Jista' l-Ministru jgħid għaliex applikazzjjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħatu separatament, ma ġietx aċċettati meta bħalissa ma hemm ħadd biex jimla din il-vaganza meta mill-kunsill u mill-awtorita' ta' l-ippjanar ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ġiet rifjutata minħabba li l-post li dwaru saret l-applikazzjoni mhux rikonoxxut bħala car park.
Jista' l-Ministru jara li l-ħaddiema tal-Maltacom jaħdmu fuq il-każ ta' transfer ta' telephone, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-talba ta' l-abbonat li għalih qed issir riferenza sabiex isir trasferiment tal-linja tat-telefon daħlet għand il-Maltacom fil-21 ta' Frar li għadda. Sadanittant intbagħtet ittra lill-abbonat fejn ġie mitlub biex jiffirma l-kuntratt tal-Maltacom biex it-trasferiment mitlub ikun jista' jsir.
Jista' l-Ministru jara li tiġi irranġata d-daħla ta' block tal-flats tal-Gvern Block IV, Triq Ħal-Luqa, Tarxien wara li ġiet irranġata it-triq mil-Gvern Ċentrali u l-bankina saret baxxa komparata mad-daħla tal-flats bil-konsegwenza li qiegħed jinġabar ħafnma ilma li qed jikkaġuna inkonvenjent għar-residenti fil-maġġoranza tagħhom anzjani? Jista' l-Ministru jara li tittieħed azjoni medjata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara x'ġara miċ-cheque taċ-children allowance ta' familja li l-partikularitajiet tagħha qed jintbgħatu separatament min din il-mistoqsija u liema familja ta' 4 itfal tiddependi minn dan iċ-cheque?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni fuq arloġġ tad-dawl tal-familja li l-partikolarijiet tagħha qed jintbagħtu separatament peress li qegħdin jilmentaw li hemm xi ħsara fl-arloġġ?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li jibda joħroġ iċ-cheque tal-pensjoni ta' anzjana li l-dettalji tagħha jidhru separatament minn din il-mistoqsija peress li mhix tirċievi l-ebda dħul finanzjarju? Tista' din l-anzjana tieħu risposta u tirċievi l-aħħar żvillupi bil-miktub?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjana imsemmija applikat għall-Pensjoni għar-Romol fil-31 ta' Jannar, 2001. Il-każ diġa' ġie finaliżżat u ser tirċievi l-ewwel ċekk din il-ġimgħa. Dwar dan il-pensjonanta ġiet infurmata bil-miktub.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li katusa ta' bitħa ta' flats tal-Gvern fi Blokk 2, Skema 2, Telgħet Raħal Ġdid, Paola, titranġa u jintbagħtu ħaddiema biex jiftħu din il-katusa minħabba li ħiereġ ħafna drenaġġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex it-tiġdid tal-liċenzi tal-karozzi privati jrid jitħallas b'cheque minflok kif kien isir qabel ħlas cash fid-dipartiment tal-liċenzji? Jikkonferma l-Ministru li b'din il-miżura ser jiżdiedu l-piżijiet fuq iċ-ċittadini? Hemm-il ħsieb li din id-deċiżjoni tinbidel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ħlas tal-liċenzji tal-karozzi kien u għadu jista' jsir b'cheque jew cash fid-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet.
Jista' l-Ministru jara li jsir id-dawl f'daħla fejn hemm numru ta' garages fit-triq Alfen De Medran u Triq il-Fieres, Tarxien, minħabba l-abbużi li qiegħed ikun hemm b'konsegwenza ta' d-dlam. Peress li fl-inħawi imsemmija diġa hemm arbli tad-dawl, jista' dan il-proċess jitħaffef u jitwaħħlu l-bozoz?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Rigward l-abbużi msemmija, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Membru biex jinforma b'dan lill-awtoritajiet kompetenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol ta' asfalt u rranġar ta' Triq is-Sajjieda, Marsa? Min ser jagħmel ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għadu kif ta kuntratt għal bini ta' culvert u asfaltar biex tkun riżolta l-problema eżistenti ta' għargħar li tinħoloq waqt ix-xita f'din it-triq.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ser jidħlu care workers fid-dipartiment ta' l-anzjani? Kemm daħlu sa issa? Kemm applikaw biex jidħlu u kemm fil-fatt għaddew mill-eżami?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li 45 careworkers ser jidħlu fid-Dipartiment ta' l-Anzjani u li s'issa daħlu 41. Fil-bidu kienu applikaw 393 li minnhom kienu għaddew 135.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 23357?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern Malti ma ngħatax flus direttament mill-Gvern Svizzeru, imma l-Gvern Svizzeru ħallas l-ispejjeż tat-taħriġ u l-akkomodazzjoni.
L-għadd ta' għalliema li ntbagħtu għal kors fl-Isvizzera fis-sena 2000 kien ta' sitta (6).
Il-korsijiet kienu jkopru aspetti varji li jinkludu:
* Analogue and Digital Electronics
* Operational Amplifiers/Sensors/Transducers
* Position Control Systems
* Induction Motors & Applications
* Simulation Systems and Experiments
* Transformer Testing.
L-istudenti ggwadanjaw ħafna b'riżultat tal-korsijiet imsemmija għaliex l-għalliema kienu aġġornati mhux biss fis-suġġett, iżda wkoll dwar aspetti prattiċi u pedagoċiċi.
Jista' l-Ministru jara li jiġi konkluż appell dwar il-VAT ta' sajjied, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separtament peress li ilu pendenti għal żmien twil? Jistgħu l-aħħar żviluppi jintbagħtu direttament lil din il-persuna?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-appell li għaliħ qed jirreferi tressaq quddiem il-Bord ta' l-Appelli tal-VAT fis-27 ta' Settembru 2000. Qed isir kull sforz sabiex l-appelli pendenti quddiem il-Bord jintemgħu mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata t-tagħrif dwar l-aħħar żviluppi dwar ir-relief tagħha peress li dan il-benefiċċju ilu ma jintbagħat għal dawn l-aħħar xhur? Jista' jara li din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna b'disabilita', li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, issirlha inspection minħabba li qiegħda tilmenta dwar reserved parking għal persuna b'diżabilita'? Tista' din il-persuna tiġi informata personalment bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-Servizz tar-Reserved Parking quddiem residenzi ta' persuni b'diżabilita' jinħareġ mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Il-Kummissjoni tagħmel r-rakkomandazzjoni tagħha fuq kriterji maqbula bejn iż-żewġ naħat. Waħda minn dawn il-kriterji hi li l-applikant ma jridx ikollu garaxx mad-dar. Ir-raġuni hi li hu llegali li tipparkja quddiem garaxx ta' persuna oħra u għalhekk, per se, l-individwu li għandu garaxx diġa' għandu parkeġġ riservat għalih.
L-applikazzjoni li dwarha qed issir il-mistoqsija hi ta' applikant li għandu garaxx mad-dar tiegħu. L-applikant qiegħed jitlob li jinżebgħu linji sofor quddiem il-garaxx tiegħu minħabba li hu qiegħed jgħid li hemm diversi persuni li qiegħdin jipparkjawlu quddiem il-garaxx.
Filwaqt li l-Kummissjoni tissimpatiżża mal-persuna konċernata u ma' min qiegħed fl-istess sitwazzjoni, il-Kummissjoni tħoss li din hi problema ta' infurzar tal-Liġi u għalhekk il-Kummissjoni ftit li xejn tista' tagħmel dwarha.
Dwar jekk għandhomx jinżebgħu linji sofor quddiem garaxxijiet, din ukoll hi materja li mhiex fil-kompetenza tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni kellha kuntatt mal-persuna kkonċernata li ġiet infurmata b'din il-pożizzjoni.
Jista' l-Ministru jara li l-ħaddiema tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin jipparkjaw fil-parking tagħhom ġewwa l-faċilita' korrettiva ta' Kordin minflok fi Triq il-Belt Valletta minħabba li qiegħed ikun hemm ħafna lmenti mir-residenti?
Jista' l-Ministru jara li anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija li sbrufalha d-drenaġġ fid-dar tagħha, ħaddiema tad-dipartiment jaraw li s-sistema tad-drenaġġ tat-triq hija tajba u mhux ta' inkonvenjent għal din l-anzjana?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għall-bidu tal-ġimgħa d-dieħla għandu jsir survey tas-CCTV fi Triq Azzopardi, Marsa. Id-Dipartiment jieħu kull azzjoni li hemm bżonn skond ma jirriżulta fis-survey.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u li l-każ tiegħu qiegħed quddiem il-board biex jieħu l-benefiċċju Soċjali jitmexxa minħabba l-bżonn finanzjarju ta' din il-familja? Jista' jinforma bil-miktub lil dan l-individwu dwar il-każ tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.