Jista' l-Viċi Prim-Ministru jagħti spjega: (a) Għaliex l-uffiċċju ta' l-SWDP f'Għawdex għalaq kiesaħ u biered? (b) Għaliex l-uffiċċji ġew żarmati minn ġewwa pero' tħalliet fuq barra l-plakka li tindika lil pubbliku li f'Għawdex hemm servizz ta' l-SWDP? (ċ) X'sar minnhom il-ħaddiema kwalifikati f'dan is-settur? Ma jaħsibx li dan huwa ħela ta' riżorsi umani? (d) Xi pjani għandu l-Ministeru sabiex itejjeb is-servizz tal-welfare f'Għawdex fuq bażi almenu bħal dak ta' Malta? (e) Kif qed ikampaw familji u/jew individwi vulnerabbli Għawdxin sabiex is-servizzi ta' l-SWDP ta' Malta (Taqsima Vjolenza Domestika, Taqsima Ħarsien tat-Tfal, Servizz ta' Terapija għal- amilja eċċ) jkunu jistgħu jiġu pprovduti lilhom, meta qabel kien hemm ko-ordinazzjoni ta' dawn is-servizzi f'Għawdex u issa dan is-servizz spiċċa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
(a) Il-każijiet li taħdem fuqhom l-SWDP f'Għawdex huma speċjaliżżati u għalhekk huma ftit. F'dan ir-rigward is-social worker jagħmel visti fid-djar tal-klijenti meta jkun meħtieġ jew jarahom fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali jew anke f'istituzzjonijiet fejn ħafna mill-każijiet ta' vjolenza domestika jkunu qeda.
(b) Il-plakka li qed isemmi l-Onor. Interpellant tneħħiet il-gimgħa l-oħra.
(c) L-ebda wieħed mill-part-timers li kien hemm fl-Lulju ma' xtaq jaħdem fuq każijiet konnessi ma' Għawdex. Wieħed minnhom wera x-xewqa li jgħamel xogħol ma' l-SWDP f'Malta. L-SWDP qed tikkonsidra din ix-xewqa.
(d) Is-servizzi speċjaliżżati huma għal qadi ta' l-Għawdxin ukoll u għalhekk il-ħidma ta' l-SWDP hi aċċessibbli għal Għawdex ukoll. Il-ħidma soċjali ġenerika hi f'idejn iċ-Ċentru Ħidma Soċjali. Il-gvern hu kommess li s-social work ikun organiżżat fuq livell reġjonali minn fejn jingħata s-servizz ta' social work iżda f'koordinament ma' entitajiet oħra li jipprovdu ħidma soċjali bħall-ETC, l-Awtorita' tad-Djar u Siġurta Soċjali. Għawdex qed jitqies bħala wiehħed minn dawn ir-reġjuni. Kull żvilupp f'dan il-qasam qed jieħu din id-direzzjoni.
(e) Il-familji Għawdxin qed jinqdew billi jużaw is-servizzi ta' l-SWDP l-istess bħal kull familja Maltija oħra u għal ħidma soċjali ġenerika jistgħu jirrikorru għaċ-Ċentru Ħidma Soċjali f'Għawdex stess.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex u x'għanijiet kien hemm li għalih twaqqaf is-servizz ta' social work u counselling ta' l-SWDP f'Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-servizz li qed jingħata f'Għawdex mill-SWDP hu wieħed li jiffoka biss fuq sitwazzjonijiet konnessi ma' abbuż tat-tfal u vjolenza domestika. Dan wara li kien sar qbil mad-dipartiment tal-Welfare f'Għawdex biex il-ħidma soċjali ta' natura ġenerika ngħata miċ-Ċentru Ħidma Soċjali. B'hekk assigurajna li ma jkunx hemm duplikar tax-xogħol.
L-esperjenza wrietna li minħabba li każijiet ta' vjolenza domestika u protezzjoni tat-tfal huma sensittivi ħafna u jirrikjedu superviżjoni mill-qrib ġie deċiż li jkun aħjar li s-social worker li jaħdem fuq dawn il-każijiet ikun jaħdem mill-uffiċċju minn Malta. Għalhekk is-servizzi speċjaliżżati fuq il-protezzjoni tat-tfal u vjolenza domestika, li huma bbażati fl-uffiċċju ta' l-SWDP l-Blata l-Bajda qed iservu lil Għawdex ukoll bħal kull parti oħra ta' Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu l-għanijiet taċ-ċentru tar-riżorsi għall-għaqdiet mwaqqfa mill-SWDP?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-SWDP kienet katalista biex l-Għaqdiet f'Għawdex jaħdmu qrib xulxin u flimkien. Għal dan l-iskop kienet ippubblikat materjal ta' informazzjoni dwar dan u anke għamlet diversi laqgħat biex il-ħidma soċjali bejn l-għaqdiet volontarji tikber. Wara żmien dan taha l-frott bit-twaqqif ta' Ċentru ta' Riżorsa għal dawn l-għaqdiet f'Għawdex. B'dan l-iżvilupp wieħed mill-għanijiet ta' l-SWDP f'Għawdex kien intlaħaq.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ġie mwaqqaf is-servizz ta' l-SWDP f'Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-servizzi ta' l-SWDP ma ġewx imwaqqfa f'Għawdex. Minħabba n-numru żgħir ta' każijiet rappurtati lill-SWDP in konnessjoni mal-protezzjoni tat-tfal u vjolenza domestika, mhux meħtieġ li jinżamm uffiċċju separat miċ-Ċentru Ħidma Soċjali.
Għalhekk kif u meta l-SWDP jkollha bżonn uffiċċju, dawn jużaw iċ-Ċentru Ħidma Soċjali jew f'post, li għal raġunijiet ta' kunfidenzjalita' mhux ser insemmi fejn jiġu trattati ħafna mill-każijiet ta' Vjolenza Domestika.
Jista' l-Ministru jara li jingħata s-servizz tat-telephone, jekk jista' mill-aktar fis, lill-kopja li l-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, peress li wieħed mil-kopja għandu mard serju?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Maltacom għall-konsiderazzjoni tagħha.
Jista' l-Prim MInistru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinfetħu vakanzi għal suldati fil-Forzi Armati ta' Malta? Jekk iva, kemm huwa l-ħsieb tal-gvern li jdaħħal suldati? Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikanti? Jista' jgħid kif jintgħażlu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Hemm il-ħsieb li jsir reklutaġġ fl-Armata matul is-sena d-dieħla. Il-proċedura ta’ l-għażla tiġi notifikata fil-Gazzetta tal-Gvern kif fil-fatt sar fl-aħħar eżerċizzju ta’ reklutaġġ.
Jista' jgħid xi proġetti hemm għall-futur biex jissaħħaħ it-turiżmu f'Malta?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-taqsimiet relativi tal-Malta Tourism Authority Strategic Plan 2000-2002 li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' jgħid kemm kien hawn turisti ta' bejn 20 sena u l-25 sena u ta' liema nazzjonalita' huma?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-Onor. Membru mhux ċar fil-mistoqsija tiegħu, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti tagħrif dwar turisti ta’ bejn l-etajiet ta’ 20-24 u 25-29 sena li żaru Malta fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena kif ukoll in-nazzjonalita’ tagħhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jintbagħat handyman jara s-saqaf li qiegħed iqattar għand anzjana, partikolaritajiet dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandha l-kartuna r-roża u li tikkwalifika għal dan is-servizz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nies tal-Handyman marru aktar minn darba biex jaraw x'inhi l-problema iżda ma sabux l-individwu d-dar.
Barra minn hekk ippruvaw kemm il-darba jagħmlu kuntatt bit-telefon imma s-issa qatt ma kellhom tweġiba.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-pilloli Aspirin enteric coated tab u l-pilloli Zoccer 20mg humiex out of stock fl-Isptar San Luqa? Jekk fl-affermattiv x'passi qiegħed jieħu l-gvern? Jekk le, meta kienu out of stock?
Jista' jgħid ukoll meta huwa maħsub li dan il-proġett ikun kompletament lest?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-risposta ser tingħata aktar tard peress li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 19354 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid x'inhuma l-pilloli out of stock li hemm fir-residenza għall-anzjani St Vincent de Paule, Luqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19354 il-pilloli out of stock li hemm fir-Residenza San Vinċenz de Paule huma:
Faverin
Heminevrin
Lexatonoil
Ferrous Sulphate
Glyceryl Trinitrate
Calciferol
Fluvoxamine
Chlormethiazole
Bromazepan
Tetrabenazine
Nitoman
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti raġunijiet għaliex anzjana li l-partikolaritajiet tagħha jidhru separatament minn din il-mistoqsija ġiet rifjutata s-servizz ta' homehelp? Jista' jara li dan is-servizz jingħata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-każ tal-persuna msemmija kien ġie quddiem il-Bord fis-6 ta' Mejju 1998. Il-Bord iddeċieda li l-anzjana ma kinitx timmerita li tingħata s-servizz. L-anzjana ġiet infurmata bid-deċiżjoni fit-22 ta' Mejju 1998. Minn dak inhar sal-lum ma saret ebda talba oħra mill-anzjana għas-servizz. U naturalment il-Bord ma kellu ebda raġuni biex jikkunsidra l-każ mill-ġdid. B'dan kollu allavolja ma hemm ebda talba pendenti minn naħa tal-anzjana, ser jerġa' jsir re-assessment tal-każ minn social worker.
Jista' l-Ministru jara li anzjan, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinsab f'St Lukes Hospital, Gwardamanga u qiegħed jistenna biex jagħmel xi ġranet f'Zammit Clapp jintbagħat mill-aktar fis possibbli, mingħajr dannu għal persuni oħra peress li issa ilu jistenna ħafna żmien?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif għidt diversi drabi, kont mogħti parir li informazzjoni tingħata biss jekk il-persuna li dwarha qed issir id-domanda parlamentari, tagħti l-kunsens tagħha bil-miktub. Il-kunsens irid jispeċifika liema nformazzjoni trid tingħata. Tali kunsens għandu jiġi mgħoddi lid-Diviżjoni tas-Saħħa mad-Domanda.
Jista' l-Ministru jara li ħaddiema tad-diparitment jmorru jaraw main ta' l-ilma li għadu bil-ħsara, ta' anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-pilloli Bendrofluazide 5 mgs. jinsabu out of stock fl-ispiżerija tal-gvern? Jikkonferma l-Ministru li dawn il-pilloli sa sentejn ilu kienu jinxtraw 46ċ-il 100 pillola u llum il-ġurnata dawn il-100 pillola saru Lm2.80ċ.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pilloli Bendrofluazide 5mgs, bħal ma diġa` ntqal f'risposta parlamentari numru 19143, tqassmu fl-Ispiżeriji tal-Gvern mill-18.09.00. Nitlob l-Onor. Interpellant biex għat-tieni parti tad-domanda jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 19468?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul din is-sena twaħħlu għaxar lampi ġodda f'Ħal Tarxien. Il-lampi twaħħlu f'dawn it-toroq.
Waħda fi Triq Francesco Crispi kantuniera ma' Triq Ġużeppi Montebello, waħda fi Triq George Caruana, waħda fi Triq Santa Monica, ħamsa fi Triq Spiru Spiteri, waħda fi Sqaq Brittanica wara l-Knisja Parrokkjali u waħda fi Triq il-Kavallerija.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 19466?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul din is-sena twaħħlu lampi ġodda f'Raħal Ġdid kif ser jingħad
Tnejn fi Triq Santa Monika bejn Triq Lampuka u Triq San Ġużepp, waħda fi Triq Wied Blandun, tlieta fi Vjal Sir Paul Boffa u erbgħa u għoxrin fiċ-Ċentru tal-Hockey f'Kordin.