Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet li kellu l-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid fejn negozjant privat kien f'negozjati mal-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid biex jinvesti hu fil-Pjazza prinċipali ta' Raħal Ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet jagixxu skond il-prioritajiet, esigenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jinfetaħ il-Hypogeum f'Raħal Ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li biex jitlesta x-xogħol kollu meħtieġ hemm bżonn xi xahrejn oħra żmien. Dan ix-xogħol jinħtieġ konsiderazzjoni mill-ġdid tal-materjal u d-disinn li ġie użat għall-finijiet tal-passaġġ tal-viżitaturi f'dan it-tempju.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-Berġa tal-gvern li hemm f'Sta. Luċija tiġi ttrasferita għal ħdejn l-għassa ta' Sta. Luċija jew qrib l-uffiċini tal-kunsill lokali peress li hemm tkun iktar ċentrali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li jekk jinstab jew jiġi offrut post għall-Berġa ta' Santa Luċija li jkun aktar ċentrali, id-Dipartiment dejjem lest li jikkonsidra li jittrasferixxi il-Berġa.
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jagħmel refurbishment tal-berġa tal-Marsa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li din is-sena fil-Berġa tal-Marsa diġa sar xogħol ta' manutenzjoni u nbidlu tieqa u bieb. Xogħol ieħor hu maħsub li jsir matul is-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma dawk l-impjegati tal-gvern li għandhom karozza tal-gvern? Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet u l-gradi ta' dawn il-persuni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-impjegati tal-Gvern fid-dipartimenti li jagħmlu parti mill-Ministeru tiegħi u li għandhom karrozza tal-Gvern jew tal-kiri huma:
Is-Segretarju Permanenti, is-Segretarju tal-Kabinett u l-ex-Segretarju tal-Kabinett, Diretturi Ġenerali, Diretturi, ir-Registratur tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji, il-Kap tas-Sezzjoni Difiża, u dawk il-persuni fis-Segretarjat Privat li huma ntitolati għall-karozza skond id-dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fit-2 ta' Novembru 1998.
Fil-Forzi Armati, Uffiċjali l' fuq mir-rank ta' Logutenent Kurunell għandhom karozza b'sewwieq għal xogħol u attendenzi uffiċjali.
Rigward impjegati f'Ministeri oħra, nitlob lil Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri individwalment.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol li għandu x'jaqsam ma' bdil tas-sistema tad-drenaġġ minħabba l-volum kbir ta' ilma tax-xita f'Fisherman Street, Marsa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dan ix-xogħol jikkonċerna lid-Dipartiment tat-Toroq, għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li bejn l-20 u s-27 ta' Frar, 1999 ma kienx hemm Asperin E.C. 75mg fl-ispiżeriji tal-Gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-mediċina Aspirin E.C. 75 mg tablets mhix 'stock item' imma tinxtara għall-pazjenti partikolari wara li din tiġi approvata mid-'Drugs & Therapeutics Committee(DTC).
Dan l-aħħar, il-konsum ta' din il-mediċina żdied minħabba li d-domanda għal dan il-prodott żdiedet. Għaldaqstant, kien hemm nuqqas biss temporanju mill-Ispiżerija ta' l-Outpatients ta' l-Isptar San Luqa mis-Sibt, 20 ta' Frar 1999, sat-Tlieta, 23 ta' Frar 1999 meta ġew imqassmin kwantita' mill-Istores dak in-nhar wara nofsinhar.
Jista' l-Ministru jara li jingħata s-servizz tal-Home Help lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Każ imsemmi f'din il-Mistoqsija Parlamentari ġie mressaq quddiem il-bord fit-23 ta' Marzu, 1999. Il-Bord approva li din il-persuna ingħata sagħtejn (2) servizz ta' Home Help fil-ġimgħa.
10.5.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiftħu vakanzi ta' suldati mal-Forzi Armati? Jekk iva, meta huwa l-pjan? Kemm huma kkalkolati li jidħlu? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hijiex se tiġi kkonsidrata l-waiting list li hemm bħalissa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li qed isiru tħejjijiet sabiex jiġu ingaġġati madwar mitt rekluta mal-Forzi Armati ta' Malta fix-xhur li ġejjin. Id-dħul ta' suldati ġodda ser isir permezz ta' eżami kompettitiv li jkun segwit b'ezamijiet fiżiċi u mediċi u b'intervista. Kull min hu interessat kif ukoll dawk kollha li isimhom diġa jidher fuq il-waiting list u jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sejħa ikunu jistgħu japplikaw.
Jista' l-Ministru jgħid għalxiex huma intitolati l-pazjenti diabetiċi mill-isptarijiet tal-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li peress li l-informazzjoni mitluba hija koperta bil-provvedimenti tal-Liġi tas-Sigurta' Soċjali, hu mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Onor. Ministru tal-Politika Soċjali,
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-ispiżeriji tal-polikliniċi tal-gvern qegħdin jeħdulhom il-prescription tal-mediċini, meta fi żmien il-gvern preċedenti kienu jħallulhom tliet riċetti biex jiġu evitati folol fil-polikliniċi bla bżonn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għad-domanda Nru 4636.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex f'dawn l-aħħar ġranet ma kienx hemm tajjar u spirtu għal dawk li huma ntitolati bil-kartuna r-roża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-provista tal-Isopropyl Alcohol 70% li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern tqassam fiċ-Ċentri ta-Saħħa għall-pazjenti li għandhom il-kartuna r-roża, kellha titwaqqaf, sakemm xi problemi bil-kwalita' tal-prodott mixtri mingħand il-kuntrattur preżenti jiġu solvuti. Minħabba li dan il-prodott ma jinstabx lokalment, provista ta' Isopropyl Alcohol aktar ikkonċentrat ġiet mixtrija u qiegħda tiġi dilwita għall konċentrazzjoni meħtieġa (70%), iżda d-distribuzzjoni ta' dan il-prodott kellu jiġi limitat.
Rigward it-tajjar jirriżulta li kien hemm nuqqas fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira minħabba li d-domanda għal dan il-prodott żdiedet. Dan in-nuqqas kien biss temporanju sakemm l-Istores tal-Gvern qassam il-kwantita' meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tnaqqas l-operat tal-power station tal-Marsa minn mindu bdiet topera l-power station ta' Delimara? Hemm il-ħsieb li l-gvern jagħti kumpens lin-nies tal-Marsa għal dak li għandu x'jaqsam ma' kruha ta' ambjent u ħsara lill-istess nies ta' l-istess lokal?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-power station ta' Delimara bdiet tiġġenera l-elettriku fl-1992. It-tieni fażi, dik tal-peak load, bdiet tiġġenera l-elettriku fl-1995. B'riżultat ta' dan ingħalqu ż-żewġ stations żgħar, jiġifieri dak tal-Marsa A u dak ta' Kordin li kien tas-servizzi Ingliżi.
Il-power station tal-Marsa, f'dawn l-aħħar snin iġġenerat madwar 60 fil-mija tad-domanda totali, kif jirriżulta mill-informazzjoni li qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Barra minn dan, f'dawn l-aħħar snin, il-boilers tal-Marsa li kienu jaħdmu bil-faħam ġew ikkonvertiti għaż-żejt. Meta saret din il-konverżjoni, ġie mniedi programm ta' tindif fil-Marsa mill-Korporazzjoni Enemalta bil-
koperazzjoni tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' latrina (San Tumas), il-Marsa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li l-latrina ta' Triq San Tumas, il-Marsa, tlestiet minn ġewwa u minn barra, ħlief għall-provvista ta' l-elettriku.
Ir-'railings' tal-ħadid qed jinħadmu bħalissa min-nies tal-gvern peress li dawn ma kenux fit-'tender' tal-latrina għaliex id-disinn inbidel waqt li beda x-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' resurfacing u upgrading fuq il-Ġnien 6 ta' Awissu li jinsab ħdejn il-Marbelt Dept. Store fil-Marsa?
Veru li l-gvern preċedenti alloka Lm15,000 għal dan ix-xogħol?
Jekk iva, x'sar mill-fondi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru Ministru jgħid jekk il-post, li l-indirizz tiegħu qed jintbagħat separatament, huwiex battal? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex tal-Housing Department?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-post indikat mill-Onor. Interpellant mhux f'idejn id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
5.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk fuq catering ta' tiġijiet hemmx VAT? Jekk le, għaliex f'kull stabbiliment ta' catering jgħidulek li trid tħallas il-VAT? Għaliex meta ċċempel il-VAT Office jgħidulek li lanqas huma ma jafu? Jista' l-Ministru jagħti bil-miktub x'inhi l-pożizzjoni tal-VAT fuq catering ta' tiġijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif kien ġie mħabbar fid-diskors tal-Budget 1999 f`paġina 74, fil-jiem li ġejjin ser jitniedu skemi ta` refużjonijiet tal-VAT fuq spejjeż konnessi ma` tiġijiet u funerali bħal dik li diġa` teżisti fuqil-bini ta` l-ewwel dar. Skond dawn l-iskemi, persuni kkonċernati ser ikunu jistgħu jitolbu lura l-VAT li jkunu ħallsu fuq spejjeż li jkunu għamlu fuq tiġijiet u funerali.