B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10920, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għaddew applikanti mill-eżami tal-kitba u mhux ta' physical efficiency test għal suldati? Kemm se jintgħażlu minnhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onor Membru għas-sejħa għall-applikazzjonijiet ippubblikata fil-Gażżetta tal-Gvern ta' l-4 ta' Ġunju 1999, paġna 4407. L-eżami bil-miktub kien miftuħ biss għal dawk il-kandidati li kisbu ta' l-anqas pass fil-Physical Efficiency Test.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10989 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' l-Ministru jara għaliex il-karozza tal-linja li twassal lill-istudenti minn Ħal Far (ETC) sal-Belt mhux qed twassal l-istudenti lejn il-Belt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ETC tipprovdi 'mini-bus service' lill-klijenti tagħha li jkunu qed jattendu korsijiet imtellgħin minnha.
Dan is-servizz jibda 30 minuta qabel il-ħin ta' kull kors u jwassal lill-klijenti minn ħdejn il-lukanda Phoenicia sa Ħal Far.
Kwarta wara li jispiċċa l-kors il-klijenti jitwasslu lura l-Belt.
Jekk l-Onor. Membru għandu nformazzjoni li dan is-servizz ma ġiex provdut nitolbu jispeċifika meta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema awżiljarji mal-Gvern? Meta se jsiru tal-post? Kemm hemm persuni b'diżabilita'? Fejn qegħdin jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li din l-informazzjoni tinstab għand il-'Management and Personnel Office' ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.
Jista'l-Ministru jara għaliex ħarġet ordni biex tfal li jattendu skola primarja ġewwa Raħal Ġdid ma jattendux l-iskola bit-tracksuit kif kienu jagħmlu fi snin oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Amministrazzjoni ta' l-iskola Primarja B "Ġużeppi Agius" dehrilha li t-tfal għandhom jattendu l-iskola bit-Tracksuit fil-ġranet li jkollhom il-PE. Fil-ġranet l-oħra, it-tfal jattendu bl-uniformi ta' l-iskola, kif inhu xieraq.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser toħroġ ir-roaster tal-pulizija għal żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, biex b'hekk huma wkoll, bħal bqija tan-nies, ikunu jistgħu jagħmlu l-pjani għal-festi tal-Millenju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minħabba diversi raġunijiet għadu mhux possibli li jinħadem id-detail of duties tal-membri tal-Korp, pero` kemm jista` jkun u sa fejn hu possibli ser jinżamm l-istess roster.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tinħareġ il-kartuna r-roża lill-persuna żagħżugħa li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minħabba l-bżonn urġenti li għandu kawża tal-mard li jbati minnu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tiġi solvuta l-problema tan-nuqqas ta' staff fis-social services ta' Raħal Ġdid? Jista l-Viċi Prim Ministru jibgħat aktar staff peress li qegħdin jaħdmu taħt tensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istaff fl-Uffiċċju Distrettwali ta' Raħal Ġdid jikkonsisti f'erbgħa minn nies, tlieta fuq xogħol klerikali u wieħed fuq xogħol ta' messaġier. Waħda mill-istaff taħdem siegħat imnaqqsa.
Bħalissa qed jingħata t-taħriġ fl-Uffiċċju Ċentrali għal persuni Għawdxin li dalwaqt ser imorru jaħdmu Għawdex. Hemm il-ħsieb li meta jispiċċa dan il-proċess tingħata konsiderazzjoni għal żieda fin-numru ta' l-istaff f'dan il-lokal.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10845 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek, ċioe': jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti tad-Dipartiment ta' l-Anzjani biex tinfetaħ dar ta' l-anzjani tal-privat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-djar ta' l-anzjani huma liċenzjati taħt il-provedimenti ġenerali ta' l-Ordinanza dwar il-Professjonijiet Mediċi u l-professjonijiet li għandhom x'jaqsmu magħha.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-linji ta' gwida li tuża d-Diviżjoni tas-Saħħa biex tagħti pariri dwar ħruġ ta' liċenzji.
Jista' l-Ministru jara li l-cable ta' l-elettriku quddiem ir-residenza Nru.43 Melita Street, Raħal Ġdid jiġi mibdul peress li jinsab imqaxxar u perikoluż?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma jirriżultax li l-cable li għalih qed issir referenza huwa ta` periklu għar-residenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex fil-każ tas-sinjur li l-partikolarijiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, hemm dewmien fil-ħruġ tal-pensjoni ta' l-invalidita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata dwar il-Pensjoni tal-Invalidita' tagħha.
Jista' l-Ministru jara għaliex sinjura, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija, naqsilha s-sussidju tal-kera meta għad għandha l-istess dħul?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fis-sena 1998, li fuqha inħadem is-sussidju tal-kera, l-applikant kella żieda ta' Lm 395.28 fid-dħul annwali fuq dik tas-sena 1997.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-regolamenti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tinfetah dar għall-anzjani?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`għandhiex gwida speċifika dwar l-iżvilupp ta` djar għall-Anzjani. Meta l-Awtorita` tirċievi applikazzjonijiet għal dan it-tip ta` żvilupp, jiġu konsultati s-Segretarjat għall-Anzjani u dipartimenti oħra konċernati ma` dan it-tip ta` żvilupp.
Ninsab infurmat ukoll li dan l-aħħar, is-Segretarjat għall-Anzjani għadda lill-Awtorita` abbozz ta` parametri li huma relevanti għal dan it-tip ta` żvilupp. Dawn il-parametri jgħinu fit-teħid ta` deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-iżvilupp ta` djar għall-anzjani.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji saret search mill-pulizija tad-droga lill-familja li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħatu separatament minn din il-mistoqsija? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-pulizija tmurx fuq ittra anonima? Aktar minn pulizija wieħed ifittex fid-dar? Jista' l-Ministru jgħid x'sar minn dan il-każ? Jekk il-każ irriżulta fin-negattiv, x'kumpens se jieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Il-Pulizija, skond il-Kodiċi Kriminali għandha d-dritt li tagħmel perkwiżizzjoni fi kwalunkwe post f'Malta meta jkun hemm suspett raġonevoli li ġie kommess reat u li l-perkwiżizzjoni hi meħtieġa sabiex jiġi investigat il-każ.
Dan isir a bażi ta' informazzjoni li tirċievi l-Pulizija u li tevalwa qabel ma tieħu azzjoni. Ġaladarba l-Pulizija teżerċita l-poteri tagħha skond il-liġi m'hemmx lok għal ħlas ta` xi kumpens.