Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarx tindif mill-kuntrattur privat?
Jekk iva, min kien dan il-kuntrattur u min tefa' l-offerta miegħu?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-quotations ta' dan il-kuntrattur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huwa l-kuntrattur tal-ħaxix, frott u laħam li jforni l-isptar S.V.P.R?
Kemm ilu dan il-kuntrattur iġib ix-xogħol fl-S.V.P.R? Min ittenderja miegħu?
Jista' iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-quotations li ntefgħu biex l-isptar S.V.P.R jiġi fornut bil-laħam, ħaxix u frott?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kuntratturi li qed jissupplixxu ħaxix, frott u laħam huma dawn:
Tal-ħaxix u laħam - Anthony Borg
Tal-frott - Raymond Abdilla
It-tenders biex kuntratturi jissupplixxu proviżjonijiet ta' l-ikel fl-isptarijiet ta' Malta u Għawdex joħorġu mis-Supplies Section tad-Dipartiment tas-Saħħa u mhux minn San Vinċenz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm taw ċitazzjonijiet il-wardens tal-kunsilli lokali kemm ilhom imwaqqfa u x'kienu l-kontravenzjonijiet li għamlu s-sewwieqa?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħata għal mistoqsija parlamentari numru 20079.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati suwiċidji mill-1/1/2000 sal-lum?
Jista' jgħid kemm minn dawn kienu rġiel u nisa u ta' kemm kienet l-eta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu l-istess kif mogħti fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19801.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jiswa kull resident/a fil-S.V.P.R. kuljum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-1999, kull resident/a f'San Vinċenz hu kkalkulat li sewa Lm17.84c kuljum. Jekk wieħed jikkunsidra n-nefqa rikorrenti din is-sena bejn Jannar u Settembru, din is-somma titla' għal Lm18.76c kuljum.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri biex persuna tkun tista' tapplika għal-parker ?
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux vaganzi għall-dan il-post? Jekk iva, fejn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lil Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex pensjonant li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija mhux qiegħed jirċievi skond kemm ħallas meta dan ħallas il-bolla full?
Jistgħu l-ħaddiema tad-dipartiment jagħtu spjegazzjoni lil dan is-sinjur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l-persuna minnu indikata qed tirċievi pensjoni kif suppost. Ir-rata ta' pensjoni li qed tieħu hija skond it-tnax l-Iskeda ta' L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jonfoq f'sena il-gvern biex jkun jista' jmexxi l-S.V.P.R esklużi l-proġetti ta' swali ġodda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-nefqa rikurrenti għar-Residenza ta' San Vinċenz de Paule matul l-1999 ammontat għal Lm6,642,703.
L-ispiża rikurrenti għall-ewwel disa' xhur tas-sena 2000, laħqet Lm5,245,026.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ex-ħabsin li kienu jaħdmu mal-gvern u skontaw is-sentenza, jistgħux jerġgħu jidħlu jaħdmu mal-gvern? Jekk iva, kemm daħlu u meta daħlu?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Fost l-għanijiet li kellu l-NGO Resource Centre, kien li permezz ta' riċerka u studju intensiv jiddentifika l-problemi soċjali li huma kkaratteristiċi ta' l-Għawdxin, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ministeru li ħa sehem f'din ir-riċerka? Jekk iva, liema ministeru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru għal Għawdex li hija responsabbli ta' l-NGO Resource Centre.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ssir spezzjoni mill-ħaddiema tal-Housing Construction dwar katusa li tinsab fil-bitħa komuni ta' l-appartamenti Block 2 / Sch 2, Telgħa Paola, Paola?
Jistgħu il-ħaddiema jmorru fuq il-post peress li ħafna mir-residenti huma anzjani u ma jafux fejn għandhom jmorru u l-uniku mezz huwa li jressqu din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa. Jien infurmat li l-ispezzjoni ser issir minnufih.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-għanijiet differenti taċ-ċentru li nfetah f'Għawdex li ħa lok l-NGO Resource Centre ta' SWDP li kien jeżisti minn qabel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li dan iċ-Ċentru ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru tiegħi nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir kemm jista' ikun malajr ir-reserved parking ta' persuna b'disabilita' li għandha bżonn urġenti?
Id-dettalji tal-persuna qed jintbagħtu separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna indikata fil-Mistoqsija qatt ma applikat mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' biex ikollha reserved parking.
F'Lulju ta' din is-sena, din il-persuna applikat biss għall-Blue Sticker biex tkun tista' tipparkja fil-postijiet riservati apposta għal persuni b'diżabilita'.
Ninsab infurmat ukoll li din il-persuna issa ġiet ikkuntattjata biex tiġi nfurmata xi trid tagħmel biex tapplika għar-reserved parking.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar regolamenti biex isiru parties fil-gżejjer Maltin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-regolamenti li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma r-Regolamenti ta` l-1995 dwar iż-Żamma ta` Bon Ordni f`lokalitajiet ta` divertiment, kif sussegwentament emendati. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta` dawn ir-regolamenti, ċioe` Avviż Legali Numru 124 ta` l-1995; Avviż Legali Numru 111 ta` l-1996; Avviż Legali Numru 149 ta` l-1999 u Avviż Legali Numru 132 ta` l-1999.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għaliex biċċa art li tagħmel parti minn flat li, id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, ittieħdet?
Hemm persuni oħra fl-istess flat li għandhom art mal-flat?
Din l-art hija tal-Lands?
Jekk le, ta' min hija?
Jekk iva, għaliex ma tingħatax lill-familja li qegħda tokkupaha? Jekk mhux se tingħata lill-familja li qegħda titlobha, x'użu se jsir minnha?
X'konnessjoni għandha din il-biċċa art ma' l-Awtorita' tad-Djar?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-korrispondenza kollha li hemm dwar din l-art u min għandu l-ewwel dritt li jeħodha?
Jaf il-Viċi Prim Ministru li minħabba din il-biċċa art persuna b'diżabilita' mhux se tgħix ma' din il-familja għax tneħħilha l-aċċess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-drittijiet dwar l-art in kwistjoni għad iridu jiġu stabbiliti definittivament mad-Dipartiment ta' l-Artijiet u għalhekk ma tistax tingħata risposta f'dan l-istadju.
Meta anke l-Qrati tal-Maġistrati t'Għawdex ibbenefikaw mis-servizz professjonali ta' l-SWDP t'Għawdex, jista' l-Viċi Prim-Ministru jgħid x'għażla għandhom il-Qrati Għawdxin meta jiġu biex jaħtru l-esperti tagħhom f'każi soċjali? Il-Viċi Prim Ministru informa lil min kien jagħmel użu minn dan is-servizz speċjalment lill-Qrati, li dan is-servizz kellu jispiċċa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Qrati f'Għawdex għandhom żewġ għażliet meta jaħtru l-esperti tagħhom. Jistgħu jgħażlu li jaħtru esperti Għawdxin miċ-Ċentru Ħidma Soċjali jew esperti mill-SWDP. Dawn ta' l-aħħar huma ffukati b'mod partikolari fuq każijiet ta' protezzjoni għat-tfal u dawk dwar vjolenza domestika.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jinħareġ ir-relief ta' omm xebba bil-ġenituri tagħha mejta li tinsab bla ebda dħul finanzjarju li, id-dettalji tagħha qed jintbagħatu separatament u korrispondenza importanti oħra qed tintbagħat separatament ukoll minn din il-mistoqsija?
Jaf li biex tmantni lit-tifel ta' ħames xhur, din l-omm xebba jkollha tgħix milli jagħtuha n-nies?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna ndikata qiegħed jerġa' jiġi mistħarreġ mid-dipartiment konċernat u l-persuna mistennija tirċievi risposta fil-jiem li ġejjin.
B'riferenza għaż-żjara li l-Ministru għal Għawdex u l-Ministru għall-Politika Soċjali għamlu fl-SWDP f'Għawdex wara r-rebħa elettorali ta' l-1998, fejn il-Ministru għall-Politika Soċjali faħħar tant is-servizz billi ġie kkwotat li qal:
'Minn biċċa drapp qed tagħmlu libsa ta' tieġ'.
Jista' l-Viċi Prim-Ministru jispjega l-għaliex mhux biss lil dawn il-part timers baqa' ma tahomx support permezz ta' ħaddiema kwalifikati fulltime Għawdxin jew għallanqas administrative support workers, iżda saħansitra wieħed mill-kollegi ġie mitlub jirreżenja mill-impjieg għax intqal li m'hemmx bżonn ta' servizz ta' counselling f'servizz ta' social work?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ħidma Soċjali ġenerika f'Għawdex hi f'idejn iċ-Ċentru Ħidma Soċjali u għalhekk kull għajnuna f'dan ir-rigward tinstab fiċ-Ċentru. In-numru ta' każijiet speċjalizzati in konnessjoni ma' protezzjoni tat-tfal u vjolenza domestika huma relattivament ftit u ma jiġġustifikax il-preżenza ta' ħaddiema klerikali.
L-interventi soċjali minn social workers u l-counselling isiru minn nies li huma mħarrġa professjonalment għal din il-ħidma u anke dan isir taħt superviżjoni. Dan hu l-mod li wieħed irid jassigura li l-interventi jkunu professjonali. Is-social workers tal-SWDP kellhom it-taħriġ u s-superviżjoni neċessarja.