Jista’ l-Ministru jara li jiġi rivedut il-każ ta' din il-familja rigward ħlas ta' kirja tal-Gvern?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sinjura in kwestjoni kienet applikat biex tpartat il-post nhar is-7 ta’ Frar, 2007. L-applikanta ġiet allokata post din is-sena bi tlett kmamar tas-sodda ġewwa Santa Lucija. Il-kera nħadmet fuq id-dħul tas-sena l-oħra u s-sussidju li tikkwalifika għaih.
Peress li l-Awtorita’ ma ġietx mgħarrfa bit-tnaqqis fid-dħul tagħha, il-kera ma setgħatx tittnaqsilha. L-Awtorita’ ser terġa’ tevalwa l-każ tagħha skont iċ-ċirkostanzi u l-kriterji eżistenti fi ħdan l-Awtorita’.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9607 li oriġinarjament saret lil Ministru tall-Enerġija u s-Saħħa u jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema ta' kanali tat-tisqija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-każ qiegħed fi ħdan id-Dipartiment tal-Agrikoltura li ħa nota tal-każ sabiex ix-xogħlijiet inkwestjoni jkunu jistgħu jsiru fi żmien opportun.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9357 jista' l-Ministru jara li barra quddiem il-knisja ta' Kristu Re r-rotta X7 tieqaf ukoll fl-istage ma' ġenb l-għassa ta' Raħal Ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li r-rotta X7 diġà tieqaf fuq il-bus stop ta’ ħdejn l-għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema mal-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna lid-dettalji tagħha ingħataw separatament ma kinitx ġiet milqugħa peress li x-xogħlijiet mitluba minnha mhumiex relatati ma’ dizabilità. Din il-persuna oġġezzjonat għal din id-deċiżjoni u l-każ tagħha qiegħed sabiex jiġi diskuss fir-Revisory Committee tal-Awtorità tad-Djar.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li hemm varjazzjoni kbira fil-kont tad-dawl u l-ilma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont dovut mill-klijent huwa riżultat ta’ konsum li ilu ġej mill-2008. Fil-post kien hemm jirrisjedu 7 persuni u għalhekk kien qed isir ċertu ammont ta’ konsum regolari mill-klijent.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9782 u jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward istallar ta' lift minħabba kwistjoni ta' saħħa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi dwar twaħħil ta’ lift, kif ukoll xi każijiet oħra simili, issa ġew riferuti lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità għall-approvazzjoni tagħha qabel ma tiġi sottomessa applikazzjoni lill-MEPA. Il-każ qiegħed fil-lista ta’ każijiet ta’ priorità għolja. Peress li hemm numru ta’ każijiet simili pendenti, hu ppjanat li, kemm-il darba jingħata permess mill-MEPA u tingħata t-tender biex isiru x-xogħlijiet, dan il-lift ikun istallat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk id-disinn tal-kiosk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex withdrawn? Għaliex ġie withdrawn? Jekk fl-affermattiv jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara meta ġie deċiż li l-ewwel permess tal-kiosk jiġi withdrawn? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara ta’ meta nbidel id-disinn tal-kiosk u jsemmi l-post fejn kien ħa jitpoġġa l-kiosk?
Response (BONNICI, OWEN)
B’refernza għall-mistoqsija parlamentari 9726, ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li l-applikazzjoni msemmija kienet irtirata. Jidher li dan sar peress li l-gabbana l-ġdida kellha storage space akbar, u din l-istess gabbana kellha titpoġġa fil-post oriġinali.
Ninsab infurmat iżda li ma nstabet l-ebda referenza fil-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali, la dwar dan l-irtirar tal-applikazzjoni u lanqas dwar il-bdil tad-disinn tal-gabbana u l-post fejn kienet se titpoġġa, kif talab l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9630 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward twaqqiegħ ta' ċint t'għalqa li hi proprjetà tal-Gvern?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament, ser tiġi kkuntattjata sabiex jiġi mistħarreġ il-kaz tagħha u tittieħed kull azzjoni neċessarja fejn ikun il-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kawża kontra l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid fuq xiex inhi din il-kawża? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ xhieda ta’ din il-kawża? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-elenku tad-dokumenti li tpoġġew il-Qorti mill-kumpanija indikata separatament?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara għandu rikors fil-konfront tiegħu mill-kumpanija msemmija. Dan ir-rikors jitratta l-kiosk fi Ġnien l-Istazzjon f’Birkirkara. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba.
Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ fejn dan l-individwu baqa’ bla dawl minkejja li ilu jċempel u jgħidulu li ser jirranġaw?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta qatt ma kienet irċeviet rapporti dwar din il-ħsara. Wara li żaru l-post imsemmi, l-ħaddiema tal-korporazzjoni bdew il-ħidma biex il-bozza tinxtegħel mill-ġdid.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li kienet applikat għar-relief imma għadha ma rċeviet xejn?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ġiet infurmata mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali permezz ta' ittra datata 28 ta’ Mejju 2014 dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9572 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa u li issa ġiet rifertua lilu u jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha bżonn il-kartuna r-roża minħabba l-mard li għandha?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ġiet infurmata mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali permezz ta’ ittra datata 29 ta’ Mejju 2014 dwar il-każ tagħha.
Post tal-Gvern — problema ta' saqaf - każ ta' individwu
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9577, jista’ l-Ministru jara li jiġi vverifikat il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li kien hemm xi żvilupp fuq il-każ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kif ġie miftiehem waqt spezzjoni riċenti, għandha tiġi ffissata l-ġurnata meta l-kuntrattur għandu jibda x-xogħol.
Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward twaqqiegħ ta' ċint t'għalqa li hi proprjetà tal-Gvern?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jiena nfurmat li minn spezzjoni li saret minn Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Agrikoltura, il-ħsara inkwestjoni, li hija waħda minima, fil-fatt hija f’ħajt li jgħati għall-għalqa tal-Gvern li hija mikrija lill-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant. Għalhekk il-kwistjoni ma tikkonċernax il-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li l-kont tad-dawl u l-ilma ġie għoli u din ma tużax il-main tad-dawl u l-ilma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment ġie nvestigat u rriżulta li l-kontijiet tal-persuna kkonċernata ġew immodifikati awtomatikament mis-sistema skont l-aħħar qari attwali.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minħabba s-sitwazzjoni familjari li tinsab fiha?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Puiizija diġà kienet f’kuntatt mal-persuna li dettalji dwarha ngħataw separatament u kienet qed tindaga fuq dan il-każ, li s’issa jidher li hu każ ta’ abbandun, biex tara kif, jekk tista tassisti. Jidher ukoll li ir-raġel ta’ din is-Sinjura hu ċittadin barrani, li kien ħalla Malta f’Awwissu 2013 u min dakinhar kellem il-mara ftit wara telaq wara li qalilha li kien se jarha fi żmien il-milied, però dan ma seħx. Hu kien eventwalment qalilha li ma setax jiġi u li telaq mill-pajjiż barrani minħabba il-bumbardamenti li kien hemm. Però ma ta’ ebda informazzjoni dwar fejn kien jinstab. Il-Pulizija se jkomplu jikkomunikaw mas-Sinjura fuq dan il-każ però jekk dan telaq min jheddu, anke jekk ikun insab fejn qiegħed, ma tantx hemm x’jista jsir, peress li din hi persuna tal-età, sakemm din ma terġax lura min jhedda.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni mis-sezzjoni tad-drenaġġ quddiem l-akkwati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill Onor. Interpellant li saru l-ispezzjonijiet meħtieġa u rriżulta li kien hemm ħsara f’waħda mis-sistemi tad-drenaġġ. Is-sistema difettuża ġiet isolata biex jiġi assigurat li l-inkonvenjent jieqaf immedjatament. Il-persuna msemmija ġiet ikkuntatjata u fil-pront sar tindif fejn kien irriżulta xi ftit infiltrazzjoni ta’ drenaġġ.