Kunsill tal-Ewropa — ħidma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret minn Malta fil-Kunsill tal-Ewropa matul l-2015?
Response (VELLA, GEORGE)
Fost l-avvenimenti prinċipali tar-Rappreżentanza Permanenti Maltija għall-Kunsill tal-Ewropa fi Strasbourg fl-2015 kien hemm iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħamsin sena minn meta Malta ssieħbet fil-Kunsill tal-Ewropa ftit wara l-Indipendenza tagħha biex saret it-tmintax-il pajjiż sieħeb tal-Kunsill.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, il-President ta’ Malta, l-E.T. is-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca, żaret u indirizzat l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa nhar it-22 ta’ Ġunju 2015. Fl-indirizz tagħha l-E.T. il-President tkellmet dwar bosta temi attwali fosthom il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ugwaljanza, fost l-oħrajn.
L-E.T il-President kellha diversi laqgħat ma’ uffiċċjali għoljin fosthom il-President tal-Qorti Ewropea għad-Drittiet tal-Bniedem, il-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem u s-Segretarju Generali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-President tal-Assemblea. Dawn il-laqgħat ġew kollha ikkordinati mir-Rappreżentanza Permanenti flimkien mal-Ministeru u l-Uffiċċju tal-President u dak tal-Kamra tar-Rappreżentati.
Bl-għajnuna tal-Fond għad-Diplomazija Kulturali saret esebizzjoni fotografika msejħa ISLELANDERS – esebiti ta’ Darrin Zammit Lupi - fil-Foyer tal-Palazz tal-Ewropa, li kienet inawgurata mill-E.T. il-President fil-preżenza tal-ogħla awtorijatiet tal-Kunsill.
Biex tiġi kkommemorata din l-okkażjoni kif jixraq, ir-Rappreżentanza ħadmet biex tul is-sena Malta tiffirma u/jew tirratifika numru rekord ta’ Konvenzjonijiet u Ftehim Internazzjonali b’kordinazzjoni bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Ministeri konċernati. Dawn kienu:
The European Convention concerning Compensation of Victims of Violent Crime;
The European Convention on the Exercise of Children’s Rights;
The European Convention on Contact concerning Children;
The European Agreement relating to persons participating in Proceedings of the European Court of Human Rights;
European Convention on the Repatriation of Minors;
European Convention on the Adoption of Children (Revised);
European Convention on the Non-Applicability of Statutory Limitation to Crimes against Humanity and War Crimes;
Protocol No. 12 to the Convention for the Protection of Human Rights and Fundamental Freedoms; and
Convention on the Prevention of Terrorism.
Għal din l-okkażjoni, il-Maltapost ħarġet timbru speċjali bl-arma tal-Kunsill tal-Ewropa akkumpanjata mill-kliem “Demokrazija, Stat tad-Dritt u Drittijiet tal-Bniedem” (Demorcracy – Rule of Law – Human Rights).
Fid-19 ta’ Mejju 2015, jien ħadt sehem fil-Laqgħa Annwali tal-Kumitat tal-Ministri li saret fi Brussell, li kellha t-tema prinċipali tat-terroriżmu u kif dan qed jaffettwa l-ħajja tagħna ta’ kuljum. Matul il-laqgħa ddiskutejna diversi temi, fosthom ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali Naqsmu r-Responsabbiltà għal Sigurtà Demokratika fl-Ewropa, kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni biex ikun miġġieled it-terroriżmu. Waqt il-laqgħa jien mexxejt id-diskussjoni dwar l-immigrazzjoni min-nofsinhar tal-Ewropa. Fid-diskors tiegħi, sħaqt li hemm bżonn immedjat li tittieħed azzjoni kontra t-terroriżmu sabiex dan il-fenomenu jkun miġġieled b’mod effettiv.
F’April 2015 l-Onor. Helena Dalli, Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, indirizzat l-Assemblea Parlamentari fuq id-diskriminazzjoni kontra t-transgender (LGBTIQ) fl-Ewropa in konnessjoni ma’ Riżoluzzjoni mressqa mill-Onor. Deborah Schembri, liema Riżoluzzjoni kienet adottata.
L-2015 kienet ukoll sena importanti għal Malta fil-qasam tal-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Id-Dott. Marceline Naudi, innominata mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali , l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili, kienet eletta ma’ disa’ membri oħra fil-GREVIO – il-Grupp ta’ Esperti fil-ħidma kontra l-Vjolenza Domestika u fuq in-Nisa, nhar l-4 ta’ Mejju 2015. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barrnin flimkien mar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu mexxew ħidma li bdiet minn żmien qabel l-elezzjoni sabiex jassiguraw l-appoġġ tal-maġġoranza tal-pajjiżi għan-nomina tal-kandidata Maltija.
Bħala parti mix-xogħol regolari tagħhom, ir-Rappreżentant Permanenti u d-Deputat tiegħu jattendu kull gimgħa l-laqgħat tal-Kumitat tal-Ministri bħala r-rappreżentanti tiegħi u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa, fejn Malta hija l-kelliema fuq il-Migrazzjoni.
B’mod regolari, darbtejn fil-gimgħa, ir-Rappreżentant Permanenti u d-Deputat tiegħu jattendu wkoll għal-laqgħat tas-seba’ Gruppi ta’ Rapporteurs fuq id-Demokarazija, id-Drittijiet tal-Bniedem, Legali, l-Affarijiet Barranin, il-Budget, l-Affarijiet Soċjali, u l-Kultura, l-iSport u l-Edukazzjoni.
Jattendu wkoll il-laqghat tal-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa fil-livell ta’ Governing Board u l-Kunsill Amministrattiv u l-laqgħat li jsiru minn North South Centre, li jippromwovi d-djalogu u l-koperazzjoni bejn l-Ewropa, in-nofsinhar tal-Mediterran u l-Afrika u li Malta hija membru tiegħu.
Ir-Rappreżentanza tikkoordina x-xogħol in konnessjoni mal-erba’ Sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari (il-PACE), li għaliha tattendi delegazzjoni mill-Kamra tar-Rappreżentanti, kif ukoll il-laqgħat tal-Kungress tal-Awtoritajiet u r-Regjuni Lokali. Ir-Rappreżentanza tgħin ukoll lil diversi esperti u delegati Maltin li jattendu regorlarment il-gruppi ta’ esperti. Ir-Rappreżentanza mpenjat ruħha biex tiżgura li l-parteċipazzjoni ta’ delegati minn Malta tilħaq il-potenzjal massimu tagħha f’dik li hija ħidma tal-Kunsill – għan li ntlaħaq.
Il-Missjoni Permanent segwiet mill-qrib ir-Rapporti li jolqtu lil Malta, u għaddiet rimarki bil-miktub dwarhom lill-Ministeru, u li ġew sottomessi mill-Monitoring Bodies ta’ dawn il-Gruppi ta’ Esperti fi ħdan il-Kunsill:
-Grupp Anti-Korruzzjoni (GRECO)
-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni kontra t-Tortura (CPT)
-Grupp kontra t-Traffikar ta’ Persuni (GRETA)
-Kummissioni Ewropeja fuq l-Effiċjenza tal-Ġudikatura (CEPEJ)
-Kummissjoni Ewropeja kontra r-Razzismu u Intolleranza (ECRI)
-Kumitat ta’ Pariri dwar il-Konvenzjoni fuq Minoranzi Nazzjonali (FCNM)
-Attendiet il-laqgħat tal-Kumitat tal-Ministri dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (CMDH) dwar il-
ħidma tal-Qorti Ewropeja u t-twettiq tad-deċiżjoniet tal-Qorti u l-aktar dawk li jirrigwardaw
lil Malta.
B’inizjattiva tar-Rappreżentanza Permanenti flimkien mal-Konslu Onorarju għal Strasbourg u l-awtoritajiet muniċipali tal-Belt , is-Sindku ta’ Strasbourg fil-preżenza tal-E.T. il-President, semma parti ċentrali mill-moll tax-Xmara Ill Quai de Malte f’ċerimonja apposta.
F’Settembru, ir-Rappreżentanza Permanenti għenet ukoll biex isseħħ iż-żjara f’Malta tal-Kumitat kontra t-Tortura.
Fil-21 ta’ Settembru, ir-Rappreżentanza Permanenti żammet riċeviment uffiċċjali biex jitfakkar Jum l-Indipendenza kif ukoll il-Ħamsin Anniversarju mid-dhul ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa.
F’Ottubru 2015 ir-Rappreżentanza Permanenti ikkordinat iż-żjara f’Malta ta’ grupp ta’ Mħallfin mill-Qorti Ewropea mmexxijin mill-Imħallef Vincent DeGaetano b’koordinazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ministeru tiegħi.
Ir-Rappreżentanza Permanenti kkordinat ukoll iż-żjara tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, Ms. Samardzic- Markovic.
Matul din is-sena, ir-Rappreżentanza Permanenti laqgħet ukoll gruppi ta’ studenti minn Malta li kienu fuq żjara ta’ istituzzjonijiet Ewropej fi Strasbourg.
Ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa irċeviet u attendiet għal numru ta’ zjarat ta’ korteżija u funzjonijiet uffiċċjali mifruxin madwar s-47 Missjonijiet Permanenti għal-Kunsill tal-Ewropa.