Legislature:
Category:
Reset
Active:

Day centres għall-persuni b'diżabilita'

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn hemm il-ħsieb li jinfetħu day centres għall-persuni b'diżabilita'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għad ma tteħditx deċizzjoni dwar fejn se jinfetħu day centres ġodda għall-persuni b'diżabilita'.

Mellieħa — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq id-dar ta' l-anzjani tal-Mellieħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq id-dar ta' l-Anzjani tal-Mellieħa għadu ma nbediex peress li għadhom għaddejja diskussjonijiet mal-MEPA.

Djar ta' l-anzjani tal-privat — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qegħdin jingħataw flus f'sussidju għal djar ta' l-anzjani tal-privat, dar dar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Huma żewġ operaturi li fil-preżent qed joffru dan is-servizz. L-ammont li jitħallsu fix-xahar jistgħu jvarjaw skond in-numru ta' sodod okkupati. Ninsab infurmat li f'Marzu ta, din is-sena Care Services ( operatur ta' Casa Serena) tħallas Lm6,347 u Care Malta (operatur ta' Villa Messina u Casa Arkati) tħallas Lm13,080.

Kunsilli lokali — Bini ta' uffiċini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli li talbu li ssir laqgħa biex isir self ta' flus biex ikunu jistgħu jibnu uffiċini tal-kunsilli ġodda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali għandu applikazzjoni mingħand il-Kunsill Lokali taż-Żejtun biex dan ikun jista' jieħu self ta' flus biex ikun jista' jixtri l-fond li qed jintuża bħala l-uffiċċju amministrattiv tal-Kunsill u li bħalissa qiegħed b'kera. Din l-applikazzjoni qed tiġi pproċessata.

Persuni b'diżabilita'

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' li applikaw biex jidħlu f'xi home għal dawn il-persuni minn Jannar 2004 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mill-bidu ta' din is-sena sat-28 ta' April l-Aġenzija Sapport irċeviet 24 talba għal servizz residenzjali għal persuni b'diżabilita'.

SVPR — Swali mingħajr air condition

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-swali f'St. Vincent de Paule li dwarhom hemm talba mill-pazjenti għall-air condition?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-amministrazzjoni tieħu ħsieb li fejn ikun hemm bżonn, waqt li jkun qed isir refurbishment tas-sala tiġi nstallata sistema ta' air-conditioning. Madankollu din is-sena d-Dipartiment beda proċeduri biex jiġu nstallati sistemi ġodda ta' air-conditionig fi swali fejn hemm bżonn anke jekk mhux previst li jsir refurbishment għalissa.

OPM — Ħaddiema li ngħataw transfer

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru transfers mill-ewwel tas-sena 2004 sal-lum fid-dipartimenti kollha tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ “transfers” li saru mill-1 ta’ Jannar, 2004 sas-27 ta’ April, 2004 bejn Ministeru u ieħor u li ġew approvati mill-“Management and Personnel Office” huwa 241. Minn dan in-numru, 185 “transfer” kienu ta’ impjegati tas-sezzjoni tal-“Parks and Landscapes” li mxiet mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura għall-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u 11 oħra huma mpjegati residenti Għawdex li minn Malta ngħataw xogħol Għawdex li qabel kien isir Malta. Kien hemm ukoll tliet “transfers” oħra li ġew approvati bejn dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. “Transfers” li jsiru bejn dipartimenti li jaqgħu taħt Ministeri oħra, jiġu approvati mis-Segretarju Permanenti rispettiv u l-Onorevoli Interpellant huwa mistieden jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.

Awtorita' tad-djar — Każ ta' housing

Question

Tista' il-Ministru tara fiex wasal il-każ ta' housing ta' familja b'żewġt itfal li joqogħdu f'garaxx u li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta' l-identita' ndikat mill-Onor. Interpellant ma jappartjenix lill-persuna ndikata. Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ma għandiex applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-każ tal-persuna li għandha n-numru ta' l-identita' indikat minnhu, ninsab infurmata li l-applikazzjoni tagħha qed tiġi kkunsidrata.

Dipartiment tas-sigurta' soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li l-każ ta' pensjonant tad-Dockyard li qiegħed jilmenta dwar pensjoni jiġi avviċinat mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali minħabba l-problema li għandu fuq il-pensjoni tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha. Jekk fadlilha xi diffikulta' nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtiha parir tirrikorri fl-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali tal-belt jew raħal tagħha.

Raħal Ġdid — Triq Cospicua - bozoz

Question

Jista' il-Ministru jara li l-bozoz li twaħħlu fi Triq Cospicua Raħal Ġdid jinżebgħu peress li huma kollha msadda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jgħaddi din il-mistoqsija lill-ministru konċernat.

Servizz Pubbliku — Skrivani

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għaddew nies għal skrivani mal-gvern? Kemm daħlu? Meta se jidħlu u kemm beħsiebu jdaħħal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ kandidati li għaddew għall-post ta’ Skrivani fis-Servizz Pubbliku huwa ħames mija u ħamsa u erbgħin (545). Minn dawn sa issa bdew jaħdmu erbgħa u sebgħin (74). Ingaġġ aktar ta’ skrivani jsir meta jkun il-bżonn skond il-ħtiġijiet tas-Servizz.

Forzi Armata — Każ dwar tir ta' pistola tas-servizz

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ittieħdux passi dixxiplinarji dwar il-każ li seħħ fid-9 ta' Jannar 2004 għal ħabta ta' l-3.45 p.m. meta minn uffiċċju ta' uffiċjal fir-Revenue Security Corps instema' tir ta' pistola tas-servizz, liema ħoss instema' sew mill-uffiċċju tal-brigadier kif ukoll minn dawk li kienu fis-Second Regiment u fl-inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li minn investigazzjonijiet li saru xniegħat li kien hemm sparatura ma ġewx ikkonfermati.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar cheque tal-pensjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ċ-cheque tal-pensjoni ta' anzjan jibda joħroġ fuq isem ir-raġel biss peress li l-mara ilha mejta ħames snin? Id-dettalji taċ-ċertifikat tal-mewt tal-mara qed jintbagħtu separatament.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment konċernat għamel ir-retifika meħtieġa.

Sigurta' Soċjali — Persuna li tirrikjedi home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tingħata l-home help il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fi bżonn kbir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata applikat għal servizz tal-Home Help fil-21 t’Ottubru 2003 u l-każ tagħha qed jiġi kkonsidrat.

Awtoritajiet ġudizzjarji — Rikjesti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm rikjesti għall-estradizzjonijiet minn gvernijiet barranin lill-Gvern ta' Malta għas-snin 2001, 2002, 2003 u 2004? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji? Min kienu l-persuni nvoluti? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew milqugħa mill-awtoritajiet ġudizzjarji u min kienu l-persuni nvoluti? Kemm minn dawn ir-rikjesti ma ġewx riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji għaliex ġew miċħuda mill-ewwel fuq livell ta' ministeru u min kienu l-persuni nvoluti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-2001 u l-2004 kien hemm it-talbiet għal estradizzjoni kif ġej: 2001 - 6 2002 - 5 2003 - 1 2004 - nil Minn dawn 9 ġew riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Mit-12-il rikjesta, 1 dwar Romeo Bone għadha pendenti quddiem il-Qorti; Waħda dwar Al Sous Mohammed El ma ġietx riferita lill-Qorti għax ma ingħatatx l-informazzjoni korretta; Waħda dwar Ronald Alan Grecula ma ġietx riferita għaliex ir-reat li dwaru intalbet ma kienx wieħed ta' estradizzjoni; Tlett persuni aċċettaw li jmorru lura fil-pajjiż fejn intalbu volontarjament dawn huma: Hamadi Bouyahia, Louigi Bussi u Dennis Taylor Buchan, dan ta' l-aħħar wara li tressaq il-Qorti. Barra Bouchan u Bone fuq imsemmija ġew imressqa l-Qorti u ingħatat l-estradizzjoni mill-Qorti fil-każ ta' Ronald Agius, Sheikh Turab Ahmed, Fatiha Khallouf, Raymond Gauci, Anthony Bartolo u George Cauchi.