Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex garaxx bin-numru 3 u l-bejt tiegħu li jinsab quddiem Block A fi Triq Bertha K.IIG f'Ta' Ġiorni jibda jintuża skond ir-regolamenti tad-dipartiment konċernat u mhux kif qiegħed jintuża preżentement jiġifieri għat-trobbija tat-tiġieġ u animali oħra?
Response (BORG, TONIO)
Minn informazzjoni li waslitli kemm mill-Pulizija kif ukoll mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, ma jirriżultax li fil-garaxx li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant qed jintuża għat-trobbija ta` tjur jew annimali simili.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-iskola Karmelo Refalo fir-Rabat, Għawdex, ma ntbgħatx teacher ta' l-Ingliż? Jista' jikkonferma jekk hux veru li hemm il-ħsieb li din l-istess skola Karmelo Refalo tingħalaq? F'każ li din l-iskola se tiġi magħluqa x'se jsir mill-istudenti u l-għalliema li hemm f'din l-iskola? Veru li hemm min qiegħed jippressa biex din l-iskola tas-snajja' tingħalaq biex ikun jista' juża xi klassijiet? Veru li qed isir theddid lill-istess staff ta' l-iskola Karmelo Refalo li se jiġu trasferiti għall-iskola tal-biedja Kelinu Galea?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-teacher ta' l-ingliż bdiet fil-11 ta' Jannar.
Dwar il-bqija tal-partijiet fil-Mistoqsija nista' ngħid li qed nistenna r-rapport finali dwar ir-riforma meħtieġa fejn għandha x'taqsam l-edukazzjoni teknika. Ikun fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati li jiġi deċiż il-futur ta' l-iskola msemmija. Żgur li beħsiebni nieħu ħsieb li l-bidla tqis sew l-interessi ta' l-istudenti u l-għalliema.
Filwaqt li ma hemm ebda indikazzjoni li qed isir xi pressjoni jew theddid lill-istaff ta' l-iskola Karmelo Refalo, napprezza tagħrif konkret jekk jeżisti biex nieħu passi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li fis-Sixth Form ta' Għawdex hemm studenti b'suġġett wieħed biss tal-Matsec?
Response (GALEA, LOUIS)
Tweġiba għal din il-mistoqsija diġa' ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari identika, Numru 12217 f'Seduta 218.
Bil-kliem 'suġġett wieħed biss tal-MATSEC', id-Dipartiment qiegħed jifhem jekk hemmx studenti li qegħdin isegwu suġġett wieħed biss.
Informat li l-kap ta' l-iskola kkonferma li ma hemm ebda student li qiegħed isegwi suġġett wieħed biss.
Peress li fil-fuljett "Is-Saħħa" li qed joħroġ il-Gozo Health Council, intqal li ġew organizzati żewġ parties għar-residenti fl-isptar mill-kappillani ta' l-isptar u mill-Welfare Committee fit-23 u fid-29 ta' Diċembru rispettivament, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż involuti fl-istess żewġ parties rispettivament? Jista' jgħid min għamel tajjeb għal dawn l-ispejjeż f'każ u f'ieħor rispettivament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Rigward il-mina li se ssir mill-Power Station tal-Marsa sal-Power Station ta' Delimara, jista' l-Ministru jgħid minn taħt liema toroq se tgħaddi din il-mina?
Se jkun hemm inkonvenjent għal poplu Marsi?
Jekk il-mina se ssir biex tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku għan-naħa ta' fuq ta' Malta, x'se jsir biex tissaħħaħ is-saħħa tal-poplu Marsi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ghadu prematur biex wiehed jaghti dettalji dwar din il-materja. Nahseb li xoghol ta` dan it-tip bilfors li johloq certu nkonvenjent lill-pubbliku involut inkluz il-poplu tal-Marsa. Tajjeb jinghad li l-amministrazzjoni prezenti diga` hadet mizuri fl-interess tal-poplu tal-Marsa, fosthom il-bini u t-thaddim ta` Power Station gdida f`Delimara u l-eliminazzjoni ta` l-uzu tal-faham ghat-thaddim tal-Power Station tal-Marsa. Hawn ta` min ifakkar kemm il-Partit li l-Onorevoli Interpellant jifforma parti minnu oppona ghall-bini tal-Power Station ta` Delimara u kemm meta kien fil-gvern ghamel uzu mill-faham biex ihaddem il-Power Station tal-Marsa. Dakinhar il-Partit li llum jinsab fl-oppozizzjoni ma tantx jidher li kien konxju ta` sahhet il-poplu Marsi.
Jista' l-Ministru jara li Żabbar Road, Raħal Ġdid, faċċata ta' Triq Lampuka tiġi maqlugħa peress li din it-triq taqleb għal djar tan-nies u meta tagħmel ix-xita jidħol fi djarhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jindaga l-problema u jiddiskuti mal-Kunsill peress li t-triq taqa` taħt ir-responsabilta ta` dan ta` l-aħħar.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza fi Triq Santa Monica, Raħal Ġdid minn Triq Lampuka sa Triq San Ġużepp, Raħal Ġdid peress li hemm ħafna dlam u r-residenti huma kollha anzjani?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta għall-kunsiderazzjoni tagħha.
Jista' l-Ministru jara li ssir bozza fil-kantuniera ta' Triq il-Freres ma' Triq id-Dejma, Tarxien minħabba d-dlam li jkun hemm b'periklu għas-sewwieqa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta għall-kunsiderazzjoni tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jdaħħal anzjan ta' 85 sena minn Bormla, li ismu qed jintbagħat separatament, li jinsab waħdu u li applika biex jidher fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Is-social worker diġa' ra l-każ u anke sarlu eżami mediku mit-tabib.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li saru l-"assessments" ta' l-anzjan imsemmi, kif diġa' ġie spjegat fil-Mistoqsija Parlamentari numru 11918, l-anzjan qed jiġi kkunsidrat flimkien ma applikazzjonijiet oħrajn simili biex jidħol f'Bormla Home.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, l-aħħar ċekk tal-pensjoni flok kien ta' Lm170 kien ta' Lm161.23c? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni ta' dan it-tnaqqis?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat illi 'l-Pensjoni tal-persuna ndkata mill-Onor. Membru hija korretta. Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet nfurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' Pensjoni li qed tirċievi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 11796 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li ġiet riferuta lilek u cioe': jista'l-Ministru jgħid meta se tiġi fis-seħħ li romol u ġenituri waħedhom ma jħallsux taxxa bħallikieku kienu xebbiet u ġuvintur, skond il-wegħda tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba għal din il-Mistoqsija tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' anzjan minn Bormla li jgħix waħdu, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, biex jidħol fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament sarilha "assessment" mis-"social worker" u sarilha wkoll eżami tat-tabib. Bħalissa qegħda fuq il-"waiting list" għad-dħul fid-Djar ta' l-Anzjani.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga għaliex is-sinjura li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament naqqsulha iċ-children's allowance, meta l-istess sinjura għandha żewġha boarded out?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħin lill-anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament sabiex tiġi trasferita mis-sala li qiegħda fiha għal dik indikata separatament minn din il-mistoqsija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-anzjana li l-partikolarijiet tagħha intbagħtu separatament saritilha talba mit-tabib sabiex tiġi trasferita fil-25 t'Ottubru 1999.
It-talba tagħha qed tiġi kkonsidrata skond il-vakanzi tas-sala fejn tixtieq tmur u fid-dawl ta' talbiet oħrajn simili.
Dipartiment tal-Pulizija — Civilian Immigration Officer
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni (MPO CIR No.83/99) dwar postijiet ta' civilian immigration officer fid-Dipartiment tal-Pulizija?
Saru interviews? Kemm irridu minnhom? Kemm applikaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kien hemm 236 applikazzjoni minn impjegati tal-Gvern biex jagħmlu xogħol bħala Civilian Immigration Officers, liema applikazzjonijiet għad iridu jiġu proċessati u jsiru l-intervisti meħtieġa.
Ninsab infurmat ukoll li fil-preżent hemm tmien postijiet battala ta` Civilian Immigration Officer.