B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1972, jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol dwar tiswijiet ta' djar minħabba l-urġenza li hemm peress li sa l-10/1/99 kien għadu ma sar xejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li x-xogħol indikat ser jingħata prijorita'. Madanakollu jien infurmat wkoll li dan jikkonsisti f'tibjid tat-tromba, xogħol li fih innifsu mhux urġenti daqs tibdil ta' katusi jew tiswija ta' soqfa.
16.3.99
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ingħatat somma ta' flus bħala sponsorships lil promoturi li organizzaw iż-żjara tal-Juventus f'Malta?
Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawn il-promoturi?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tammonta s-somma mogħtija u mil-liema fond ġiet mogħtija?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret, ma' min saret u fejn saret qabel ġie deċiż, li jingħata dan l-isponsorship?
Jista' jgħid x'forma ta' ftehim ġie milħuq u meta ġie milħuq u min innegozjah?
Jista' jgħid jekk sarx ftehim bil-miktub u jekk sar ipoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, MICHAEL)
Il-logħba bejn it-tim tal-Juventus u selezzjoni Maltija ġiet meqjusa bħala opportunita' biex il-gżejjer tagħna jingħataw pubbliċita' estensiva barra minn Malta.
Fil-fatt, minbarra li l-logħba intweriet fuq l-istazzjon Taljan 'Rai Tre', din ixxandret ukoll fuq l-istazzjon tal-'cable' ġewwa Franza, l-'AB Sports', l-'Egypt TV' ta' l-Eġittu, kif ukoll il-'JCS' ta' l-Iżrael.
Din it-tip ta' promozzjoni għal Malta kienet tassew 'cost effective' meta wieħed iqis li huwa stmat li madwar ħmistax il-miljun telespettatur raw din il-logħba, kif ukoll l-'ispots' pubbliċitarji dwar Malta, li ppreparat l-NTOM u li ntwerew fl-intervall tal-logħba.
Il-promozzjoni ta' dan l-avveniment ġiet ikkoordinata mill-'Head Office' ta' l-NTOM u l-uffiċċji tagħna f'Milan u Pariġi, flimkien mal-Juventus F.C.
L-ispiża totali ta' din l-inizzjattiva għall-NTOM ġiet tammonta għall-Lm11,000.
Kienet il-kumpanija 'Robert Arrigo & Sons Ltd' li ressqet il-proposta oriġinali u, kif ingħad qabel, l-avveniment tqis sew mid-diriġenza tal-'N.T.O.M.' kif ukoll minni li kien ta' siwi promozzjonali għal Malta. Il-ftehim dwar il-partita sar mill-promoturi u l-Juventus u għaldaqstant mhuwiex propjeta' pubblika. Iżda ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala kontro-partita għall-isponsorizzazzjoni Malta kisbet il-vantaġġi u d-drittijiet pubbliċitarji, fosthom dak li ssemma aktar 'l fuq.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li suldati li jkunu duty ħdejn il-bieb tal-Palazz issirilhom partition pulita biex ikunu għal kenn l-aktar fi ġranet kesħin tax-xitwa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li f'Jannar 1997, meta l-Armata kienet
għadha responsabbli għas-sigurta fil-Parlament, l-Armata
kienet intalbet tikkonsidra din il-possibbilta.
Madankollu, kien ġie deċiż mill-Armata li ma titpoġġiex xi
forma ta' sentry box fid-daħla prinċipali tal-Palazz.
Waħda mir-raġunijiet għal dan kienet li s-suldat li jkun
qed jaqdi dmirijiet ta' sigurta fil-Palazz huwa obbligat
li joqgħod fil-bieb prinċipali tal-Palazz u allura ma kienx
ikun jagħmel sens li titpoġġa sentry box meta s-suldat ma
jistax joqgħod fiha.
Tajjeb li jingħad ukoll li s-suldat li jkun għassa fil-bieb
prinċipali jitbiddel ma ieħor minn ħin għal ħin.
Jista' l-Ministru jara jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu l-flus għal Dar il-Wens f'Raħal Ġdid?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-għotjiet ta' fondi pubbliċi lill-organiżżazzjonijiet mhux Governattivi mill-allokazzjoni finanzjara li tingħata lil dan il-Ministeru għal dan l-iskop, isiru fuq bażi ta' rakkomandazzjonijiet li jagħmel lill-Ministru responsabbli Bord maħtur apposta, jiġifieri l-'NGO Project Selection Committee'.
Naturalment, dan il-Bord irid isib bilanċ bejn ir-riżorsi allokati fl-Estimi u n-numru sostanzjali ta' talbiet li jkunu saru mill-ħafna organiżżazzjonijiet mhux Governattivi li qed joperaw f'pajjiżna b'sens qawwi ta' dedikazzjoni.
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru l-kuntratti li saru fuq il-konvenji fit-2 ta' Lulju, 1982 ta' plots tal-gvern fi Triq Dorell, il-Gudja area tax-Xlejli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-plots li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant għad ma jistgħux jiġu trasferiti lill-Awtorita' tad-Djar qabel ma jiġu finalizzati l-kuntratti għall-akkwist ta' l-istess art mill-Gvern.
15.03.99
Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3454 (Seduta 51).
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 719 dwar bankini fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, peress li ġejt informat li s-servizzi huma mgħoddija kollha, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn il-bankini jsiru peress li ilhom imwegħda madwar erba' snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
M`għandi xejn x`inżid fuq l-informazzjoni mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Num. 719.