Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni

Question

Jista' il-Ministru jara kif mara armla li l-partikularijiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija għal dawn l-aħħar snin qed tinaqgħtalha Lm12.35 fix-xahar u qiegħda tispiċċa b'pensjoni ta' Lm11.21? Tista' tiġi nfurmata għaliex qiegħda tinqata' din is-somma meta fit-28.2.01 kulma kellha tagħti kienet biss Lm52.00?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li dwarha saret id-domanda ġiet infurmata personalment bl-eżitu tal-każ tagħha.

Raħal Ġdid — Riq Għajn Dwieli

Question

B'referenza għall-mistroqsija parlamentari tiegħi li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u li issa qed tiġi riferuta lilek, u ċioe' tista' jekk jogħġbok tara li Triq Għajn Dwieli, f'Raħal Ġdid titnaddaf regolarment peress li dan l-aħħar daħlu ħafna lmenti li qiegħda tiġi traskurata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi Triq Għajn Dwieli f'Raħal Ġdid titnaddaf regolarment darba fil-ġimgħa mill-kuntrattur inkarigat mit-tindif tat-triq imsemmija. Irrid inżid illi la d-Direttorat tat-Toroq u lanqas is-Sezzjoni għall-Ambjent Nadif tad-Diviżjoni tax-Xogħolijiet ma rċevew ilmenti, kif qed isemmi l-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #38198 Sitting 857 2003-01-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Manoel Island Yacht Yard

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi trattattivi sabiex tinbieh Manoel Island Yacth Yard u jekk fl-affermattiv ma' min qed isiru dawn it-trattativi u jekk hemmx Maltin jew barranin involuti f' dawn it-trattativi? Saret xi sejħa biex tinbieh Manoel Island Yacth Yard? Qatt irċieva xi offerti minn imprendituri Maltin li wrew interessi li jixtru xi sehem minn Manoel Island Yacth Yard?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li sa mill-1997 it-Tarzna kienet ħarġet sejħiet għal espressjoni ta' interess dwar Manoel Island Yacht Yard. L-ebda waħda mill-proposti li kienu saru ma kienet meqjusa bħala favorevoli. Bħalissa t-Tarzna ma qed tevalwa ebda espressjoni ta' interess.

Xita — Ġbir ta' ilma

Question

F'dawn l-aħħar tliet snin jistax jingħad kemm niżlet xita fuq il-gżejjer Maltin u kemm minnha nġabret u kemm minnha nħliet? X'jista' jsir biex il-quddiem xita qawwija tinġabar kemm jista' jkun minnha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' xita li niżlet fuq il-gżejjer Maltin matul dawn l-aħħar tlett snin huwa hekk: Malta 1999-2000 = 738.6mm 2000-2001 = 338.6mm 2001-2002 = 281.7mm Għawdex 1999-2000 = 581.9mm 2000-2001 = 313.7mm 2001-2002 = 263.2mm Minn din ix-xita normalment madwar 20% tinfiltra fl-art; il-kumplament jew jevapora jew imur il-baħar bħala surface run-off. Minn 'records' ta' surface run-off f'ħames 'catchments' li huma l-Marsa, l-Imsida, Burmarrad, l-Imtaħleb u Marsalforn jinħarġu dawn il-valuri ta' surface run-off: 1999-2000 = 5.7% 2000-2001 = 2.1% 2001-2002 = 0.8% Iż-żamma tal-widien fi stat nadif tgħin biex l-ilma tal-wiċċ ikun jista' jinġabar u jinfiltra aktar fil-ħażna ta' taħt l-art.

Dgħajjes tal-klandestini — Bejgħ ta' dgħajes

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm dgħajjes tal-klandestini li għadhom ma nbiegħux? Jekk hemm kemm hemm u meta ser toħroġ l-offerta?

Response (GATT, AUSTIN)

Baqa` tlett dgħajjes tal-klandestini li kienu ġew konfiskati favur il-Gvern mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) bħala Qorti ta` Ġudikatura Kriminali u li sallum għadhom ma nbiegħux. S'isa għad m`hemmx data meta dawn għandhom jinbiegħu b`offerta.
Leg 9 PQ #38101 Sitting 855 2003-01-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MDC — Ħaddiema

Question

Jikkonferma il-Ministru li MDC ser tispiċċa? X'ser jsir minfloka? X'ser isir mill-ħaddiema preżenti? Se jitilfu posthom? Ser jidħlu ħaddiema ġodda? Xi żviluppi hemm?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kif diġa' kelli l-opportunita' ngħid,anke f'din il-Kamra, bħalissa qed titwaqqaf entita' ġdida bl-isem ta' Malta Enterprise. Din ser tinkorpora b'mod integrat il-funzjonijiet li bħalissa jkopru l-MDC, il-METCO u l-IPSE. Hemm il-ħsieb li din l-entita' ġdida tiġbor fiha l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema li bħalissa jaħdmu f'dawn it-tlitt organizazzjonijiet. Mhuwiex il-ħsieb li jiġu ingaġġati ħaddiema ġodda, jiġifieri minn barra dawn it-tlitt organizazzjonijiet, jekk mhux f'dawk il-każijiet fejn ħadd mill-impjegati tat-tlitt entitajiet eżistenti ma jinstab idoneu biex jimla l-vakanzi identifikati fil-Malta Enterprise. Dan mhux mistenni li jkun meħtieġ jekk mhux f'xi ftit mill-pożizzjonijiet l-aktar f'dawk tekniċi jew maniġerjali l-aktar għolja. Il-ħaddiema ta' l-MDC, l-METCO u l-IPSE diġa' ingħataw il-garanzija li ħadd minnhom mhu ser jispiċċa bla xogħol. Dawk il-ħaddiema li għal xi raġuni ma jsibux post fl-entita' l-ġdida, ser jinstabilhom xogħol alternattiv fis-settur pubbliku bl-istess paga bħalma għandhom fil-preżent. Bħalissa qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet u qed isiru l-intervisti għall-għażla biex jimtlew il-vakanzi fil-Malta Enterprise. Il-ħaddiema fit-tlitt azjendi involuti ġew infurmati dwar dan.

Stazzjon tal-ferrovija

Question

Jista' il-Ministru jidentifika s-siti li fadal ta' l-istazzjon tal-ferrovija u jara li dawn jissebbħu u jitħarsu biex il-wirt Malti jitħares, ngħidu aħna fil-marsa (l-iskola tas-subien San Ġużepp ħaddiem)?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s-sit fil-Marsa, imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien jifforma parti mis-sistema tat-Tram u mhux tal-ferrovija. Fil-preżent, dan is-sit qiegħed fil-kumpless ta' l-iskola bħala 'machine shop' u ma jeżistux fdalijiet li jistgħu jiġu restawrati.

Knejjes

Question

Jistax il-Ministru jgħid kemm hawn Knejjes (kappelli) imxerdin ma Malta, Għawdex u Kemmuna u kemm minn dawn jinsabu f'idejn il-Gvern u humiex fi stat tajjeb mil-lat ta' ġebel, ħġieġ, etc; peress li bosta turisti jfittxuhom waqt il-passiġġati tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li ma jeżistux records ta' dan it-tip fuq kull knisja.
Leg 9 PQ #38080 Sitting 854 2003-01-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Oqbra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn oqbra vojta ġewwa Malta u Għawdex? Kemm jinbiegħ qabar? Kemm jiġi jiswa funeral bejn wieħed u ieħor?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li f'Malta u Għawdex, bħalissa fiċ-Ċimiterju tal-Gvern m'hawnx oqbra vojta (għal bejgħ), ħlief għal dawk tal-komun li jintużaw skond il-bżonn. Il-prezz tax-xiri għal sit ta' qabar huwa stabbilit mill-'Burials Ordinance' Chapter 17 Para. 3, għal prezz ta' LM25. Il-prezz tal-qabar proprju f'ċimiterju tal-Gvern jiġi determinat minn kemm tiġi l-ispiża totali biex tali oqbra jinbnew. Il-prezz ta' funeral jiġi determinat minn min qiegħed jorganizzah, u tali responsabilita` ma taqax taħt dan id-Dipartiment.
Leg 9 PQ #38083 Sitting 854 2003-01-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tul ta' ħitan tas-sejjieħ f'Malta, Għawdex u Kemmuna u min hu responsabbli tal-ħitan tas-sejjieħ, il-Gvern Ċentrali, gvern lokali sid il-għalqa jew il-bidwi? F'każ li ħajt jiġġarraf, kemm żmien għandu biex jissewwa biex titħares il-ħamrija u jonqos il-periklu ta' ġebel fit-toroq?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li għad m'hawnx informazzjoni uffiċjali dwar kemm hawn tul ta' ħitan tas-sejjieħ. Ir-responsabbilta' li l-ħitan jinżammu fi stat tajjeb hi tal-bidwi jew ta' sid ir-raba' jekk ma jkunx hemm ftehim ieħor. Fil-każ ta' ħitan ma' toroq pubbliċi jiddependi mill-livelli tal-ħamrija paragun mal-livell tat-triq. Jekk ikun hemm xi żgombru fit-triq ikunu responsabbli l-pulizija u l-kunsilli lokali.

Ta' Qali — Trasport għall-football ground

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi organizzat trasport pubbliku dirett mil-lokalitajiet għall-ground ta' Ta' Qali biex jagħmel il-qalb lill-partitarji tal-football jattendu għal-logħob, kif ukoll trasport lura dirett għall-irħula u bliet wara l-logħba u b'hekk jitnaqqas ukoll it-tinġis ta' l-arja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li hemm servizz dirett mill-Belt Valletta għal Ta' Qali u lura sabiex jaqdi l-passiġġieri kkonċernati. Is-servizz skedat normali jissupplimenta s-servizz dirett mill-irħula għall-Belt u viċi versa.

Bankini

Question

Jistax il-Ministru jgħid kemm hawn bankini f' Malta u Għawdex u Kemmuna u kemm minn dawn il-bankini huma aċċessibli għal kulħadd jiġifieri wiesa' biżżejjed biex jgħaddi siġġu bir-roti u rampi xierqa biex jinżlu minnhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien nfurmat illi għalkemm teżisti nformazzjoni dwar kemm hawn bankini u toroq fil-pajjiż, dan id-database mhuwhiex iddettaljat biżżejjed biex juri l-informazzjoni kollha mitluba mill-Onor. Interpellant.

Periklu fit-toroq

Question

Iħossx il-ħtieġa l-Ministru li l-inkarigat mit-taqsima tat-traffiku tal-pulizija jgħarbel il-perikli tat-traffiku ta' kull belt jew raħal u jagħmel kitba bl-irqaqat u jgħaddiha lill-Kummissarju tal-pulizija li mbgħad jgħaddiha lill-prim Ministru ħalli fi żmien xieraq il-perikli u l-imwiet u korrimenti jonqsu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li d-doveri tal-Kummissarju tal-Pulizija u tat-Taqsima tat-Traffiku, ma jkoprux il-funzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant. Dawn il-funzjonijiet huma responsabbilta' tal-Kunsilli Lokali u tad-Direttorat ta' l-Immaniġjar tat-Traffiku ta' l-Awtorita' Dwar it-Trasport, li qegħdin il-ħin kollu jwettqu x-xogħol li qed jissemma fil-Mistoqsija Parlamentari.
Leg 9 PQ #38098 Sitting 854 2003-01-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Taħriġ tas-sewqan — Periklu fis-sewqan

Question

Iħossx il-Ministru li biex ikun hemm kuxjenza aħjar tal-periklu tas-sewqan u perikli fit-toroq it-taħriġ tas-sewqan jibda fl-iskejjel biex b'hekk min joħroġ mill-iskola ta' sittax-il sena jkun jaf isuq vettura?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li waqt li l-iskejjel jipprovdu tagħlim fl-etika tas-sewqan u fir-responsabilita` taċ-ċittadini bħala passieġġiera u sewwieqa, l-aktar f'suġġetti bħal Personal and Social Development, Social Studies u Religjon, l-iskejjel m'għandhomx isiru ċentri ta' tagħlim li jwassal għal-liċenzja tas-sewqan.
Leg 9 PQ #38074 Sitting 853 2003-01-20 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Ċimiterji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċimiterji ġewwa Malta, Għawdex u Kemmuna? Fejn jinsabu? Kemm minnhom jintużaw?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li f'Malta, hawn ħdax-il Ċimiterju tal-Gvern, f'Għawdex hemm tnejn, waqt li f'Kemmuna m'hemm l-ebda ċimiterju tal-Gvern. Dawk f'Malta jinsabu fil-lokalitajiet segwenti- Mosta, Mellieħa, Raħal Ġdid (Addolortata), Mġarr, Burmarrad, Pieta' (Ta' Braxia), Qormi, Rabat, Żebbuġ, Kalkara w is-Siġġiewi. Ta' Għawdex jinsabu fix-Xewkija w Victoria. Iċ-Ċimiterji tal-lokalitajiet segwenti m'humiex jintużaw preżentement- F'Malta-Kalkara, parti minn Ta' Braxia (Pieta') u tas-Siġġiewi. F'Għawdex iċ-Ċimiterju ta' l-Għonq fil-Victoria. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li oltre minn dawn iċ-Ċimiterji, jeżistu dawk tal-knisja, f'diversi lokalitajiet, li huma kkontrollati mill-Kurja.

Rabat/Siġġiewi — Tiswija ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jara li triq bejn ir-Rabat u s-Siġġiewi titranġa peress li hemm numru ta' ħofor li jagħmlu għajb lilna u ħsara lill-karozzi? Jistgħu almenu jsiru l-irqajja biex jonqos il-periklu?

Response (GALEA, ĊENSU)

It-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsilli Lokali rispettivi.

Kunsilli lokali — Reġistrazzjoni ta' roti

Question

Iħoss il-Ministru li r-roti jiġu reġistrati fil-kunsilli lokali beix ikun ċertifikat b'numru u bid-dawl u mezzi xierqa, fosthom mezz ta' waqfien biex nevitaw inċidenti ta' tfal u żgħażagħ li jweġġgħu bir-roti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m`hiex il-policy ta` dan il-Ministeru li r-roti jiġu reġistrati fil-Kunsili Lokali. Madanakollu jekk l-Onorevoli Interpellant, iħoss li għandu jsir xi forma ta` reġistrazzjoni fuq ir-roti biex dawn ikollhom dawk il-mezzi xierqa sabiex jiġu evitati inċidenti, nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mit-Transport.

Sigurta' Soċjali — Qassisin li jieħdu l-pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn qassisin li qabżu s-60 sena ġo Malta, Għawdex u Kemmuna? Kemm minn dawn qegħdin jirċievu l-pensjoni ta' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi li (a) fil-każ ta' l-iskema kontributorja, persuna assigurata tkun intitolata għall-pensjoni għal min jirtira jekk fost ħwejjeġ oħra, tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet dwar n-numru ta' kontribuzzjonijiet mħallsa jew akkreditati lilha, u (b) fil-każ ta' l-iskema mhux kontributorja, din trid tkun tissodisfa t-test tal-meżżi. Il-vokazzjoni reliġjuża mhix kriterju li fuqu l-liġi tibbaża d-dritt għall-pensjoni. Għaldaqstant id-Dipartiment qatt ma ħass il-ħtieġa li tinżamm statistika kif qed jitlob l-Onor. Interpellant.

Barrakka ta' Fuq — Lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex beħsiebu jerġa' jagħmel il-lift fil-Barrakka ta' Fuq u jħaffef iċ-ċaqliq ta' passiġġieri mix-xatt għal ħdejn Kastilja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-konsorzju Renaissance, li hu l-konsorzju li ser jieħu ħsieb il-proġett tal-Connections, u dan il-lift jifforma parti mill-proposta li għamel dan il-konsorzju lill-Gvern. Għalhekk jekk id-diskussjonijiet ma' dan il-konsorzju jkunu pożittivi, il-lift isir bħala parti mill-proġett tal-Connections.
Leg 9 PQ #38079 Sitting 853 2003-01-20 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għal Għawdex

Katamaran — Servizz mill-Birgu għall-Imġarr Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Katamaran huwiex se jaħdem ukoll mix-xatt tal-Birgu, Malta sa l-Imġarr Għawdex? Ma taħsibx il-Ministru li mossa bħal din tiftaħ ċaqliq ekonomiku l-iżjed meta jkun hemm il-Monti f'Bormla?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill­Onor. Interpellant jindirizza l­mistoqsija lill­Ministru kkonċernat.