ #23824 Sitting 368 2016-03-14 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — Pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minħabba problema fuq il-pensjoni tiegħu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fil-fatt, kien ġie riferut lill-Grievance Unit tal-kumpanija u għaldaqstant huwa dan il-Unit li jikkuntattja lill-istess persuna sabiex jikkunsidra l-ilment tiegħu. Il-Grievance Unit diġa’ ra lis-Sur Farrugia fis-7 ta’ Awissu 2015. Dan il-każ għadu qed jigi diskuss mill-Grievance Unit.
Leg 12 PQ #23873 Sitting 368 2016-03-14 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għall-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minħabba li għandu problema fuq it-taxxa?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li uffiċjali tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.

Persuni mejta kaġun ta’ fgar (choking)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew iċċertifikati mejta fuq il-post (mhux l-isptar) kaġun ta’ fgar (choking) sena b’sena sa mis-sena 2006 sal-ġurnata tal-lum?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni miġbura mir-Reġistru Nazzjonali tal-iMwiet, in-numru ta’ mwiet kaġun ta’ fgar (choking) li kien aċċidentali u li mietu fuq il-post (mhux l-isptar) matul is-snin 2006-2014 f’residenti ta’ Malta u Għawdex huwa total ta’ 12.
Leg 12 PQ #23522 Sitting 363 2016-03-01 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Qormi – Triq Pietru Feliċi — ħajt

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex titnaddaf biċċa art li tinsab fi Triq Pietru Feliċi ġewwa Ħal Qormi kif ukoll biex jinbena l-ħajt li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jdawwar din l-art skont kif stipulat fil-liġi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-art li tinsab fi Triq Pietru Feliċi f’Ħal Qormi mhiex proprjetà tal-Gvern. Għaldaqstant id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern mhuwiex responsabbli mit-tindif ta’ din l-art u għall-bini tal-ħajt.

Lifts f’Binja

Question

Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jiġu ndirizzati problemi relatati ma’ lifts fil-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għaliex qiegħed jinħoloq inkonvenjent bla bżonn lir-residenti ta' din il-binja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, dwar tliet lifts li ġew installati riċentement mill-Awtorita’ tad-Djar fil-binjiet imsemmija, diġa ttieħdu l-passi meħtieġa dwar dan l-ilment u ġiet identifikata problema teknika fis-sistema tad-dawl tal-komun ta’ blokk wieħed. It-tiswijiet meħtieġa tlestew u għaldaqstant issa qed isiru l-arranġamenti biex il-lifts jiġu ċertifikati qabel jibdew jintużaw.

Ħal Qormi – Toroq – Tarmak

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2671, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq se ssir skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akkwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Ħal Luqa – Triq Ġużeppi Ellul — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jara li parti minn Triq Ġużeppi Ellul, Ħal Luqa, tingħata wiċċ bit-tarmak peress li tinsab fi stat diżastruż u dan peress li, kif jidher mill-korrispondenza li qed tiġi annessa separatament, ir-responsabilità ta’ din it-triq hija tal-Gvern ċentrali u anke għaliex din it-triq ilha tiġi mwiegħda fil-programm tat-toroq residenzjali sa mis-sena 2006 u minkejja li l-kunsill lokali ilmenta kemm-il darba ma’ Transport Malta, din it-triq baqgħet ma saritx? Jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji sabiex din it-triq ma titħalliex fl-istat li tinsab fih, anke għaliex dan ġara, fost oħrajn, minħabba li sabiex tlesta x-xogħol fi Triq Ħal Qormi, it-traffiku kien devjat għal din it-triq, inkluż heavy vehicles, li din it-triq ma tiflaħx għalihom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għandha pjanijiet sabiex tagħmel l-intervent neċessarju fuq din it-triq skont il-prioritajiet u fondi disponibli.

Ħal Luqa – Triq il-Mitjar –tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jara li Triq il-Mitjar, Ħal Luqa, tingħata wiċċ bit-tarmak peress li tinsab fi stat diżastruż minħabba li, fost oħrajn, sabiex tlesta x-xogħol fi Triq Ħal Qormi, it-traffiku kien devjat għal din it-triq, inkluż heavy vehicles, li din it-triq ma tiflaħx għalihom? Jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata wara li anke l-Gvern preċedenti kien wiegħed lill-kunsill lokali li peress li t-traffiku se jkun qiegħed jgħaddi minn din it-triq, il-Gvern kien se jikkumpensa billi jingħata wiċċ ġdid tat-tarmak lil din it-triq, xi ħaġa li sal-lum din għadha ma saritx?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li Transport Malta għandha pjanijiet sabiex tagħmel l-intervent neċessarju fuq din it-triq skont il-prioritajiet u fondi disponibli.

Ħal Qormi — Ħsejjes ta’ livelli għolja – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tad-Dipartiment tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, jara li tiġi kkuntattjata l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sabiex jiġi investigat każ ta’ ħsejjes ta’ livell għoli li qegħdin jirriżultaw f’problemi fuq is-saħħa tal-familja ta’ din il-persuna fil-lokalità ta’ Ħal Qormi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed ikun segwiet.

Ħal Qormi – stallar ta’ lifts — investigazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu investigati x-xogħlijiet ta' stallar ta' lift li qegħdin isiru fil-fond, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li dawn ix-xogħlijiet ilhom weqfin għal numru ta' ġimgħat bil-konsegwenza li tħalla periklu kbir u nuqqas ta' aċċessibiltà għar-residenti ta' din l-istess blokka?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorita’ tad-Djar qed issegwi l-każ imsemmi minnu, fejn il-kuntrattur li ngħata l-kuntratt biex jagħmel alterazzjonijiet strutturali u jinstalla lift fil-blokka, naqas milli jżomm ritmu kostanti ta’ xogħlijiet. L-Awtorita’ tad-Djar qed tagħmel kull sforz biex iġġiegħel lill-kuntrattur jonora l-obbligi kuntrattwali tiegħu u jkompli x-xogħlijiet mill-aktar fis possibbli. Sadanittant, fuq insistenza tal- Awtorita’, il-kuntrattur diġa’ beda jagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa biex ikun hemm aktar sigurta’ fil-komun tal-blokk sakemm jitlesta l-lift.

Benefiċċji tal-Qgħad – każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, rigward problema fil-benefiċċji tal-qgħad?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa u l-individwu ġiet ikkuntattjata biex ġie spjegat lilha l-proċess.