Jista’ l-Ministru jara li ssir home visit lill-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ma għandha ebda applikazzjoni jew talba pendenti mad-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunita’.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward meters tad-dawl?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ilment ġie mistħarreġ u jirriżulta li kienet meħtieġa gwida tal-proċeduri li jirrigwardaw it-trasferiment tal-kont. Din l-għajnuna ingħatat b’mod dettaljat.
Jista’ l-Ministru jara li jiġi vverifikat każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward ħruġ ta’ ċertifikat?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, ċ-ċertifikat li qed issir referenza għalih fil-mistoqsija parlamentari kien ingħata lill-persuna msemmija, għall-ħabta ta’ Novembru 2015, flimkien mal-kumplament tal–istaff li ċ-ċertifikati tagħhom kienu għadhom ma waslux.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward kontijiet tad-dawl li hemm diskrepanza fihom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara li saru diversi evalwazzjonijiet tal-każ u wara li ġie ttestjat l-arloġġ tad-dawl, irriżulta li l-kontijiet mibgħuta kienu bbażati fuq qari korrett. Jidher li sar xi tibdil f’numru ta’ appliances qodma u dan qed jirriżulta f’konsum inqas fil-preżent.
Jista’ l-Ministru jara f’liema stat tinsab Triq San Leonardu, ix-Xgħajra li hija mkissra u b’ħafna ħofor u li qed tkun ta’ inkonvenjent għar-residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm din it-triq ma taqax taħt ir-responabilta’ tal-Ministeru tiegħi ,xorta waħda saret spezzjoni mill-uffiċjali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura fit-triq imsemmija u ser jittieħdu l-passi sabiex isiru t-tiswijiet meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ mal-ARMS Ltd?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ ġie mistħarreġ u l-problema ġiet individwata. Ittieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi rimedjata is-sitwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18191 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm persuni li qed jieħdu l-pensjoni mit-teżor?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninsab infurmat illi sax-xahar ta’ Ottubru 2015, in-numru ta’ persuni li jieħdu l-Pensjoni mit-Teżor huwa ta’ 14,783.
Jista’ l-Ministru jinvestiga l-każ ta’ anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jinsab f’home u qed issir talba biex ikun trasferit għar-residenza SVPR?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ mal-PAHRO?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Skont il-policy preżenti, ir-“Re-employment and Re-instatment Committee” (RRC) daħħal lill-persuna msemmija fl-aħħar ħatra li kellha qabel ma rriżenjat mis-Servizz Pubbliku, jiġifieri ta’ Supply Learning Support Assistant.
Minħabba li qabel irriżenjat kienet għamlet iktar minn erba’ snin f’din il-ħatra definita, ittieħdu l-mi¿uri meħtieġa mal-Kummisjoni dwar is-Servizz Pubbliku u sussegwentament ingħatatilha l-ħatra fuq bażi indefinita li kienet intitolata għaliha.
Jista’ l-Ministru jara li jiġi vverifikat każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, rigward xiri ta’ proprjetà tal-Gvern?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-appartamenti maħruġa għall-bejgħ fit-triq u l-lokalita’ li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat, huma kollha allokati u għalhekk m’hemm l-ebda post battal.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li jieħdu pensjoni talli jduru bil-ġenituri jew persuna b’diżabilità u wara li mietu mhux qed jieħdu l-pensjoni talli daru bihom mis-sena 2000 sal-lum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma jżommx din it-tip ta’ informazzjoni rikjesta mill-Onor. Interpellant.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, meta persuna tkun qed tibbenifika mill-Pensjoni tal-Wens, u l-pazjent jiġi nieqes, il-pensjoni tieqaf u l-individwu jkun irid, jew imur jirreġistra u japplika għall-Għajnuna Soċjali, jekk ikun taħt l-età tal-pensjoni, jew inkella japplika għall-pensjoni mhux kontributorja jekk ikollu l-età, jew għall-pensjoni kontributorja jekk ikollu biżżejjed kontribuzzjonijiet.
Sabiex persuna tkun ikkunsidrata bħala eleġibbli għall-benefiċċji mhux kontributorji, trid l-ewwel tissodisfa t-test tal-mezzi. Ikun hemm każi fejn wara li jiġi nieqes il-pazjent, il-benefiċjarju jiret u għal din ir-raġuni, jista’ ma jkunx intitolat aktar għall-benefiċċji mhux kontributorji.