Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern biex jitjiebu l-appuntamenti u jonqos id-dewmien biex isiru żjarat u appuntamenti f'St. Luke's Hospital u fiċ-Ċentri tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bolla ta' casual social assistant hux se togħla kif tħabbar fl-aħħar budget? Hemm il-ħsieb li dawn il-ħaddiema jkollhom dritt għas-sick leave jew vacation leave? X'inhu l-ħsieb tal-gvern biex itejjeb il-kundizzjoni ta' dawn il-ħaddiema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk il-bolla tas-CSAs hux se togħla jew le wieħed irid jistenna dak li ser jitħabbar fil-Budget ix-xahar li ġej. Dawn is-CSAs bħalissa huma kkonsidrati bħala "self employed" u għalhekk m'għandhomx dritt għas-"sick leave u għal "vacation leave". Kif jaf l-Onor. Interpellant, il-Partit Nazzjonalista kien wiegħed li s-CSAs jibdew igawdu l-benefiċċju li għandhom il-"part-timers" mall-Gvern. Dan ser isir fil-mument opportun.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ biex jiġi deċiż ma' liema konfini tagħmel Triq ix-Xewk (ħdejn l-ex-Carters Supermarket) jekk hux ma' Paola jew Tarxien?
Response (GATT, AUSTIN)
Skond l-Artikolu 3 (3) ta` l-Att ta` l-1993 dwar Kunsilli Lokali `Tibdil fil-konfini ta` lokalitajiet ghandu jsir biss f`ċirkostanzi eċċezzjonali u biss mill-Kummissjoni Elettorali ....`
Ghaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru biex jindirizza l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu anzjani fid-djar tal-gvern minn Settembru 1998 sal-lum u minn liema lokalita' kienu? Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu anzjani f'St Vincent de Paule minn Settembru 1998 sal-lum u minn liema lokalita' huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' asfaltar ta' toroq ta' maġenb l-iskejjel fi Triq Xintill, Tarxien, minħabba l-istat li jinsabu fih dawn it-toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħol tal- asfaltar tat-toroq imsemmija, bħala toroq ġodda, mhux responsabbilta` tal-Ministeru tiegħi jew tal-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fi Triq Lanzon, Ħal Tarxien għaliex ġiet mibdula s-sistema tat-traffiku, bir-riżultat li hija ta' inkonvenjenza kbira għar-residenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jintlaqgħu t-talbiet, li għamlu r-residenti lill-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien?
Jekk le, jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa f'din il-problema?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-tibdil fis-sistema tat-traffiku fit-triq Lanzon kienet tiddependi fuq tibdil li sar f`partijiet oħra fil-viċin. Dan it-tibdil kien sar biex is-sistema tat-traffiku ġo Ħal Tarxien issir aktar effiċjenti.
Kemm il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku kif ukoll il-Kunsill Lokali huma lesti li jikkunsidraw kull suġġeriment li jsir mir-residenti biex is-sistema tibqa dejjem titjieb.
Jista' l-Ministru jgħidilna fuq liema kriterji ġiet impjegata l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fid-Direttorat tas-Servizzi għan-Nursing? Jista' jgħidilna wkoll jekk hemmx xi pjanijiet biex jiġu mpjegati aktar nies ma' dan id-direttorat u b'liema sistemi se jsiru dawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress illi d-Direttorat tan-Nursing fid-Diviżżjoni tas-Saħħa reġa ġie mogħti l-importanża li jistħoqqlu qed jintlew il-vakanzi skond kif imfassal il-Human Resources plan tad-Direttorat.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-Isptar Boffa, wara li ġew trasferiti iż-żewġ koki li kien hemm f'dan l-isptar għal sptarijiet oħra, issa qed jitqassam l-ikel minn nies li xogħolhom hu tindif domestiku u li dawn kemm qabel kif ukoll wara l-ikel ikunu qed jagħmlu dan ix-xogħol ta' tindif?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhuwiex minnu li wara li ġew trasferiti ż-żewġ koki li kien hemm fl-Isptar Boffa għal sptarijiet oħra, issa qed jitqassam l-ikel minn nies li xogħolhom hu tindif domestiku u li dawn kemm qabel kif ukoll wara l-ikel ikunu qed jagħmlu dan ix-xogħol ta' tindif.
Qiegħed jintbagħat kok mill-Isptar San Luqa ta' kuljum biex jaqdi l-ħtiġijiet fil-kċina ta' l-Isptar.
Jista' l-Ministru jikkonferma li kemm fl-Isptar Monte Karmeli kif ukoll l-Isptar Boffa jeżisti ħmieġ kull fejn tħares b'għajnejk u li dan jista' jkollu effett ħażin kemm fuq il-pazjent kif ukoll fuq l-impjegati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mhux veru li fl-Isptar Monte Karmeli u fl-Isptar Boffa jeżisti ħmieġ kull fejn tħares.
Dwar l-Isptar Boffa, kull parti taqa taħt ir-responsabilita ta mpegati li xogħolhom huwa biss tindif. Ix-xogħol ta` tindif isir kuljum.
Dwar l-Isptar Monte Karmeli, minbarra staff inkarigat minn tindif ta swali, ġiet imwaqqfa Unit li tieħu it-tindif ta areas komuni bħal ma huma kuriduri u ġonna. Dan il-Unit jieħu ħsieb ukoll Spring Cleaning fil-Wards. Sa l-aħħar tas-sena se jinxtara makkinarju li biħ isir il-ħasil ta` l-art, kmamar tal-banju u ħmieġ biex it-tindif isir b` mod aktar effettiv.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Hospital Management Committee ta' l-Isptar San Luqa ilu ma jiltaqa' għal dawn l-aħħar ħames xhur għax għadu ma nħatarax chairman ġdid?
Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li bħalissa qegħdin jinbiegħu riproduzzjonijiet tal-Caravaggio (qtugħ ir-Ras ta' San Gwann)? Jekk iva, l-gvern Malti ta permess?
Jekk iva, xi gwadan finanzjarju gawda l-Gvern Malti?
Jekk iva, min ta l-permess?
Jekk il-gvern ma kellux x'jaqsam, x'passi se jieħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-pittura li tirrappreżenta 'Il-Qtugħ-ir Ras ta' San Ġwann Battista' tal-Michelangelo Merisi da Caravaggio tagħmel parti integrali mill-Oratorju ta' San Ġwann. Dan l-Oratorju għal skopijiet ta' amministrazzjoni ordinarja - jifforma parti mill-Mużew tal-Knisja ta' San Ġwann immexxi minn Kumitat ta' Amministrazzjoni, li jiffunzjona b'mod għal kollox awtonomu. Dan l-arranġament ilu jaħdem mill-1966.
Jista' l-Ministru jordna li ssir patrol mill-pulizija fl-inħawi tal-Gallarija, Fgura, peress li qiegħed ikun hemm ħafna serq mill-karozzi u biex jiġu osservati t-tabelli tat-traffiku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija qiegħda u ser tibqa` tagħmel ronda fl-inħawi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.
29.09.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni żgħażagħ li qegħdin jagħmlu korsijiet l-Universita' mil-lokalita' ta' Ħal Tarxien?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 157 student mil-lokalita` ta' Ħal Tarxien li qed isegwu kors l-Universita`. L-Universita` ma tiddistingwix bejn studenti żgħażagħ u studenti oħra.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 8926 u 9153, jista' l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu nies minn Raħal Ġdid b'overdose fl-emerġenza ta' l-Isptar San Luqa fis-snin 1995, 1996, 1997, 1998 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Miisntru jgħid kemm hemm żgħażagħ minn 16 sa 25 sena minn Ħal Tarxien li qed jirreġistraw għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' żgħażagħ minn 16 sa 24 sena, minn Ħal Tarxien li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Mejju 1999 kien jammonta għal 37 persuna.
28.09.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx permess biex isiru pipes għall-kannizzata fuq bankina f'Ħal Tarxien quddiem ir-residenza li d-dettalji qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ħadet il-passi neċessarji dwar il-fond li rrefera għalih l-Onor. Interpellant u ħarġet Enforcement Notice ECF 660/99 fit-30 ta' Lulju, 1999. Is-sid tal-fond in kwestjoni ġie nfurmat u dan obbliga ruħu li ser ineħħi l-ingombru. Fin-nuqqas ta' dan, l-Awtorita` tneħħi hija stess dan l-ingombru għas-spejjeż tas-sid.
28.09.99