Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji tal-ħlasijiet li qed isiru taħt il-Liġi tas-Sigurta' Soċjali, 1987 u li jidhru bħala "Benefiċċji Oħrajn" fir-rendikont finanzjarju li jiġi ppubblikat kull sena ma' l-estimi ġenerali u jagħti informazzjoni għas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tal-ħlasijiet li saru taħt it-titolu 'Benefiċċji Oħrajn' li jidhru fir-rendikonti finanzjarji tas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 taħt il-Liġi tas-Sigurta' Soċjali 1987.
Rigward is-sena 1998, il-figuri huma proviżorji.
5.5.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-kartuna roża lokal b'lokal u meta nħarġitilhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-karta r-roża għall-mediċini b'xejn tingħata wara li ssir dikjarazzjoni finanzjarja. Jekk persuna tissodisfa t-test tal-mezzi tingħata l-karta roża li tkun valida għal sitt xhur, u f'każ ta' pensjonanti u familji fuq l-Għajnuna Soċjali tkun valida għal sena. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika li turi kemm hu n-numru ta'dikjarazzjonijiet validi f'xi żmien partikolari. B'danakollu tinżamm statistika dwar in-numru ta' talbiet li jkunu saru ġodda mill-Uffiċċju Distrettwali, kif jidher hawn taħt:
ĦRUĠ TAL-KARTA R-ROŻA MATUL IS-SENA 1998
Balzan 140
Birkirkara 317
Cospicua 223
Ħamrun 198
Luqa 53
Marsa 173
Mosta 189
Msida 155
Naxxar 182
Paola 254
Qormi 220
Rabat 307
Sliema 120
San Ġwann 98
San Pawl il-Baħar 150
Valletta 252
Żabbar 220
Żebbuġ 331
Żejtun 267
Żurrieq 88
Victoria 628
Nadur 257
-------
TOTAL 4,822
=======
5.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pilloli "special" jibdew jingħataw mill-Polikliniċi u l-Bereġ tal-Gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li fid-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern flimkien mad-Drugs and Therapeutics Committee bħalissa għaddej proċess fejn qiegħed jiġi 're-formulated' u 'updated' il-Formularju. Numru ta' pilloli li bħalissa huma 'special' sejrin isiru 'Formularju' u għalhekk jibdew jingħataw mill-Polikliniċi u l-Bereġ tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-pilloli "special items" li jingħataw mill-ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-lista ta pilloli 'special items' li jingħataw mill-Ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna b'diżabbilita' (Multiple Scleriosis), li d-ettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, jingħata post isfel flok dak li għandu bħalissa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
4.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li s-sinjura, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament tiżdid il-home help min tliet sigħat fil-ġimgħa għal erba' sigħat fil-ġimgħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-talba ta' żieda ta' siegħa fil-ġimgħa ġiet approvata mill-Bord.
4.5.99
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli li għandhom il-public liability insurance?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet jaġixxu skond il-prioritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onor. Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jara li ssir bozza fi Triq Wied Blandun quddiem Ġnien Wied Blandun, fil-Fgura minħabba l-problema kbira ta' l-abbuż mid-droga li teżisti? Kopja tal-pjanta qed tintbagħat separatament.
Response (BONNICI, JOSEF)
Jirriżulta li fl-inħawi msemmija hemm il-ħtieġa li ssir bozza sabiex il-post jiddawwal aħjar. Dan ix-xogħol mistenni jsir fi żmien mhux il-bogħod.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, jingħata s-servizz tal-home help minħabba każ ta' mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Bord hu ta' l-opinjoni li biex jiġi approvat jew le is-servizz tal-Home Help hemm bżonn ta' Rapport Mediku ġdid.
4.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-Isptar San Luqa jeżistix il-cream sudocrem għal bedsores? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-Orthopaedic Ward ma jeżistix? Jekk le, x'qiegħed jintuża minfloku?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-cream Sudocream għal 'bed sores' ma jintużax fl-Isptar San Luqa. Floku jintużaw creams oħra. L-iktar li jintuża hu Zinc u Castor Oil cream.
Jista' l-Ministru jara li l-istage li hemm quddiem is-sorijiet ta' Żabbar Rd, Raħal Ġdid jitneħħa u jsir quddiem l-għassa tal-pulizija ta' Raħal Ġdid peress li din it-talba ilha ssir mir-residenti għal tant żmien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku, li hi responsabbli mill-`bus stages`, m`għandha l-ebda talba minn xi residenti biex jitneħħa l-istage msemmi.
Jien infurmat ukoll li sa l-aħħar ta` l-1996 dan l-istage kien aktar qrib lejn l-għassa u tressaq tliet darbiet sal-post eżistenti fuq struzzjonijiet ta` l-Onor. Interpellant meta kien Sindku tal-lokal.
Biex `stage` jitneħħa minn postu jrid ikun hemm raġuni valida. F`dan il-każ ma jidhirx li hemm xi raġuni valida, aktar u aktar meta dan l-istage jintuża ħafna. Tajjeb li jingħad ukoll li diġa` hemm `stage` ħdejn l-għassa tal-pulizija.
Jista' l-Ministru jara li ssir il-bankina fi Triq Paola Hill u Valletta Road, Raħal Ġdid minħabba l-ħsara u l-istat perikoluż li tinsab fihom wara x-xogħlijiet li saru fl-estenzjonijiet tal-ħabs?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-W.S.C. lestiet ir-`reinstatement` tal-bankini f` Valletta Road wara li tlesta fihom xogħol ta` tibdil ta` `house connections`.
Dwar ix-xogħol f`Paola Hill, peress li xogħol ta` tibdil ta` bankini isir mill-Kunsill Lokali s-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant ġie referut lil Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu pelican lights fi Triq Palazz Dorell/Gudja Bypass u Ħal Għaxaq/Bypass Gudja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li meta jkun hemm talba biex jitwaħħlu Pelican Lights, il-Koporazzjoni Enemalta tipprovdi servizz ta' l-elettriku ladarba ssir l-applikazzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li l-ilma tal-vit fi Triq il-Kappuċċini, Marsa, ikun ta' kwalita' tajba?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn testijiet li jsiru fuq bażi regolari mill-laboratorju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, fejn jittieħdu kampjuni minn lokalitajiet differenti, dejjem irriżulta li l-ilma tal-vit, inkluż dak tal-Marsa, huwa tajjeb għax-xorb. Barra minn hekk fil-25 ta' Frar 1999, ittieħdu kampjuni mit-triq imsemmija fejn irriżulta li huma batterjoloġikament u kimikament tajbin għax-xorb.
Jista' l-Ministru jara li Triq il-Koppla f'Ħal Tarxien li saret tagħmel mal-konfini ta' Ħal Tarxien tiġi asfaltata? Jekk iva, meta huwa pjanat li jsir ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-parti msemmija mill-Onor. Interpellant hija waħda minn dawk li ser jiġu asfaltati mid-Dipartiment iżda għalissa ma tistax tingħata data meta ser issir peress li l-ewwel iridu jitlestew xogħolijiet oħra li hemm fl-idejn.
Jista' l-Ministru jara li l-blata li hemm fl-entratura tat-Tempji Neolitiċi f'Ħal Tarxien tinbidel minħabba li hi ta' periklu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-blata msemmija ġiet mirfuda b'tali mod li ma taqax. Minkejja dan, l-entratura fejn hemm il-blata m'hiex qed tintuża bħala aċċess għat-tempji. B'hekk ma hemm ebda periklu immedjat għall-pubbliku jew għall-ħaddiema.
Huwa maħsub illi fil-jiem li ġejjin, l-arranġament eżistenti jiġi eżaminat minn perit biex jikkonferma li l-blata hija mirfuda sewwa.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasslu n-negozjati biex għalqa abbandunata quddiem l-iskola ta' Ħal Tarxien (qrib Joann Gardens) tinbidel f'parking area u area rikreattiva?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika ma' liema Dipartiment li jaqa' taħt il-Ministeru ta' l-Intern kienu qed isiru n-negozjati li rrefera għalihom fil-Mistoqsija.
03.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinfetaħ regolarment l-għassa tal-Pulizija f'Ħal Tarxien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, sa fejn hu possibli, l-Għassa ta' Ħal Tarxien tinżamm miftuħa fuq bażi regolari.
Iżda, bħal ma għidt fit-tweġiba għal-Mistoqsija preċedenti dwar għassa oħra, dan mhux dejjem possibli għar-raġuni li l-eżiġenzi tas-servizz ġieli jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f'dawk il-ħinijiet.
03.05.99 (p.m.)