Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward wires tad-dawl ma' gallarija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn ispezzjoni li saret fuq il-post irriżulta li l-linji msemmija huma mgħoddija kif titlob is-sengħa u ma hemm l-ebda infrastruttura tal-Enemalta mal-post imsemmi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15941, jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward ċekk ta' kumpens?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid bejn is-snin 1995 u llum, kemm sar bini fuq artijiet Outside Development Zones? Fejn kienu u x’inbena? Jista’ jgħid jekk hemmx xi talbiet għall-bini fuq art Outside Development Zones u jekk iva, fejn? X’inhu l-proġett?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16248, mill-1995 sal-lum ġew approvati tnax-il elf, ħames mija u tnejn u sebgħin (12,572) applikazzjoni barra miż-żoni ta’ żvilupp. Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari nru 16252 rigward dan it-tagħrif . Qed inpoġġi wkoll, lista ta’ applikazzjonijiet pendenti quddiem l-istess Awtorità li s-sit tagħhom jaqa barra miż-żoni ta’ żvilupp.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward xogħol li sar mill-Awtorità tad-Djar u li allegatament sar ħażin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tibdil ta’ soqfa u xogħol ieħor relatat fl-appartament imsemmi, saru minn kuntrattur imqabbad mill-Awtorità tad-Djar is-sajf li għadda. Minħabba li l-inkwilini qed jilmentaw dwar xi problemi, għandha ssir spezzjoni fuq il-post minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorità biex jiġi vverifikat l-ilment.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward xogħlijiet li qed isiru fis-shaft tal-proprjetà?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif diġà ngħad fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16024, li kienet tittratta dwar l-istess blokk, għandha ssir spezzjoni biex jiġi vverifikat dan l-ilment.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward inżul ta' ilma fis-soqfa tal-komun?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dwar il-każ imsemmi, l-Awtorità tad-Djar bħalissa tinsab għaddejja b’xogħol ta’ tiswija u rranġar f’dan l-istess blokk fejn għandhom jittranġaw ukoll katusi maqsuma skont il-bżonn.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward kont tad-dawl u l-ilma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ ġie mistħarreġ u rriżulta li l-persuna kkonċernata ġiet assistita diversi drabi u l-każ kien diġà solvut. Qed isir stħarriġ ieħor dettaljat biex jiġi aċċertat li ma jkunx hemm l-ebda tip ta’ pendenzi oħra.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta’ spezzjoni mill-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-applikazzjoni għall-irranġar u titjib ġiet sottomessa lill-Awtorità tad-Djar fit-30 ta’ Marzu 2015. Il-każ ġie riferut għal spezzjoni u fil-fatt din saret minn tekniku nhar il-Ħamis 7 ta’ Mejju, fejn ġie ċċertifikat li hemm xi strutturi li għandhom jiġu nvestigati minn Perit tal-Awtorità. L-applikant ġie mitlub ukoll sabiex jirregolarizza ruħu fil-kera u dan peress li għandu l-kirja tal-fond tiegħu b’lura, liema kirja hija tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward xogħlijiet fuq it-tromba tal-bejt?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fi Frar li għadda, diġà saru xogħlijiet ta’ tiswija fil-blokk imsemmi, min-naħa tal-kuntrattur ingaġġat mill-Awtorità tad-Djar. Għaldaqstant se terġa ssir spezzjoni oħra sabiex jiġi vverifikat dan l-ilment.