Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għad hemm postijiet battala fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' jgħid kemm hemm anzjani fil-preżent u minn fejn huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fid-Dar ta' l-Anzjani Bormla hemm 69 residenti u għad baqa' 9 postijiet vojta li se jimtlew dalwaqt.
Ir-resideti li hemm fid-Dar ta' Bormla huma minn dawn il-lokalitajiet:
Bormla 33
Birgu 6
Qormi 2
Tarxien 2
Paola 5
Żabbar 2
Kalkara 5
San Ġwann 1
Għaxaq 3
M'Scala 2
Fgura 1
Pieta' 2
Isla 2
Sta. Luċia 1
Luqa 1
Floriana 1
Bħalissa qed isiru diskussjonijiet biex tiġi eżentata l-possibilita' li jsir użu ta' ċerti spazji biex jiżdiedu n-numru ta' anzjani li jkunu residenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni li jabbużaw mid-droga ħadu siringi miċ-ċentri tas-saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fiċ-Ċentri tas-Saħħa jinżammu rekords tan-numru ta` siringi li jingħataw lil dawk il-persuni li jabbużaw mid-droga u ma jinzammux rekords tal-persuni li ħadu siringi miċ-Ċentri tas-Saħħa.
Figuri dettaljati tan-numri ta` siringi li tqassmu miċ-Ċentri tas-Saħħa lil dawk il-persuni li jabbużaw mid-droga ingħataw f`risposta għall-mistoqsija Parlamentari Numri
12863
11705
8062
Jista' l-Ministru jgħid kemm weħlu persuni mill-VRT test minn mindu beda jsir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li minn mindu beda jsir il-`Vehicle Roadworthiness Test` sad-29 ta` Frar 2000 kien hemm 5104 vetturi li weħlu fl-ewwel test. Bosta minn dawn għaddew mit-tieni test, wara li jkunu saru t-tiswijiet neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn pilloli bħalissa li huma out of stock fl-ispiżeriji tal-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pilloli li kienu 'out of stock' fit-22 ta` Marzu 2000 fl-ispiżeriji tal-gvern huma skond kif jidhru fuq il-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li tinżebagħ l-art u ssir il-kelma "Bus Stop" quddiem stage, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, minħabba l-problemi li qegħdin jinqalgħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku ħadet il-passi neċessarji biex it-talba ta` l-Onor. Interpellant tiġi milqugħa mill-aktar fis possibli.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk il-persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament hijiex se tieħu l-arretrati tal-ftehim kollettiv li sar mat-Tarzna ta' Malta?
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għall-gwardjani fil-ħabs? Kemm saru s'issa interviews? Kemm beħsiebu jdaħħal? Meta se jidħlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li sad-data ta` l-għeluq ta` l-applikazzjonijiet, in-numru ta` dawk li applikaw għall-postijiet ta` gwardjani fil-Ħabs kien ta` 199.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li għadu għaddej il-proċess ta` l-għażla u għalhekk ma tistax tingħata risposta f`dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jara li s-siġra li tinsab quddiem residenza ta' kopja anzjana - dettalji qed jintbagħtu separatament - u li qiegħda ta' inkonvenjent, tiġi miżbura minħabba li qiegħda tkun ta' periklu għal dawn l-anzjani?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabiltia' tal-Kunsill Lokali li m'għandux kuntratt mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Barra minn hekk, fil-post indikat, m'hemmx siġar fit-triq, biss hemm siġra tal-ficus ftit bogħod minn dan. Is-sit fejn din qegħda mħawwla huwa post privat. Minħabba dawn ir-raġunijiet din it-talba ma taqax taħt ir-responsabilita' tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jara li Triq il-Batterija, Wied il-Għajn tingħata t-tarmak?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jara li struzzjonijiet li tajt lid-dipartiment tat-toroq biex isir xi xogħol fil-post li, il-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija u li jien kont staqsejt fuqu fil-mistoqsija parlamentari numru 13853, wara li indagajt fuq it-tweġiba li ġejt mogħti mill-ministru, jidher li l-kunsill lokali m'hu qiegħed jagħmel xejn dwar dan il-każ, għaldaqstant jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa minħabba l-urġenza tal-każ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq u l-Kunsill Lokali qegħdin jiddiskutu l-problema msemmija. Ix-xogħol bħalissa wieqaf sakemm isir xi xogħol ieħor mill-Korporazzjoni ta` l-Ilma, u għalhekk wieħed jispera li tinstab soluzzjoni għall-problema li semma l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jara li jinħarġu l-pilloli special item ta' persuna li, il-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minħabba, l-bżonn ta' dawn il-pilloli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif għidt f'diversi risposti preċedenti, ma jidhirlix li għandi nagħti nformazzjoni kunfidenzjali jekk ma tiġix segwita l-proċedura skond ir-risposta li tajt għall-mistoqsija Nru. 13567.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jordna li jsir ix-xogħol fuq post - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li nxtara mill-Housing Authority u qiegħed fuq konvenju u wasal biex jiskadi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-4 ta' Jannar 2000 l-Awtorita' tad-Djar informat lill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali sabiex tinħareġ 'Legal Notice' fil-Gazzetta tal- Gvern għat-trasferiment ta' dan il-fond mingħand il-'Lands Department għal għand l-Awtorita' tad-Djar.
Kif toħroġ din il-'Legal Notice', dan l-applikant jiġi mitlub biex jersaq għall-kuntratt finali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ġuvni li jgħix waħdu - li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament - għadu ma rċeviex ir-relief? Jista' jara li dan il-proċess jiġi mgħaġġel minħabba l-problemi soċjali li hemm fil-familja u minħabba li l-uniku dħul ta' flus huwa minn dan ir-relief?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernat ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li koppja anzjani (li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament) li jinsabu fi bżonn kbir li jidħlu f'dar ta l-anzjani tingħata l-priorita' mistħoqqha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-koppja anzjani li d-dettalji tagħha intbagħtu separatement issottomettew l-applikazzjoni tagħhom fit-3 ta' Frar, 2000. Il-każ tagħhom jinsab għand is-'Social Worker' biex isir ir-rapport dwarhom.
Jista' l-Ministru jara għaliex anzjan li l-partikolarijiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, qiegħed jieħu pensjoni bin-nieqes? Jista' l-Ministru jivverifika dan il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu ndikata ser tiġi nfurmata bil-miktub dwar ir-rata tal-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qed tirċievi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-persuni li l-partikolaritajiet tagħhom qed jintbagħtu separatament ma ngħatawx sussidju biex jirranġaw darhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Taħt l-Iskema, applikant/i li jkunu sa 2 membri ma jistgħux ikollhom id-dħul jeċċedi l-ammont ta' Lm 4,300, wara li jitnaqqas il-'National Insurance Contributions' (il-Bolla). Id-dħul ta' l-applikanti jeċċedi dan l-ammont.