Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizzi Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-każ tal-missier, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ilu jistenna x-xhur biex jgħaddi board, jitħaffef minħabba t-tbatija finanzjarja li jinsabu fiha din il-familja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija kienet diġa' ġiet infurmata bil-pożizzjoni tagħha fl-14 ta' Lulju, 2000. Minkejja dan, din il-persuna ser terġa' tiġi infurmata bil-pożizzjoni tagħha llum. Barra minn hekk, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jinsab fi proċess biex jistabbilixxi jekk din il-persuna għandhiex dritt għall-Benefiċċju għall-Mard.
Leg 9 PQ #22810 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Raħal Ġdid — Bozza

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza fuq Flat No. 10, Korradino Estate, Raħal Ġdid peress li qiegħed ikun lok ta' abbuż ta' drogi minħabba d-dlam kbir li jkun hemm?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra. Dwar l-abbuż li qed jirreferi għalih, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Membru biex jinforma b'dan lill-awtoritajiet kompetenti.

Servizz ta' home help

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li mara ta' 41 sena li tinsab f'wheelchair u ilha bla home help għal din l-aħħar sena, biex tinstabilha persuna adattata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-persuna msemmija diġa' kellha żewġ helpers fil-passat li għal xi raġuni jew oħra din il-persuna ma ridithomx u keċċithom hi stess. Hi kienet qiegħda tieħu 8 sigħat fil-ġimgħa bħala servizz. Peress li hi toqgħod l-Imġarr, fejn id-domanda għas-servizz m'hix kbira u għandna helper waħda biss, s'issa d-Dipartiment għadu qiegħed jipprova jsib meżż biex din il-persuna tinqeda.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li mhux ser jieħdu żieda li tħabbret fl-aħħar budget skond ir-riforma taċ-ċivil? Jista' u jgħid kemm hemm pensjonanti li mhux ser jieħdu żieda ta' l-għoli tal-ħajja mħabbra fl-aħħar budget? Jista' jgħid kemm ser jieħdu żieda ta' l-għoli tal-ħajja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jħallas 'l fuq minn 34,000 Pensjoni għal Min Jirtira, ftit sktar minn 13,000 Pensjoni għar-Romol u 'l fuq minn 6,255 Pensjoni għal Invalidita'. Skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) r-rati ta' dawn il-pensjonijiet u benefiċċji oħra iridu jiġu riveduti kull sena. Fil-każ tal-pensjonijiet kontributorji l-għan ta' din ir-reviżjoni hi li jiġi sostitwit id-Dħul Pensjonabbli li fuqu tkun inħadmet oriġinarjament il-pensjoni b'mod li dan id-Dħul jibda jinkludi xi żieda li tkun ingħatat b'riżultat ta' xi struttura ġdida fil-pagi. Barra minn hekk, il-Liġi tipprovdi wkoll li jingħata proporzjon taż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Huwa proprju fuq dawn iż-żewġ eżerċizzji li d-Dipartiment bħal daż-żmien ikun qiegħed jiffoka r-riżorsi umani kollha li għandu, nkluż xogħol bis-sahra. Napprezza jekk l-Onor. Membru flimkien ma' Membri oħra taż-żewġ naħat ta' din il-Kamra li kemm jista' jkun jevitaw hekk kmieni fl-ewwel xhur tas-sena domandi simili. Ir-raġuni għal dan hu li dawn it-tip ta' domandi jirrekjedu li minn naħa tad-Dipartiment effettivament ssir ir-reviżjoni li semmejt aktar qabel, sew fil-każ ta' statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant kif ukoll f'mistoqsijiet dwar xi każi ta' ndividwi partikolari. Anzi, fil-każ ta' l-aħħar, id-Dipartiment iħoss li jkun jonqos minn ċertu etika jekk b'riżultat ta' domanda parlamentari fuq xi ndividwu l-każ tal-pensjoni tiegħu jiġi rivedut ferm qabel minn dak ta' sieħbu.
Leg 9 PQ #22850 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Interim From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Ftuħ ta' Spiżeriji l-Ħadd

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għall-ftuħ ta' spiżeriji privati, f'liema lokalita u kemm ilhom li applikaw? Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw liċenji f'dan l-aħħar sentejn? Fejn hija l-lokalita' u kemm kien ilhom li applikaw?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Għall-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għad-domanda parlamentari numru 18948. Rigward il-lokalita' u kemm ilhom li applikaw ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra. L-istess japplika għat-tieni parti tal-mistoqsija.

Impjiegi — Żieda fil-pagi taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija hux ser jieħu żieda fir-riforma li saret fiċ-Ċivil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Numru. 22849.

Kunsill Lokali — Tarxien

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm l-approvazzjoni sabiex il-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien ikun jista' jieħu self mill-bank sabiex jinxtara post għall-użu ta' uffiċini ġodda? It-talba saret lid-dipartiment fl-1 ta' Novembru, 2000

Response (GATT, AUSTIN)

Biex Kunsill Lokali jissellef xi flus jenħtieġ 'l awtorita' bil-miktub tal-Ministru bi ftehim mal-Ministru responsabbli għall-finanzi. L-applikazzjoni tal-Kunsill Lokali Tarxien bħall-kull applikazzjoni simili oħra, qed tiġi eżaminata minn dawn iż-żewġ Ministeri kemm fuq jekk il-post il-ġdid hux addattat bħala Uffiċċju Amministrattiv ta' Kunsill Lokali kif ukoll jekk il-Kunsill hux f'qagħda finanzjarja tajba biex jidħol għal din l-ispiża mingħajr ma jiġu traskurati l-funzjonijiet delegati lill-Kunsilli Lokali skond il-liġi.
Leg 9 PQ #22677 Sitting 469 2001-01-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jieħdu l-appointment l-apprendista TCO fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Jista' l-Ministeru jgħid x'kumpens ser jieħdu meta dawn diġa' ilhom hemm tmien xhur?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22273. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi fil-preżent dawn it-Trainee Correctional Officers qegħdin jirċievu s-salarju minimu kurrenti, inkluż kumpens għall-għoli tal-ħajja u l-bonus (pro. rata), u dan skond kif deher fl-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern tat-23 ta` Novembru 1999.
Leg 9 PQ #22678 Sitting 469 2001-01-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Finanzi

Somma tas-Servizz

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22416 li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministeru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’: jista' jara l-każ ta' pensjonant li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija li kien ilu jaħdem mal-Gvern mill-1959 b'waqfa mill-1981 sa 1986 jekk għandux dritt għal somma tas-servizz peress li huwa kien mal-Gvern qabel 1979? Jista' dan l-anzjan jiġi infurmat bil-miktub

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa minnu li l-persuna kkonċernata kienet fis-Servizz tal-gvern, iżda għal raġunijiet dixxiplinari kienet tkeċċiet u b'hekk tilfet id-dritt għall-Pensjoni tat-Teżor. Mhix proċedura tad-dipartiment li jgħarraf lil xi individwu bir-riżultat ta' Mistoqsija Parlamentari li tkun saret dwaru.

Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi konkluż il-każ ta' ġuvni b'marda mentali li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament u li qiegħed jistenna jgħaddi board? Jista' dan il-ġuvni jiġi nformat bil-miktub?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #22505 Sitting 466 2001-01-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Amino Acid Preparation Physioterapy

Question

Jista' d-dipartiment tas-saħħa joħroġ stqarrija dwar l-effettwita' tal-kura Amino Acid Preparation u Physioterapy li ħafna ġenituri bi tfal b'diżabilita' qed jiġu mħajra biex isiefru Ċipru jew ir-Russja? X'inhi l-opinjoni ta' l-għaqda tal-paediatricians? Jekk hemm verita' fl-effett pożittiv ta' din it-tip ta' kura, x'inhi r-raġuni li l-gvern ma jipprovdix dan is-servizz huwa u b'hekk jiffranka somom kbar ta' flus li qed joħorġu mill-pajjiż u jiffranka ħafna ġbir ta' flus li qed isir? Jista' l-gvern jidħol f'xi forma ta' ftehim ma' dawn it-tobba barranin biex il-kura issir Malta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 22368.
Leg 9 PQ #22506 Sitting 466 2001-01-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Twieled ta' trabi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' trabi li twieldu fil-gżejjer Maltin f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm kienu tas-sess femminili u kemm tas-sess maskili? Kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita' barranija?

Response (BORG, TONIO)

Fir-Registru Pubbliku ta' Malta u Ghawdex jigu registrati dawk il-persuni li jitwieldu Malta u Ghawdex u xi whud li jitwieldu barra minn Mta minn cittadini ta' Malta. Ghalhekk id-Dipartiment mhux f'qaghda li jaghti twegiba ghall-ewwel parti -Mistoqsija. Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni registrati fir-Registru Pubbliku (Malta u Ghawdex) hu kif jidher hawn taht:- Sena Malta Ghawdex Total Maskili Femminili Maskili Femminili 1996 2762 2546 208 211 5727 1997 2639 2369 202 177 5387 1998 2468 2289 195 195 5147 1999 2268 2142 170 166 4746 2000 2518 2436 159 202 5315

Qormi — Mushroom Lights

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru il-mushroom lights fit-triq Ħal-Qormi l-Marsa quddiem ir-residenza 135 wara li l-Kunsill Lokali tal-Marsa diġa' ħallas madwar Lm500 u x-xogħol għadu lanqas beda meta dawn il-lights huma ta' importanza kbira? Jista jgħid għala għadhom ma sarux?

Response (GALEA, ĊENSU)

Mid-domanda jidher li hu l-Kunsill Lokali li qed jagħmel dan ix-xogħol.

Home Help

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija tiġi milqugħa t-talba tagħha li jkollha s-servizz tal-Home Help għal inqas darba fil-ġimgħa minħabba l-bżonn tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara li l-każ tagħha ġie ppreżentat lill-Board, ġie miftiehem li s-support familjari ta' din il-persuna għandu jkun biżżejjed fiċ-ċirkustanzi tad-dar tagħha. Dan il-każ imur lura sa Diċembru 1999. Minn dak inhar, qatt ma saret talba oħra għas-servizz.

Somma tas-Servizz

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara l-każ ta' pensjonant li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija li kien ilu jaħdem mal-Gvern mill-1959 b'waqfa mill-1981 sa 1986 jekk għandux dritt għal somma tas-servizz peress li huwa kien mal-Gvern qabel 1979? Jista' dan l-anzjan jiġi infurmat bil-miktub?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuni li jbatu bil-marda ta' l-iskizofrenija jistgħux jieħdu xi tip ta' benefiċċju soċjali peress li huwa diffiċli għalihom li jsibu xogħol? X'tip ta' benefiċċju huma ntitolati għalih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuni li jbatu bil-marda ta' l-iskiżofrenija u jissodisfaw it-test tal-meżżi relatat, jistgħu jikkwalifikaw għall-Għajnuna għal Mard. Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jħallas diversi benefiċċji, kemm kontributorji u kemm mhux kontributorji, li l-persuna kkonċernata tista' tkun intitolata għalihom jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta magħhom. Huwa għalhekk issuġġerit li l-persuna tirrikorri għand l-Uffiċċjal Distrettwali tad-Dipartiment inkarigat mill-Customer Care jew fl-Uffiċċju Distrettwali tal-lokal tagħha fejn tinghata parir dwar liema benefiċċji jistgħu japplikaw fil-każ tagħha..

SVPR — Anzjana

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir assessment tal-każ ġenwien ta' anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, sabiex tidħol l-SVPR peress li qiegħda tgħix waħedha u bla support u għandha dementia?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-applikazzjoni tal-persuna msemmija waslet fir-Residenza ta' San Vinċenz fit-12 ta' Diċembru 2000. Il-każ ġie ttrattat mill-Admission Board u ġiet imqiegħda fil-lista skond il-priorita' li jimmeritha.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ssir ġustizzja mal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija li twaqqfitlu l-għajnuna soċjali u l-SKA meta din il-persuna għandu familja ta' ħamsa u qiegħed jirċievi biss Lm127.00? Tista' l-familja tingħata spjegazzjoni bil-miktub?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.