Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza ħdejn il-flats tal-Paola Wolves ġewwa Raħal Ġdid, peress li l-kunsill ilu jagħmel din it-talba mit-twaqqif tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proprjeta' tal-Mid-Med Bank tagħmilx parti mill-bejgħ lill-HSBC? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-valur tal-proprjeta'?
Response (DALLI, JOHN)
Ir-risposta hi iva. Għall-bqija tad-domanda m`għandi xejn x`inżid mad-dokumenti li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li fi Block A, Flat 6, Annetto Caruana Street, Tarxien, isir lift peress li hemm omm żagħżugħa b'diżabilita' u huwa diffiċli li titla' t-taraġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Waqt li napprezza d-diffikulta' indikata mill-Onor. Interpellant, ninfurmak li f'dan l-istadju l-iskema ta' lifts b'bini tal-Gvern ser tkun limitata għall-bini tal-Gvern fil-Kottonera. Eventwalment madankollu, jekk din tirnexxi, hemm il-ħsieb li tkun estiża għall-kumplament tal-bini tal-Gvern imxerred madwar Malta inkluż Ħal-Tarxien.
18.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li Block I, Bieb A, Triq il-Ħaġar, Tarxien, jitkompla x-xogħol ta' tikħil tal-faċċata ta' barra li kien ilu li beda u waqaf ħesrem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
18.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna għaliex ir-residenti fl-SVPR dejjem jiġi ppreżentat lilhom l-istess ikel u qatt ma jkun hemm varjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6212, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' wieħed mill-menus. Il-menu jinħadem minn ġimgħa qabel u jkun hemm tibdil skond dawn il-kriterji.
1. Talbiet jew xewqat mill-pazjenti.
2. Skond l-istaġun tas-Sena, per eżempju ħaxix u frott fis-suq,
ġelat fis-Sajf u trifle fix-Xitwa.
3. Ċertu ikel, eżempju pizza u braġoli, jinħadem fuq rotazzjoni kull
ħmistax il-ġurnata.
Tingħata importanza lill-ikel nutrittiv bħal laħam abjad, ħut, frott u ħaxix mgħolli.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk fir-residenza San Vincenz de Paule, fuq in-naħa tan-nisa, jeżistix nuqqas kbir ta' nurses u nursing aides? Jekk iva, x'qed jagħmel id-dipartiment biex din il-problema tissolva? Jista' jikkonferma wkoll li minħabba dan in-nuqqas ta' staff fuq il-female side qiegħed ikun hemm regolarment cancellation of leave?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Huwa minnu li hemm nuqqas ta' 'nurses' u 'nursing aides' fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule. Biex tissolva din il-problema diġa' beda l-proċess ta' reklutaġġ f'dawn il-gradi. Barra minn hekk, persuni f'dawn il-gradi qegħdin jaħdmu s-sahra biex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas fil-complement ta' l-istaff. Qegħdin jiġu wkoll imħajjra jidħlu 'part-time' nurses biex tittaffa din il-problema.
F'certu ċirkustanzi partikolari ġieli kien hemm il-ħtieġa li jsir 'Cancellation of leave'.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-agreement li sar taħt Gvern Laburista, bejn id-Dipartiment tal-Kura ta' l-Anzjani u l-unions (bejn Dr L Buhagiar - MUMN (nurses) & GWU (Nursing Aides)) fir-residenza San Vincenz de Paule fuq is-sezzjoni ta' l-irġiel li jirrigwarda l-istaffing levels hux se jiġi estiż ukoll fuq is-sezzjoni tan-nisa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proposta li l-"agreement" bejn id-Dipartiment ta' l-Anzjani u l-Unions fir-Residenza San Vinċenz de Paule jiġi estiż fuq is-sezzjoni tan-nisa qed tiġi studjata.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li fl-SVPR hemm nuqqas kbir ta' cleaners bir-riżultat li hemm ambjent maħmuġ u telqa kbira? Jista' jgħidilna kemm f'xahar wieħed id-dipartiment ta' l-anzjani qed iħallas flus f'overtime fuq il-fattigi biss? Jista' jgħidilna xi pjanijiet għandu biex din il-problema tissolva? Għandu ppjanat li joħroġ call for applications għall-fattigi, jew jagħti kuntratt fuq it-tindif lill-privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule hemm nuqqas ta' 'cleaners', pero' ma jirriżultax li hemm la ambjent maħmuġ u lanqas telqa kbira. Għan-nuqqas fl-istaff complement f'dan il-grad, id-Dipartiment qed jonfoq f'sahra madwar Lm7,000 fix-xahar biex iżomm l-indafa. Il-possibilta' li x-xogħol ta' tindif jingħata lill-privat qegħda tiġi studjata.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna jekk id-Dipartiment fil-Kura ta' l-Anzjani għandux il-ħsieb li jagħmel courses lill-istaff bħala updating u follow-up biex b'hekk ikunu iktar mgħarrfa fuq ix-xogħol tagħhom ma' l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani huwa kontinwament impenjat f'inizjattivi ta' taħriġ mhux biss għall-impjegati tiegħu iżda għal dawk kollha li jaħdmu jew għandhom interess fil-qasam ta' l-anzjani.
F'dan l-isfond, id-Dipartiment:
1. Jisponsorja numru ta' impjegati kull sena biex jipparteċipaw
fil-korsijiet internazzjonali mnehdija mill-Istitut Internazzjonali fuq l-Anzjani tal-Ġnus Magħquda.
2. Jikkordina mal-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ fl-ippjanar u
l-implimentazzjoni ta' korsijiet għall-'carers' f'diversi livelli.
3. Joffri l-għajnuna tiegħu lill-Ministeru għall-Għawdex sabiex
jitwettqu inizjattivi tat-taħriġ f'Għawdex ukoll.
Inizjattiva ġdida għal din is-sena huwa it-taħriġ fil-'Customer Care' illi permezz tiegħu l-impjegati ta' dan id-Dipartiment jiġu megħjuna jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tal-klijenti u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex is-servizz fid-dining room il-ġdida ta' l-istaff dejjem sejjer lura u kif l-awtoritajiet tar-residenza San Vincenz de Paule qatt ma sabu kaptu ta' dan? Għaliex fil-kollazzjon (breakfast) qatt ma jkun hemm varjeta' fl-ikel? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna kemm mill-ħaddiema kollha fir-residenza San Vincenz huma ntitolati li jieklu fid-dining room u kemm fil-fatt qed jattendu ħaddiema f'din l-istess dining room għall-kollazzjon kif ukoll għall-ikel ta' nofs inhar? Għaliex l-ikel f'ċertu okkażjonijiet ma jserviex għal kulħadd?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-servizz fid-"dining room" l-ġdida ta' l-istaff mhux veru sejjer lura.
Anzi wieħed irid jgħid illi mindu nfetħet id-"dining room", in-numru ta' Staff li jmorru jieklu żdied sostanzjalment.
Dan huwa dovut għall-ambjent aħjar, kif ukoll għal miljorament fil-kwalita' u preżentazzjoni tal-ikel. Dana qed jgħiduh l-impjegati stess.
Rigward il-kolazzjon (breakfast), minbarra bajd, corned beef, ġobon u perżut, dan l-aħħar ġie ntrodott ukoll cereal u toast. B'hekk il-varjeta hija għal gosti ta' kullħadd.
Fir-Residenza ta' San Vinċenz hemm madwar 400 impjegati li huma ntitolati għall-ikel. Dawn jaħdmu fuq "shift" u għalhekk jattendu 150 ħaddiema kuljum.
Darba biss kien hemm okkażjoni fejn l-ikel ma servix. Dan kien ross il-forn u ġara hekk għax forsi dak in-nhar tqassam f'porzjonijiet ikbar mis-soltu; immedjatament ġie servut ikel alternattiv għal kuntentizza ta' kulħadd.
17.5.99
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3980 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe' jista' jgħid kemm hawn frekwenzi tar-radju vakanti bħalissa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Malta għad għandha erba` frekwenzi fil-VHF FM li għadhom mhumiex okkupati mill-frekwenzi allokati lilha mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekommunikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li fi Triq Bursett, Zabbar jidħol il-main ta' l-ilma biex ir-residenti l-ġodda jkunu jistgħu jdaħħlu għall-ewwel darba dan is-servizz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bħalissa qed twettaq proġett ta' installazzjoni ta' tlett kilometri ta' mejnijiet ġodda ta' l-ilma f'Ħaż-Żabbar. F'dan il-programm ta' xogħolijiet hemm inkluża Triq Bursett.
Jista'l-Ministru jgħid jekk daħlux ħaddiema jaħdmu fil-Malta Shipbuilding mill-5 ta' Settembru sal-lum? Jekk iva, ta' liema grad u kemm għandhom salarju?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 5535.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex in-nurses fl-SVPR għadhom ma ngħatitilhomx l-uniformi l-ġdida meta din ġiet mogħtija lid-Dipartiment tas-Saħħa f'Awissu ta' l-1998 u meta l-maġġoranza tan-nurses fl-Isptar San Luqa ġew mogħtija waħda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kważi n-Nurses kollha f'San Vinċenz ġew fornuti bl-uniformi l-ġdida.
Pero hemm numru żgħir ħafna li għadhom ma ġewx fornuti bl-uniformi l-ġdida, peress li qisien tagħhom huwa "out of stock". Qed jittieħdu passi sabiex dan in-numru żgħir ta' impjegati jkollhom l-uniformi l-ġdida f'qasir żmien.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna għaliex il-ħaddiema fir-residenza San Vincenz de Paule mhux qed jingħataw tagħrif eżatt rigward vacation leave u time-off-in-lieu tagħhom minn naħa tal-personnel meta dan it-tagħrif huwa dritt sagrosant tal-ħaddiema? Għaliex meta xi darba dan jingħata jkun tagħrif ta' xi erba' xhur b'lura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Huwa d-dover ta' kull impjegat li jieħu nota tal-'vacation leave' u 'time off' li jkun ħa. Meta jkollu xi dubju għandu jiċċekkja mal-'Personnel Section' tad-Dipartiment tiegħu.
Fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule reċentement instab li kien hemm impjegati li ħadu eċċess ta' 'vacation leave' matul l-1998 u għalhekk saret verifika tas-sistema li tintuża sabiex jiġi aprovat il-'vacation leave' u anke t-'time off'. Ir-rakkomandazzjonijiet ta' din il-verifika se jiġu attwati dalwaqt u b'din is-sistema ġdida m'għandux jiġri li ġara fl-1998. B'hekk ukoll ir-rekords tal-'Personnel Section' tar-Residenza ta' San Vinċenz de Paule ikunu aktar aġġornati.
17.5.99
Jista' l-Prim Ministru: 1) jagħti informazzjoni ta' kemm mill-kandidati kollha li ħarġu għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li saru fit-13 ta' Marzu huma żgħażagħ: a) bejn it-18 u l-20 sena u s-sess tagħhom; b) bejn l-20 u l-25 sena u s-sess tagħhom; c) bejn il-25 u t-30 sena u s-sess tagħhom; d) bejn it-30 sena u l-35 sena u s-sess tagħhom; 2) jgħid kemm fil-fatt telgħu fil-kunsill lokali żgħażagħ skond kif klassifikati f'(a), (b), (c) u (d) flimkien mas-sess tagħhom; 3) b'kuntrast ma' kemm kienu ħarġu żgħażagħ u kemm kienu telgħu żgħażagħ fl-elezzjoni ta' l-istess lokalitajiet tliet snin ilu, jista' jivverifika b'ċifri tanġibbli jekk kienx hemm żieda jew le f'kemm ħarġu żgħażagħ u f'kemm fil-fatt irnexxielhom jitilgħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li jagħtu l-informazzjoni mitluba.
Dettalji tal-kandidati kollha eletti jidhru elenkati f`Tabella C għas-sena 1999 u f`Tabella D għas-sena 1996. Dawn it-tabelli huma maqsuma skond il-lokalita`, l-eta` u s-sess.
Jista' l-Viċi Prim Ministru: 1) jikklassifika l-2,981 żgħażagħ qiegħda taħt it-30 sena (hekk kif imħabbar għax-xahar ta' Jannar) skond il-lokalitajiet li ġejjin minnhom; u 2) a) jiddentifika kemm min-numru ta' żgħażagħ qiegħda għandhom diploma/degree mill-Universita' ta' Malta u fl-istess ħin jikklassifika: i) in-numru ta' żgħażagħ qiegħda vis-a-vis id-diploma/degree tagħhom; ii) kemm ilhom jirreġistraw; iii) is-sess tagħhom; u b) jivverifika bi kwotazzjoni ta' ċifri jekk huwiex minnu li f'dawn l-aħħar sitt xhur in-numru ta' nies qiegħda u li għandhom diploma/degree mill-Universita' ta' Malta kiber?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-2,981 żagħżugħ qiegħda li kienu taħt it-tletin sena u li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol sa l-aħħar ta' Jannar 1999 kienu mill-lokalitajiet imniżżla f'Tabella A. F'din it-tabella wieħed għandu jsib ukoll kemm minnhom kienu nisa u rġiel. F'Tabella B wiehed għandu jsib kemm dawn iż-żagħżagħ ilhom jirreġistraw għax-xogħol u kemm kellhom eta.
Fix-xahar ta' Jannar kien hemm wieħed u għoxrin żagħżugħ (21) li kienu gradwati. Il-figura globali tal-gradwati f'Jannar 1999 kienet ta' 38. Din il-figura hija l-iżgħar fl-aħħar sitt xhur u b'hekk ma nivverifikawx illi n-numru ta' gradwati qalb dawk li qed jirreżistraw qed jiżdied. Din tixhdu it-tabella ta' hawn taħt.
Xahar Numru ta' Gradwati
Awissu 1998 103
Settembru 1998 46
Ottubru 1998 45
Novembru 1998 47
Diċembru 1998 41
Jannar 1999 38
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A u Tabella B imsemmijin hawn fuq.
12.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatamenti jiżdiedilha l-ħin tal-Home Help minn erba'sigħat għal ħames sigħat fil-ġimgħa minħabba l-importazzjoni tal-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-laqgħa tal-Bord ta' l-4 ta' Mejju, 1999, il-Bord approva żieda ta' siegħa (1) fil-ġimgħa lill-persuna indikata f'din il-Mistoqsija Parlamentari.
12.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament kien se jingħatalu in "No Parking Sign" quddiem ir-residenza tiegħu minħabba li għandu diżabilita' u issa ntbagħtet nota li dan ma jistax jsir? Jista' l-Viċi Prim Ministru jistħarreġ dan il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-"Reserved Parking" jingħata mit-"Traffic Control Board" fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Il-Kummissjoni tagħmel din ir-rakkomandazzjoni wara
a) li tirċievi l-applikazzjoni relevanti;
b) issir żjara fid-dar minn uffiċjali tal-Kummissjoni;
c) it-talba tiġi studjata minn bord maħtur mill-Kummissjoni għal dan
il-għan u li jinkludi tabib, persuni b'diżabilita' u uffiċjali għoljjin taċ-Ċivil.
Dan is-servizz jingħata lill-persuni li għandhom diżabilita' SEVERA ta' mobilita'.
Fil-każ ta' l-applikazzjoni li hemm referenza għaliha f'din il-Mistoqsija ġiet użata din il-proċedura. Fl-ebda stadju l-applikant ma ġie mgħarraf li ser jingħata dan is-servizz. Il-bord iddeċieda li, għallissa dan is-servizz ma għandux jingħata minħabba li ma jissodisfax il-kriterji rikjesti.
12.5.99