Jista' l-Ministru jgħid għaliex żewġt anzjani li l-partikolaritajiet tagħhom qed jintbagħtu separatament għadhom ma rċevewx iċ-ċekk tal-ħobż?
Jista' l-Ministru jgħid min fejn għandhom jiġbru dan iċ-ċekk?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li z-zewg anzjani li ghalihom qed issir riferenza fil-fatt ircevew ic-cekk.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex maisonette, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, mhux jingħata is-servizz ta' dawl u ilma? Hemm xi problemi? Jekk iva, x'inhi u x'rimedju jista' jsir biex dawn il-ħaddiema żgħażagħ ma jbatux konsegwenzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-proprjeta` li ghaliha qed issir riferenza ghadha m agietx fornita bis-servizzi tad-dawl u ta` l-ilma ghaliex m`hemmx mejn ta` l-ilma f`dik il-parti tat-triq. Il-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta` l-Ilma qed tiehu passi biex fi zmien qasir jitqieghed dan il-mejn u hekk ikunu jistghu jinghataw is-servizzi msemmija.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14073, ċioe' jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn l-importaturi u x-xerrejja fl-1962 fil-Parlament Malti? Min kienu l-persuni li fil-Parlament kienu kkonfermati li jġorru s-siment taħt l-isem tal-Bulk Cargo Group? Jista' jagħti n-numru ta' persuni li huma fil-Bulk Cargo Group? Jista' jagħti n-numru tal-vetturi li kienu reġistrati meta sar il-ftehim? Min kienu l-membri u kemm kellhom vetturi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda liċenzja ta` Burdnar ma tinħareġ mid-Dwana f`isem il-Bulk Cargo Group u l-ebda liċenzja ta` Burdnar ma tispeċifika l-merkanzija li tista` tinħadem jew minn liema port, dak ta` ajru jew tal-baħar.
Naħseb li l-informazzjoni li jrid l-Onorevoli Membru għandu jsaqsiha lil min hu direttament interessat jiġifieri l-Bulk Cargo Group jekk hu eżistenti.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Triq l-Alfier De Medran ġewwa Ħal Tarxien fejn suppost kellhom jsiru l-bankini u spiċċa ma sar xejn?
Veru li ma sar xejn għaliex il-WSC m'għandiex il-materjal?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol tal-bankini f`din it-triq qed isir mill-Kunsilli Lokali u jikkonsisti f`tibdil ta` bankini fejn jinstab li jkunu tkissru ħafna. Jidher li ma kien hemm l-ebda problema mal-Korporazzjoni ta` l-Ilma biex jiġi provdut xi materjal għal din it-triq, iżda jekk l-Onor. interpellant jixtieq aktar informazzjoni jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ġewwa l-Isptar Boffa fil-Furjana, bil-lejl ma hemmx persuni li jagħmlu xogħol li meta jmut pazjent iġorruh fil-kamra mortwarja, b'riżultat li l-mejjet jagħmel sat-8.00 a.m. fis-sala? Jekk iva, hemm il-ħsieb li din il-problema tissolva?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Meta fl-isptar Boffa jkun meħtieġ li jiġi trasportat kadavru minn ward għall-kamra mortwarja matul il-lejl u fl-Isptar Boffa ma jkunx hemm staff li skond il-grad tiegħu jista` jagħmel dan ix-xogħol, qed tinġieb l-għajnuna ta` staff mill-Isptar San Luqa.
Jista' l-Ministru jara li jsir il-belisha light ma' zebra crossing li tinsab quddiem numru 104, Qormi Road, Marsa, minħabba l-perikolu li qegħdin iħabbtu wiċċhom miegħu numru ta' persuni meta jkunu jridu jaqsmu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x`jista` jsir.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13463, li oriġinarjament kienet saret lill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi u issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid meta l-pensjonanti tat-Tarzna se jieħdu l-flus dovuti lilhom mill-Collective Agreement?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-"collective agreement" tat-Tarzna ġie ffirmat għall-aħħar ta' Jannar ta' din is-sena. Jiena nfurmat mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li mmedjatment kif kopja ta' dan il-Ftehim ġie mgħoddi lit-Taqsima tal-Pensjonijiet, beda x-xogħol fuq ir-reviżjonijiet tal-każi ta' pensjonanti li ser igawdu minn dan il-"collective agreement".
In-numru ta' pensjonanti tas-sigurta' soċjali (nkluż romol ta' ex-ħaddiema tad-Dockyard) nvoluti f'dan l-eżerċizzju huwa 3827. Jiena żgur li l-Onor. Interpellant japprezza x-xogħol involut biex jiġu riveduti dawn il-pensjonijiet kollha. Skond l-informazzjoni li għandi, x-xogħol fuq dawn ir-reviżjonijiet qiegħed fi stadju avvanzat u l-ewwel ħlasijiet għandhom joħorġu dalwaqt.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13854 kollha dwar ġnien Pawlu Boffa li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u li ġiet riferuta lilek u cioe: jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fi ġnien Pawlu Boffa f'Raħal Ġdid terġa' tinfetaħ mill-ġdid il-gabbana u l-public toilet u jiġu rranġati l-pompi? Min huwa responsabbli tal-ġnien, il-Gvern ċentrali jew il-kunsill lokali, Raħal Ġdid? Kemm hija l-kirja tal-gabbana? Hemm il-ħsieb li tonqos fil-prezz biex tagħmel kuraġġ lill-individwi li japplikaw biex b'hekk ir-residenti ta' Raħal Ġdid jkollhom post rikreattiv?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li preżentament il-Gvern qed jieħu ħsieb li jsiru l-manutenzjoni u t-tiswijiet neċessarji fil-post li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant, biex eventwalment, jekk jintlaħaq ftehim, kemm il-kjosk kif ukoll il-ġnien u l-public toilets jiġi devoluti fuq il-Kunsill Lokali tar-Raħal il-Ġdid, wara li l-istess Kunsill jagħmel talba formali f`dan ir-rigward permezz tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.
Jista'l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn l-importaturi u x-xerrejja fl-1962 fil-Parlament Malti? Min kienu l-persuni li fil-Parlament kienu kkonfermati li jġorru is-siment taħt l-isem tal-Bulk Cargo Group? Jista' jagħti n-numru ta' persuni li huma fil-Bulk Cargo Group? Jista' jagħti n-numru tal-vetturi li kienu reġistrati meta sar il-ftehim? Min kienu l-membri u kemm kellhom vetturi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qiegħed nassumi li fil-mistoqsija tiegħu l-Onorevoli Membru Parlamentari qiegħed jirreferi għall-ġarr tal-merkanzija mill-burdnara bejn il-portijiet u l-importaturi. Dan ix-xogħol dejjem kien jaqa` taħt ir-responsabilta` tal-Kontrollur tad-Dwana. Għalhekk l-Onorevoli Membru Parlamentari huwa mitlub jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid sa meta se jibqgħu jitqassmu ċ-ċekkijiet ta' Lm10 tal-ħobs għal darba biss? Jekk individwu ma jirċevix dan iċ-ċekk sa ċertu żmien, x'għandu jagħmel? Jikkonferma l-Ministru li individwi li ma jirċevux iċ-ċekk ikollhom imorru għalih huma personalment mit-Teżor? Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun l-arranġament għall-anzjani li ma rċevewx iċ-ċekk u li ma jistgħux joħorġu mid-dar minħabba mard u anzjanita'/diżabilita'?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas ta` Lm10 kumpens kif imħabbar fl-aħħar Budget u li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant diġa nħareġ u tqassam lill-parti kbira tal-poplu. Madanakollu għad fadal numru ta` familji li għal xi raġuni oħra għadhom ma rċevewx dan il-kumpens u l-parti l-kbira ta` dawn mistennija li jitħallsu din il-ġimgħa. Il-bqija jitħallsu aktar tard, wara li l-każ tagħhom ikun eżaminat mid-Dipartiment tat-Teżor.
F`każ li individwu jibqa ma jirċevix dan il-ħlas, jista jirrikorri fil-ħinijiet ta` filgħodu fid-Dipartiment tat-Teżor, Furjana, Malta, bejn il-21 ta` Frar u t-3 ta` Marzu 2000 jew l-Uffiċċu tal-Water Services Corporation, Rabat, Għawdex, bejn it-8 u l-15 ta` Marzu 2000 fejn il-każ tiegħu ikun investigat.
Min għal xi raġuni jew oħra ma jistax jirrikorri f`dawn l-uffiċċji fil-ġranet indikati, jista xorta waħda jagħmel dan billi jċempel fl-istess uffiċċji u fejn ikun possibli jinqeda xorta waħda. Għalhekk mhux dejjem neċessarju li individwi li ma rċevewx iċ-ċekk imorru personalment għalih id-Dipartiment tat-Teżor iżda dan jkun jintbgħat lilhom bil-posta aktar tard.
Dak li jidher hawn fuq japplika b`mod partikolari fil-każ ta` l-anzjani jew persuni b`diżabilita`. Persuni li ma jistgħux joħorġu mid-dar jistgħu permezz ta` prokura jawtorizzaw persuna ta` fiduċja biex għan-nom tagħhom tirċievi u issarraf dan iċ-ċekk.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13808, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u cioe': jistax jara li ssir telephone box fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, minħabba li hija ta' bżonn għal numru ta' ħaddiema tat-tarzna u residenti ta' dik l-area?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jinghad li fit-Tarzna hemm tmien cardphones, wahda minnhom fil-gate principali ta` Ghajn Dwieli, ghall-kumdita` tal-haddiema ta` din l-azjenda. Barra minn hekk hemm ukoll cardphone fit-Triq ta` Ghajn Dwieli, fiz-zona tal-pompa tal-petrol, sabiex il-pubbliku jkun jista` jinqeda.
Jista' l-Ministru jara li quddiem żewġ plots li jinsabu fi triq, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, jitilgħu ħitan ta' erba' filati skond kif titlob il-liġi minħabba l-ħmieġ u n-numru ta' ġrieden li qiegħed ikun hemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jara li tiġi solvuta l-problema tad-drenaġġ li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħha r-residenti tal-flat li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbgħtu separatament minn din il-mistoqsija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-problema ta' Triq Luqa kien stoppage fil-main tat-triq tad-drenaġġ il-ġimgħa l-oħra li nfetaħ dak in-nhar stess.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13569 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilek u cioe': jista' jieħu ħsieb l-inkonvenjent tal-persuna, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, peress li wara li saru xi xogħlijiet fit-triq issa qiegħed ikollha problemi ma' kull ħalba xita li tagħmel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħolijiet f`din it-triq qed isiru mill-Kunsill Lokali.
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x`inhu l-każ.
Jista'l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13460 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilek u cioe': jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fi ġnien Pawlu Boffa f'Raħal Ġdid terġa'tinfetah mill-ġdid il-gabbana u l-public toilet u jiġu rranġati l-pompi? Min huwa responsabbli tal-ġnien, il-Gvern ċentrali jew il-kunsill lokali Paola? Kemm hija l-kirja tal-gabbana? Hemm il-ħsieb li tonqos fil-prezz biex tagħmel kuraġġ lill-individwi li japplikaw biex b'hekk ir-residenti ta' Paola jkollhom post rikreattiv?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni ta` Ġnien Pawlu Boffa, Paola taqa` taħt ir-responsabbilita` tal-Kunsill Lokali Paola.
Peress li l-amministrazzjoni tal-ġnien ghadu f`idejn it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, il-kiri tal-gabbana taqa` taħt ir-responsabbilita` ta` din it-Taqsima.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex sal-lum għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar ir-reviżjoni tal-ftehim kollettiv għas-segretarji eżekuttivi mal-kunsilli lokali? Jista' jikkonferma l-informazzjoni li għandi li n-negozjati dwar il-ftehim kollettiv ħadu daqqa ta' ħarta wara li daħal fin-negozjati r-rappreżentant tal-Ministeru tal-Finanzi? Il-Ministru huwa konxju li lil dawn il-ħaddiema qed joffrulhom kondizzjonijiet ta' xogħol inferjuri milli għandhom illum? Meta beħsiebu jintervjeni f'din il-kwestjoni biex ma jħallix il-kunsilli lokali jibqgħu jiġu milquta mill-azzjonijiet industrijali li qed jittieħdu bħalissa, b'detriment għaċ-ċittadini fid-diversi lokalitajiet f'Malta u f'Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li ghadhom sejrin id-diskussjonijiet bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Union tas-Segretarji u l-partijiet l-oħra konċernati ma naħsibx li hu ghaqli li tinghata tweġiba f`dan l-istudju ghajr li nghid li d-domanda fiha ħafna asserzjonijiet ta` fatti li mhux minnhom.
Jista' l-Ministru jintervjeni fil-każ ta' persuna anzjana li l-partikolaritajiet tal-każ qed jintbagħtu separatament u li għandha bżonn operazzjoni u għad m'għandhiex appuntament u tinsab miġugħha ħafna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif diġa għidt f'risposti preċidenti, dan l-aħħar inġibditli l-attenzjoni mill-Legal Advisor biex informazzjoni tingħata biss, jekk il-persuna li dwarha qed issir id-domanda, tagħti l-kunsens espress tagħha bil-miktub. Il-kunsens irid jispeċifika liema nformazzjoni għandha tingħata. Tali kunsens għandu jiġi mgħoddi mad-domanda.