Response (VELLA, GEORGE)
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta s-sehem sħiħ tiegħu biex l-immigrazzjoni, partikolarment fiċ-ċentru tal-Mediterran, tingħata l-ogħla priorità fil-fora internazzjonali, b’mod speċjali fl-Unjoni Ewropea u l-Ġnus Magħquda. F’dawn il-fora, Malta sostniet li sabiex tinstab soluzjoni sostenibbli għall-immigrazzjoni irregolari, huwa ferm importanti li l-ewwel jiġu indirizzati l-għeruq ta’ dan il-fenomenu.
Għaldaqstant, il-Ministeru ħadem bis-sħiħ sabiex iseħħ il-Valletta Summit u tiġi indirizzata b’mod ħolistiku r-rotta tal-immigrazzjoni mill-Afrika għan-nofsinhar tal-Ewropa kif jixraq. Għaldaqstant il-Ministeru ħa sehem attiv fil-laqgħat tal-Uffiċjali Għolja matul it-taħdidiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta’ l-Afrika li saru fi Brussell, f’Rabat il-Marokk, u f’Sharm el-Sheikh, l-Eġittu, qabel is-Summit, filwaqt li ppresjeda l-Laqgħa ta’ Uffiċjali Għolja ġewwa Valletta lejlet is-Summit, fejn kienu konklużi n-negozjati fuq id-dokumenti tas-Summit.
Matul is-Summit ta’ Valletta ġew maqbula żewġ Dokumenti importanti, id-Dikjarazzjoni Politika u l- Pjan ta’ Azzjoni li jfassal 16-il azzjoni li għandhom jittieħdu fil-pajjiżi ta’ oriġini sabiex tittaffa l-problema, kif ukoll jagħti timeframes li fihom trid tittieħed din l-azzjoni. Id-Dikjarazzjoni Politika tagħti prijorita’ lill-investiment favur l-iżvilupp soċjo-ekonomiku, u kontra l-instabbilta’, sabiex jitwettqu miżuri kontra l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari. Id-Dikjarazzjoni tirrikonoxxi wkoll ir-rwol li l-imigrazzjoni għandha fuq l-iżvilupp globali. Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu ħames oqsma ta’ prijorita’ li huma:
1. Il-benefiċċji għall-Iżvilupp li jirriżultaw mill-migrazzjoni u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-immigrazzjoni irregolari u spostament sfurzat;
2. L-immigrazzjoni legali u l-mobbilita’;
3. Protezzjoni u ażil;
4. Il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari, kuntrabandu ta’ immigranti u traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda kontra dawn il-fenomeni;
5. Ir-ritorn, ir-riammissjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid.
Għal kull qasam, il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi miżuri konkreti li jridu jittieħdu sa tmiem l-2016. Dawn l-inizjattivi kienu maħsuba biex jitqiesu fit-totalita’ tagħhom, u li għandhom jiġu implimentati b’mod parallel.
Matul is-Summit ġie wkoll approvat l-EU Emergency Trust Fund for Africa, li jikkonsisti f’finanzjament ta’ €1.8 biljun minn fondi Ewropej u mill-Istati Membri tal-UE jew pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-proċessi ta’ Rabat u ta’ Khartoum. Malta se tikkontribwixxi €250,000. Il-ħidma fuq l-implementazzjoni tas-16-il azzjoni bdiet is-sena l-oħra u tinkludi proġetti fl-Etjopja, is-Somalja, l-Uganda u s-Sudan ta’ Isfel. Il-Kummissjoni Ewropea hi mistennija li talloka €100 miljun għas-Sudan biex tiġġieled il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni rregolari fil-pajjiż. Dawn il-fondi se jintużaw biex tingħata għajnuna kontra l-faqar, biex tisseddaq il-paċi u il-governanza tajba, għall-ħolqien tal-impjiegi, u għat-titjib tas-servizzi bażiċi fosthom l-edukazzjoni u s-saħħa. Fl-Etjopja, is-Somalja, u l-Uganda, se jsiru proġetti biex itejbu l-integrazzjoni, u l-istabbiltà, fost oqsma oħra. Ġew allokati €67 miljun għall-Etjopja, €50 miljun għas-Somalja, u €14-il miljun għall-Uganda.
Malta, flimkien mal-UE u l-pajjizi membri l-oħra, kif ukoll mal-pajjiżi Afrikani sħab fil-Proċessi ta’ Rabat u Khartoum, qegħda tagħti l-kontribut tagħha sabiex jintlaħqu l-għanijiet kollettivi mfassla fis-Summit ta’ Valletta. Wara s-Summit saru laqgħat ta’ Uffiċjali Għolja tal-Proċessi ta’ Rabat u Khartoum ġewwa Porto, il-Portugall u Londra rispettivament, bi tħejjija għall-implimentazzjoni sħiħa ta’ proġetti fl-ambitu tas-Summit. Barra minn hekk, il-Ministeru, flimkien mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, jipparteċipa kull xahar fil-Laqgħat ta’ Uffiċjali Għolja tal-Migrazzjoni fi Brussell, bil-għan li jitkompla x-xogħol fuq l-implementazzjoni ta’ dak li ġie maqbul fis-Summit ta’ Valletta.
Sadanittant, sabiex ikompli jgħin fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku f’pajjiżi terzi, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin kompla bil-ħidma tiegħu sabiex jidentifika proġetti proposti mis-soċjeta ċivili f’pajjiżi terzi, partikolarment fl-Afrika, u jsostnihom b’għajnuna finanzjarja. Fl-2015, il-Ministeru tiegħi ikkosponsorja 13-il proġett għal total ta’ €235,199.
Is-sena l-oħra, Malta ikkontribwiet madwar €1,020,000 għall-ħdax-il ċiklu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li huwa l-istrument finanzjarju prinċipali li jsostni l-żvilupp ta’ pajjiżi fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku. Malta tat ukoll żewġ boroż ta’ studju għal studenti li ġejjin minn pajjiżi Afrikani.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta wkoll każ l-aspett umanitarju tal-kriżi tal-migrazzjoni, u ħa sehem f’numru ta’ laqgħat internazzjonali bl-għan li jinġabru fondi umanitarji għal pajjiżi fi bżonn. Fil-31 ta’ Marzu 2015, Malta pparteċipat fil-Konferenza Kuwajt III, fejn Malta kkommettiet €25,000 favur ir-Regional Refugee and Resilience Plan 2015-2016.
Il-Ministeru alloka wkoll €15,000 lill-Għaqda Dinija tas-Salib l-Aħmar għall-kriżi fil-Libja, u €20,000 lill-UNRWA (United Nations Relief and Works Agency for Palestinian Refugees), li ġiet miżjuda b’kontribuzzjoni ta’ €25,000 għall-kriżi f’Yarmouk. Malta tat €70,000 lill-World Food Programme, b’għajnuna għal refuġjati li ħarbu mill-gwerer f’pajjiżhom u €20,000 lill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b’rispons għall-kriżi tas-Sirja (Fond Madad) biex tittaffa l-kriżi tar-refuġjati Sirjani.
Fl-2015, l-Unjoni Ewropea esperjenzat kriżi b’influss ta’ emigranti ġejjin mis-Sirja u l-Iraq, fejn organizzazzjonijiet kriminali bdew jużaw rotta fil-Lvant tal-Mediterranean li twassal għall-Ewropa mit-Turkija. L-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi membri ħadmu bis-sħiħ mall-Gvern Tork sabiex tiżdied il-koperazzjoni bejniethom fuq is-settur tal-migrazzjoni. Dawn it-taħdidiet wasslu sabiex inqabel Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-Unjoni Eworpea u t-Turkija fid-29 ta’ Novembru 2015. F’dan il-ftehim, l-Unjoni Ewropea ikkommettiet li tagħti għajnuna umanitarja kontinwa lit-Turkija, sabiex tindirizza l-bżonnijiet tal-eluf ta’ refuġjati li jaslu mill-pajjiżi ġirien. Malta kkontribwiet €1.1 miljun li se jitħallsu bejn l-2016 u l-2019.
F’konformita’ mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25-26 ta’ Ġunju 2015, u biex jittaffu d-diffikultajiet ikkawżati minħabba l-immigrazzjoni irregolari, Malta qablet illi tipparteċipa b’mod attiv fi skemi ta’ rilokazzjoni mnedija mill-Unjoni Ewropea. Sa mill-bidu nett tal-fenomenu migratorju, Malta kienet waħidha tisħaq dwar l-importanza tas-solidarjeta’ u tapprezza b’sodisfazzjon li kumparat ma’ għaxar snin ilu, saru passi kbar ‘il quddiem li ovvjament għadhom mhumiex biżżejjed. Biex tkun ta’ eżempju, Malta wegħdet li mill-2016, se tieħu 131 persuna li għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali mill-Italja u l-Greċja fuq perjodu ta’ sentejn. Barra minn hekk, 14-il persuna oħra li jfittxu l-ażil se jiġu irrilokati fl-istess perjodu.
Malta ipparteċipat ukoll fl-operazzjonijiet Triton, Poseidon, u EUNAVOR Med Operation Sofia, ikkordinati mill-FRONTEX, inkluż bl-allokazzjoni ta’ assi marittimi. Dawn l-operazzjonijiet jgħinu biex tiżdied is-sigurta’ fil-Mediterran waqt li jikkumbattu t-traffikar tal-bnedmin.
Malta tikkopera wkoll mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM). Bejn Lulju 2014 u Ġunju 2015, Malta ħadet sehem fil-proġett COMAM III (Cooperation between Malta and African countries to enhance migration dialogue and development) bl-għan li tiżdied il-komunikazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u Afrikani biex jiżviluppaw programmi aħjar u aktar sostenibbli fuq l-assistenza ta’ ritorn volontraju, tal-immigranti irregolari u jittejbu l-proċessi ta’ rintegrazzjoni ta’ dawk il-persuni ripatriati.
Proġett ieħor tal-IOM li kien attiv matul 2015 kien RESTART. Din l-inizzjattiva kienet tassisti fir-ritorn volontarju tal-migranti lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, kif ukoll ir-rintegrazzjoni tagħhom meta jaslu lura f’pajjiżhom. Malta rat 12-il ritorn volontarji dik is-sena.