Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jimxi l-każ tal-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament fejn qegħda tistenna risposta għal sussidju biex tirranġa d-dar fejn toqgħod peress li s-saqaf tad-dar huwa kkundannat u bħalissa huwa ż-żmien addatta li jista' jsir ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata separatament fil-fatt iffirmat il-ftehim meħtieġ ma' l-Awtorita' tad-Djar fil-5 ta' Settembru 2000, wara li kienet naqset li tersaq biex tiffirma dan il-ftehim fl-10 ta' Awissu, skond l-appuntament li kien ingħatalha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitkompla x-xogħol minn ħaddiema tal-handyman service fil-konfront ta' anzjan li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħatu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li saret riferenza għaliha fil-Mistoqsija, ngħatat is-servizz ta' "handyman" meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kellux konsulatazzjoni mal-kunsill lokali qabel ma għadda l-ground tax-Schreiber lill-MFA għal 25 sena? Min hu responsabbli mit-tindif tal-ħitan tad-dawra tal-ground imsemmi li preżentament huma mimlija ħaxix ħażin b'perikolu għar-residenti?
Jaf li l-iskola sekondarja ta' Ġuże' D'Amato u l-iskola primarja A u B ma għandhom ebda post għar-rikreazzjoni tat-tfal u li l-ground imsemmi huwa biss tefa' ta' ġebla 'l bogħod minnhom? Dawn intalbu jħallsu xi spejjeż mill-MFA biex jużaw il-ground?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 18364 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jara li jiġu nforzat ħajt ta' triq li d-dettalji dwarha qed jidhru separtament peress li jmissu ma' l-oqbra ta' Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Raħal Ġdid, u li l-inkwilini ma jistgħux imissuh minħabba l-valur storiku tiegħu?
Jistgħu ħaddiema tad-dipartiment jieħdu l-azzjoni meħtieġa?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara x'inhi l-problema ta' single mother li għadha ma rċevietx iċ-children's allowance, jista' jibgħat l-informazzjoni raġuni bil-miktub lil din l-omm li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet dwar l-art fejn tagħha il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, għandhom residenza mikrija mingħand il-gvern?
Jistgħu dawn l-inkwilini jixtru dar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma jirriżultax li kien hemm diskussjonijiet dwar l-art fejn hemm ir-residenza tal-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Din il-persuna qegħda tapplika biex tixtri r-residenza tagħha taħt l-iskema ta` l-Awtorita` tad-Djar.
Bħal ħafna każi oħra, din id-dar ma tistax tinbiegħ għax l-art li tinsab fuqha mhix proprjeta` assoluta tal-Gvern imma ġiet meħuda b`esproprju taħt it-titolu ta` 'possession and use'.
Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita` tad-Djar ġiet infurmata b`dan fil-5 ta` Mejju 1998.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħarġu għal bdil ta' soqfa ta' dar tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija meta diġa' ġew il-ħaddiema jaraw ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li wara s-sejħa għall-offerti biex jinbidel il-kontrabejt tat-tromba fil-fond indikat mill-Onor. Interpellant ingħata l-kuntratt u x-xogħol ser isir dan is-Sajf.
Jista' l-Ministru jara li jiġi magħluq il-każ tal-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament fejn qegħda tistenna risposta għal sussidju biex tirranġa d-dar fejn toqgħod peress li s-saqaf tad-dar huwa kkundannat u bħalissa huwa ż-żmien addatta li jista' jsir ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn "records" ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jidhirx li din għandha applikazzjoni mill-persuna ndikata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 18173, dwar xiri ta' post, jista' l-Ministru jara li l-applikazzjoni timxi 'l quddiem peress li din tinsab quddiem il-Housing Authority u mhux id-Dipartimetn għall-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-persuna kkonċernata għamlet applikazzjoni ma' l-Awtorita' tad-Djar fit-12 ta' April 2000. Fis-26 ta' April 2000 saret spezzjoni fuq il-fond u fid-9 ta' Mejju l-applikant ġie nfurmat li jista' jibda x-xogħol meħtieġ mingħajr ma dan ikun ta' preġudizzju għall-ipproċessar ta' l-applikazzjoni.
Ninsab infurmat ukoll li fil-fatt l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni wasal fil-fażi finali.
Jista' l-Ministru jara li jiġi nforzat ħajt tat-triq li dettalji dwarha qed jidhru separatament, peress li jmissu ma' l-oqbra ta' Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Paola, u li l-inkwilini ma jistgħux imissuh minħabba l-valur storiku tiegħu? Jistgħu ħaddiema tad-dipartiment jieħdu l-azzjoni meħtieġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17791 (Seduta 341).
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17941, jista' l-Ministru, jekk hu possibbli, jagħti l-informazzjoni għall-inqas mill-1999 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-impact studies li l-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi nieda in konnessjoni ma' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea jinsabu fi stadju avvanzat u mistennija li jiġu konklużi sa Settembru li ġej.
Jista' l-Ministru jara li fit-triq Għajn Dwieli (triq arterjali), Raħal Ġdid, issiru pelican lights quddiem il-grocer ħdejn ix-showroom tal-karozzi minħabba periklu kbir li qiegħed ikollhom anzjani li qed isibu diffiċli biex jaqsmu din it-triq peress li t-triq hija traffikuża ħafna b'numru kbir ta' vetturi sejrin lejn it-Tarzna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt Struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq sabiex flimkien mal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jaraw jekk il-proposta ta` l-Onor. Interpellant tistax tiġi mplimentata.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fi Triq is-Sajjieda, Marsa minkejja l-ħafna wegħdiet li kellu jibda u fil-fatt ma sar xejn? Jista' jagħti spjegazzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ġie deċiż illi d-Dipartiment tat-Toroq jiffinanzja x-xogħol kollu meħtieġ li l-`utilities` għandhom bżonn jagħmlu fit-triq qabel ma tiġi asfaltata , nkluż xogħol fuq il-`culvert` ta` l-ilma, u fil-preżent id-Dipartiment tal-Kuntratti qiegħed jieħu ħsieb biex jippubblika s-sejħa għall-offerti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex anzjan li dejjem kien jirċievu l-flus ta' l-għajnuna supplimentari din id-darba ma rċieva xejn? Jista' jagħti spjegazzjoni bil-miktub lil dan l-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fost l-iskemi li għandha l-Housing Authority, hemmx skema li tgħin lill-familji biex jieħdu sussidju biex jagħmlu ħajt ta' barra li jkun ikkundannat u ma jkollhomx riżervi ta' flus biex jagħmluh?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar huma intiżi biex jiġu rranġati residenzi li huma "substandard".Jingħata sussidju għall-ħitan ta' barra meta dawn direttament jaffettwaw jew jistgħu jikkaġunaw ħsarat fir-residenza nnifisha.
Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' post ta' familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament jimxi 'l quddiem peress li ilha żmien li applikat u għadha bla risposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-persuna ndikata m'għandiex applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Ministru jara għaliex anzjan ta' 67, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ma rċeviex iċ-cheque tal-pensjoni? Jista' jiġi mgħarraf mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali għaliex ma ntbagħatx iċ-cheque?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-problema li fi Triq San Alwiġi, Raħal Ġdid taħt il-ħanut tal-Maxims u f'Luqa Rd, qed ikun hemm tnixxja ta' ilma, x'aktarx tad-drenaġġ? Jista' l-Ministru jara li din il-problema tittieħed bis-serjeta'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa dejjem jieħu kull problema bis-serjeta'!
Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika rċieva lmenti dwar ilma fi Triq San Alwiġi u f'Luqa Road, Raħal Ġdid, oriġinarjament fis-16-5-00. Diversi kampjuni ta' dan l-ilma ttieħdu mill-ewwel u wara analiżi, rriżulta li hu kkontaminat b'drenaġġ. Spezzjonijiet saru minn uffiċċjali ta' dan id-Dipartiment flimkien ma' uffiċċjali tad-Dipartiment tad-drenaġġ biex tiġi solvuta din il-problema. Għaldaqstant, wara l-aħħar spezzjoni li saret illum 18-7-00, irriżulta li tali tnixxija ta' ilma ma għadiex preżenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol tat-tarmak ħdejn l-iskola ta' Ħal Tarxien, f'Xintill Street area? Jista' jgħid liema huma t-toroq li se jingħataw it-tarmak f'dik l-area?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għadhom kif ingħataw għax-xogħol ta` bini ta` dawn it-toroq f`din il-lokalita`:
P. Schembri
p-o Sorijiet
Vittmi tal-Gwerra,
S. Spiteri,
School perimeter
M. Vella
K. Cachia
Ix-xogħol fi Triq it-Tramuntana diġa nbeda, filwaqt li fi Triq ix-Xintill tqiegħed `main` tad-dranaġġ ġdid u issa x-xogħol ta` kostruzzjoni tat-triq ser titkompla sal-livell ta` l-asfalt.