Jista' l-Ministru jara li ħaddiema ta' l-Enemalta jibdlu bozza tat-triq fit-Triq Melita, Raħal Ġdid peress li ilha ġimgħat sħaħ ma tinxtgħelx?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħidilna meta se jibdlu s-saqqijiet tal-high jump u tal-pole vault tal-Marsa Sports Ground, minħabba li l-atleti qegħdin jittrenjaw b'sogru kbir għal saħħithom peress li dawn is-saqqijiet fihom ħsarat kbar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-equipment li jintuża għall-atletika hija proprjeta` tal-Malta Amateur Athletics Association. Id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport diġa' talab lill-uffiċċjali tal-MAAA sabiex jinġabru stimi ta' equipment/materjal li hemm bżonn għat-tħejjija għal-logħob tal-Pajjiżi Żgħar tas-sena 2001 u 2003. Qegħdin ukoll jinġabru stimi sabiex jinxtraw mobile crates ħalli dan l-equipment ikun jista' jiġi mgħotti biex jiġi eliminat il-vandaliżmu fuq dan it-tip ta' equipment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadhiex tapplika l-liġi li vetturi bħal trakkijiet ma jistgħux jidħlu ġewwa l-Belt Valletta? Jekk iva, x'inhuma l-ħinijiet projbiti? Jista' jgħid kemm kien hemm persuni li kissru l-liġi mill-1996 sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-permess ta' hawker (bejjiegħ) tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant li kienet saret fl-1 ta` Novembru ta` din is-sena, qed tkun ipproċessata skond il-proċeduri stabbiliti.
Jista' l-Ministru jara li tinbidel bozza fi Triq Burial, Raħal Ġdid faċċata tal-Hypogeum peress li ilha ġimgħatejn ma tinxtgħelx?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir il-verifika neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Tiswija tad-Djar jirranġaw il-problemi ta' drenaġġ li hemm fi flat li d-dettalji tiegħu jidhru separatament minn din il-mistoqsija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment ta' Bini u Tiswija tad-Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jew il-ħaddiema tad-dipartment jinvestigaw il-każ ta' tifel li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li bħalissa mhux qiegħed imur skola b'ordni mis-surmast biex din il-problema tiġi solvuta fl-interess ta' kulħadd?
Response (GALEA, LOUIS)
Tajt struzzjonijiet biex dan il-każ jiġi segwit attentement fl-aqwa interess ta' l-istudent konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jingħata s-servizz tat-telephone lill-familja ġdida li ġiet toqgħod fl-indirizz indikat li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minkejja li fit-28 ta' Settembru li għadda l-persuna indikata intbagħatitilha ittra mill-Maltacom fejn ġiet mitluba tersaq biex tiffirma l-kuntratt, din qatt ma tfaċċat. Fit-22 ta' dax-xahar intbaghtitilha ittra simili "by hand" u hekk kif tiffirma jkun jista' jsir it-trasferiment mitlub mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jara li jingħata s-servizz tat-telephone lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha xi ġimgħat li applikat għal dan is-servizz li fiż-żmenijiet tal-lum huwa tant importanti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-servizz tat-telefon li applikat għalih il-persuna indikata ma jistax jingħata qabel ma jitħallas kont pendenti ta' Lm232.27 li minħabba li baqa' ma tħallasx is-servizz ġie sospiż u mneħħi għal kollox.
Hija l-policy tal-Maltacom li ma jingħatax servizz ġdid qabel ma' abbonat iħallas dak li legalment hu dovut lilha għal servizzi li tkun ipprovdietlu qabel. L-istess policy hija addottata meta jinstab li fl-istess residenza kien hemm linji li kellhom jinqatgħu minħabba nuqqas ta' ħlas.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija hix qed tieħu l-ammont kollu li hi ntitolata għalih bħala persuna boarded out?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie nvestigat. Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn frekwenzi F.M. tar-radio li h'humiex okkupati?
Jista' jgħid kemm hawn entitajiet li applikaw għal-frekwenza tar-radio u min huma?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-frekwenza għal xandir nazzjonali bir-radju FM li mhumiex okkupati huma tlieta.
Għat-tieni parti tad-domanda, L-Onor. Membru għandu jistaqsi lill-Ministru kkonċernat minħabba li normalment applikazzjonijiet għall-liċenzji ta' stazzjonijiet tar-radju isiru lill-Awtorita' tax-Xandir.
Jista' l-Ministru jara li t-talba tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija tiġi milqugħa fis-sens li tintefa' ħamrija fl-għalqa tiegħu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ħadt nota ta' dan u għaddejta lill-uffiċjal inkarigat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx social workers f' Mt Carmel Hospital li qegħdin jitwasslu d-dar bil-karozza u driver tal-Gvern? Jekk iva, min huma dawn il-persuni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 5810.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 21187, li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jara li tiġi kkonsidrata mill-aktar fis l-applikazzjoni għall-apparat mat-telephone għal min huwa nieqes mis-smiegħ ta' koppja anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, minħabba l-urġenza tal-każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Maltacom għall-kunsiderazzjoni tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid x'salarju u beneffiċji oħra għandhom fil-kondizjonijiet ta' l-impieg tagħhom l-uffiċjali tal-Bank Ċentrali, il-Gvernatur, id-deputat Gvernatur, is-sitt membri tal-Executive Management Committe?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji tas-salarju tal-Gvernatur Ċentrali ta' Malta ġew mogħtija fil-mistoqsija parlamentari numru 10011 f'seduta 151. Ir-remunerazzjoni tad-Deputat Gvernatur tammonata għal Lm16,000 fis-sena salarju u Lm4,400 bħala claimable expense allowance.
Il-membri tal-Executive Management Committee jirċievu allowance ta' Lm500 bħala membri tal-EMC, salarju ta' Lm11,625 fis-sena bħala mpjegati tal-Bank Ċentrali, u Lm1,850 bħala claimable expense allowance.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tiġi kkonsidrata mill-aktar fis l-applikazzjoni għall-apparat mat-telephone għal min huwa nieqes mis-smiegħ ta' koppja anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, minħabba l-urġenza tal-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-servizz li rrefera għalih l-Onor. Interpellant hu provdut mit-Taqsima TAFDA tal-Maltacom, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 20326 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’ jista' jgħid jekk ex-ħabsin li kienu jaħdmu mal-gvern u skontaw is-sentenza, jistgħux jerġgħu jidħlu jaħdmu mal-gvern? Jekk iva, kemm daħlu u meta daħlu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20925.