Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34463, jista' jikkonferma li t-tqassim tal-posta interna u l-photocopies qegħdin isiru mill-iskrivani għax ma hemmx min jagħmilhom fid-dipartiment tal-Petroleum Division f'B'Buġia?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tlabt lill-amministrazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta sabiex teżamina jekk in-numru ta' messaġġiera li hemm fit-Taqsima tal-Petroleum huwiex biżżejjed biex ikopri x-xogħol mistenni minnhom.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' relief ta' missier b'żewġt itfal li spiċċa mix-xogħol wara 30 sena jaħdem? Il-partikolaritajiet tal-persuna qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min jirrispondi t-telephone fil-petroleum division, B'Bugia?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-Sezzjoni tal-Petroleum hija mgħammra bis-sistema tal-PAPX li titħaddem minn messaġġiera. Meta din il-persuna tkun assenti minħabba frank jew mard, is-sistema awtomatikament tinqaleb għal fuq it-telefons tat-Technical Officers. Hemm il-ħsieb li fil-futur qrib tiġi introdotta sistema ta' "direct dialling in". Tajjen jingħad li minbarra s-sistema tal-PAPX hemm ukoll numru ta' linji diretti.
Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm nuqqas ta' messaġġiera fil-petroleum division, B'Buġia?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li s-Sezzjoni tar-Riżorsi Umani tal-Korporazzjoni Enemalta qed tevalwa s-sitwazzjoni fit-Taqsima Petroleum biex tistabbilixxi jekk hemmx il-ħtieġa li jiżdied in-numru ta' messaġġiera.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx ingħatat time table lil maids jekk hemm, fil-petroleum division ġewwa B'Buġia? Jekk iva, minn min ingħatat? L-indafa f'din is-section hija aċċettabli?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li hemm persuni inkarigati mit-tindif ta' l-uffiċini fid-Diviżjoni tal-Petroleum. L-individwi konċernati ingħataw "schedule" dwar kif għandu jitqassam ix-xogħol mis-Sezzjoni ta' l-Amministrazzjoni. Waqt spezzjoni li saret dan l-aħħar minn rappreżentanti ta' l-Amministrazzjoni u minn rappreżentanti tas-Sezzjoni tal-Welfare ġie aċċertat li l-livell ta' indafa fil-postijiet imsemmija kien wieħed aċċettabbli.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' koppja anzjana li l-partikolaritajiet tagħha jinsabu separatament minn din il-mistoqsija li inqatgħalhom il-benefiċċju tal-mard meta anke minn dokumenti li ingħataw lid-dipartiment as-sigurta' soċjali jidher li huma ġustifikati li jirċievu dan il-benefiċċju? Jista' d-dipartiment jinforma lill-koppja bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntattjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista' l-Ministru jara li jinbidel it-Telecare ta' anzjan li l-partikolaritajiet tiegħu qegħdin jintbagħtu under separate cover, li għandu nuqqas ta' vista u ilu li għamel din it-talba għal tant ġimgħat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħaddili, anki b'mod kunfidenzjali, n-numru tat-telephone tal-persuna ndikata biex inkun nista ninvestiga.
Jista' l-Ministru jgħid fis-sitwazzjoni li hemm fil-petroleum division f'Buġia qattx daħlet bħala medjatur xi Union? Jekk iva, liema Union? U x'talbet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema sitwazzjoni qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jikkonferma li t-tqassim tal-posta interna u l-photocopies qegħdin isiru mill-iskrivani għax ma hemmx min jagħmilhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jidentifika d-dipartiment jew l-entita' li tifforma parti mill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi fejn it-tqassim tal-posta qed isir kif qed jingħad fil-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jara li ssir il-bankina ta' Santa Lucia Avenue Paola faċċata taċ-ċimiterju minħabba l-istat diżastruż li jinsab fiha din it-triq arterja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qiegħed jirranġa bankini simili li jkunu f'toroq arterjali, bħal ma diġa sar il-Bombi, in-niżla tal-Pieta', Triq Diċembru Tlettax u parti minn Labour Road, Ħaż-Żabbar. Il-bankina ndikata mill-Onor. Interpellant qegħda nkluża ma dawn ix-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni fuq il-main tad-dawl u ilma ta' xebba anzjana li l-partikolaritajiet jinsabu separatament li qiegħda tilmenta li l-main u l-meter tad-dawl tagħha huwa diffetuż?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta kemm lill-Korporazzjoni Enemalta kif ukoll lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jara x'tip ta' benefiċċju soċjali tista' tieħu omm xebba li l-partikolaritajiet tagħha jidhru separatament minn din il-mistoqsija peress li bħalissa m'hija tieħu l-ebda benefiċċju? Tista' din is-sinjorina tiġi infurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntattjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex il-koppja anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament terġa' tingħata s-servizz tad-dawl li ġie maqtugħ min-naħa ta' l-Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, il-koppja msemmija ma sarilha l-ebda qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku min-naħa tal-Korporazzjoni Enemalta. Kull ma' kien hemm kien biss ħsara li ssewwiet.
Jista' l-Ministru jagħti risposta għall-informazzjoni mitlbua f'mistoqsija parlamentari 34173 dwar l-ispiża totali anwali ta' kull special school f'Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba oriġinali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' rġiel f'Malta u Għawdex 'il fuq minn 16-il sena li qed jaħdmu? Kemm huma dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm huwa n-numru ta' dawk 'il fuq minn 40 sena li qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm ilu l-aktar wieħed jirreġistra? Kemm hemm nies li ilhom jirreġistra 'l fuq minn erba' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'Jannar 2002, f'Malta u Għawdex kien hemm 97,706 rġiel 'il fuq minn 16-il sena li kienu qed jaħdmu.
F'April 2002 kien hemm 5,815-il raġel li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti (Part 1). Minnhom kien hemm 2,457 li kellhom 'il fuq minn 40 sena. l-aktar wieħed li ilu jirreġistra, ilu għal aktar minn 20 sena. Filwaqt li 1,074 raġel ilhom jirreġistraw 'il fuq minn erba' snin.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex missier ta' familja b'żewġt itfal - partikaritajiet dwaru qed jintbagħtu separatament - inqatagħlu kull dħul mis-social services" Jista' dan is-sinjur jiġi informat bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntattjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista' l-Ministru jara li jinqaleb fuq isimha l-kont tad-dawl l-anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament u li ilha tagħmel it-talba għal tant żmien wara li żewġha miet madwar disa' snin ilu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ħadet il-passi meħtieġa sabiex il-kont li qed issir riferenza għalih jinqaleb fuq isem il-konsumatriċi.