Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-average birth rate per women fl-aħħar sitt snin sena b'sena? Kemm kien l-average birth rate fost teenagers fl-istess żmien sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li ma jeżistix l-average birth rate per woman, naħseb li l-Onorevoli Membru qed jirreferi għat-total fertility rate (TFR) li tiegħu tista' tingħata l-medja għal numru ta' snin. Il-medja ta' total fertility rate għal dawn l-aħħar ħames snin hu ta' 1.80.
Teżisti wkoll il-Crude Birth Rate (CBR), ċioe' in-numru ta' twelidijiet ħajjin kull elf persuna tal-popolazzjoni f'nofs is-sena. Il-medja għal dawn l-aħħar ħames snin hu ta' 12.11.
L-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika ma għandux tagħrif għat-tieni parti tal-mistoqsija. L-informazzjoni li qed tintalab tinżamm fl-Isptar Karen Grech.
Jista' l-Ministru jara li ssir bozza fit-Triq Sammut ma' Triq Neolithic Temple u Sir Temi Zammit, Tarxien minħabba dlam li hemm f'din it-triq u serq li sar f'dawn l-aħħar ġranet?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jara għaliex il-persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija li kienet taħdem id-Drydocks u spiċċat xi sitt snien ilu u ma tirċievi l-ebda benefiċċju soċjali la mit-Tarzna u lanqas mis-sigurta' soċjali? Jista' dan is-sinjuur jiġi infurmat bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntattjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33595, u jgħid fix-xhur ta' Marzu, April u Mejju liema kienu l-pilloli li kienu out of stock u kemm damu out of stock?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu tfal minn ommijiet taħt is-16-il sena fis-sena 2002? Kemm kellhom eta` l-ommijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fuq is-Saħħa għandu informazzjoni nazzjonali fuq it-twelid ta' trabi minn ommijiet (Maltin u mhux Maltin) li twieldu bejn Jannar u Marzu għas-sena 2002. Din l-istatistika nġabret b'mod volontarju għall-National Obstretric Information System (NOIS-WHO-OBSQID Project).
Kien hemm sitt twelid ta' trabi (singleton) minn ommijiet taħt is-16-il sena fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena. Minn dawn it-twelid, tlieta kienu minn ommijiet li kellhom erbatax-il sena u t-tlieta l-oħra minn ommijiet li kellhom ħmistax-il sena.
Jista' l-Ministru jara li titnaddaf is-sistema tad-drenaġġ fi Triq Zabbar, Raħal Ġdid minħabba l-intiena insapportabbli li hemm b'dannu għar-residenti li lanqas jistgħu jħallu l-bibien u t-twieqi li jagħtu għall-istess triq miftuħa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ser isir it-tindif neċessarju fi Triq Żabbar, Raħal Ġdid permezz tal-jetting/suction bowser fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jara li ssir patrol bil-lejl mil-pulizija fit-Triq Sannat u l-inħawi ta' Ħal Tarxien minħabba s-serq li qiegħed iseħħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk tal-Mobile Squad, jagħmlu ronda kemm fl-akwati tat-triq imsemmija kif ukoll fit-toroq l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni nqatgħulhom il-benefiċċju tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Għajnuna għall-Mard, ninformaħ li n-numru ta' persuni li għal xi raġuni jew oħra twaqqfitilhom l-Għajnuna għall-Mard mill-bidu ta' din is-sena sa l-aħħar ta' April hu ta' 539.
Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll, li d-dritt għall-Għajnuna għall-Mard li titħallas taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, jiddependi fost ħwejjeġ oħra, fuq it-test tal-meżżi u fuq tibdil fiċ-ċirkostanzi tal-familja bħal per eżempju:
a) mewt
b) wirt
c) żidied fir-riżorsi kapitali
d) dħul f'xi sptar statali, jew
e) tibdil fin-numru tal-membri tal-familja tal-benefiċċjarju konċernat
Tibdil f'xi waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi tista' taffettwa d-dritt ta' persuna għal din l-Għajnuna.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk huwiex possibbli li anzjana ta' 82 sena li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħat separatament li qed tistenna li tidħol f'SVPR tiġi ikkunsidrata li tidħol fid-dar ta' Bormla fejn għandha wkoll applikazzjoni biex tidħol peress li hija kapaċi tmexxi waħidha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntattjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33601 u jgħid kemm persuni inqatgħalhom is-servizz tat-telephone fis-sena 2002?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li sa llum kien hemm 233 abbonat li kellhom is-servizz tat-telefon maqtugħ u 267 li kellhom is-servizz ristrett, jiġifieri jistgħu jirċievu sejħiet, pero' ma jistgħux iċemplu.
Jista' l-Ministru jara li ssir tindifa ġenerali ġewwa ċ-ċimiterju ta' Marija Addolorata u jara li jissewwew il-viti ta' l-ilma li ma jaħdmux?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li t-tindif ġewwa ċ-Ċimiterju ta` l-Addolorata jsir fuq bażi regolari minn tmien ħaddiema tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika (Taqsima ta` l-Addolorata). Biex ikun faċilitat aktar ix-xogħol u jintlaħaq aktar malajr, peress li s-sit ta` l-Addolorata hija kbira, d-Dipartiment investa f'żewġ vannijiet żgħar, kif ukoll dumper.
Dwar il-viti ta` l-ilma li għalihom irrefera l-Onor. Interpellant, infurmat li fil-fatt il-viti kollha jaħdmu. Żewġ viti u pipe li kienu jqattru ġew imsewwija mit-taqsima tal-manutenzjoni ta` l-istess Dipartiment. Jekk l-Onor Interpellant qiegħed jirreferi għall-vit ta` wara l-bieb prinċipali taċ-Ċimiterju, infurmat li tali vit ġie magħluq intenzjonalment peress li l-użu tiegħu kien qiegħed jiġi abbużat.
Jista' l-Ministru jara x'sar mill-applikazzjoni tas-servizz ta' dawl ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li applika madwar tliet xhur ilu?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta biex tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nqgħatitilhom il-karta roża matul l-2002?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Karta Roża tingħata biss wara li wieħed japplika għaliha u jissodisfa test tal-meżżi. Din il-Karta Roża tingħata għal żmien stipulat. Biex tiġġedded irid ikun hemm talba oħra mill-ġdid.
Minħabba dan, Karta Roża li tingħata, sakemm ma jiġix pruvat li ngħatat fuq dikjarazzjoni falza, ma tinqatgħax u tibqa' valida għaż-żmien stipulat li għalih tkun inħarġet.
Ġejt infurmat li minn Jannar sa l-aħħar ta' April ta' din is-sena saru 3,631 talba għal Karta Roża li minnhom 102 biss ġew rifjutati minħabba li ma ssodisfawx it-Test tal-Meżżi.