Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — Transfers

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Lulju 2004 s'issa, in-numru ta' transfers li nħarġu mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-Dekasteru tal-Ġustizzja u l-Intern kien ta' 7. Minnhom, 2 saru fuq talba tal-persuni ikkonċernati u 2 għax il-persuni ikkonċernati ħadu appointment ma' Dipartiment ieħor tal-Gvern. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu kien hemm 37 membru tal-Korp tal-Pulizija li tbiddlilhom ix-xogħol tagħhom fid-diversi sezzjonijiet tal-Korp. Minn dawn, 24 għax ingħataw promozzjoni għall-grad ta' surġent. Kif diġa' kelli okkażżjoni li ngħid fi tweġibiet preċedenti dwar dan is-suġġett, it-transfers isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ġeneralment it-transfer ikun sar fuq talba ta' l-individwu approvata mid-Dipartiment konċernati.
Leg 10 PQ #8283 Sitting 178 2004-10-27 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Luju 2004 sal-lum?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ma jirriżultalhiex li ngħataw ebda transfers mill-Ministeru tiegħi mill-1 ta' Lulju 2004 sa' llum.
Leg 10 PQ #8284 Sitting 178 2004-10-27 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ministeru għat-Turiżmu u Kultura — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum kien hemm b'kollox 6 transfers. Ħamsa minnhom saru jew fuq talba tal-persuna konċernata, jew għax ħadu promozzjoni, jew għax ġew redeployed. Fil-każ l-ieħor għalliem li kien misluf liċ-Ċentru Malti għar-Restawr reġa mar lura id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.

Ministeru għall-Kompetittivita' — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant

Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li n-numru ta' transfers li ngħataw fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sa llum huwa tnejn u għoxrin (22). Dawn it-transfers seħħew skond l-esiġenzi tas-servizz jew fuq talba ta' l-individwi nfushom.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li tinħareġ il-pensjoni tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li spiċċat mix-xogħol fit-22/9/04 u sal-lum għadha ma rċeviet xejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Sta. Luċija — Appartamenti tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tara li d-dawl qrib il-flats Maria Domenici f'Sta. Luċija jinxtegħel għax ilu ma jixgħel għal xhur sħaħ u wkoll tittieħed azzjoni biex l-istess flats ma jibqgħux fl-istat ta' abbandun li jinsabu fih bħalissa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8099 f'Seduta Nru. 174.

Ħal Ferħ Complex — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7727 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' jgħid jekk sarux xi laqgħat dwar il-futur tal-ħaddiema ta' Ħal Ferħ Complex f'Għajn Tuffieħa? Jekk iva, ma min saru l-laqgħat u x'inhu l-futur tal-ħaddiema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Tarxien — Toroq - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir it-tarmac fi Triq il-Kurunell Mass u Triq 25 ta' Marzu ġewwa Ħal Tarxien peress li jinsabu fi stat diżastruż?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-Twegiba tingħata f'seduta oħra.

Raħal Ġdid

Question

Tista' il-Ministru tara għaliex fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament qed jidħol l-ilma minn shaft u kull darba jaqta' id-dawl?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar għall-ispezzjoni meħtieġa.

Persuni b'diżabilita' — Ċentri ta' matul il-jum

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7977 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jgħid fejn hemm il-ħsieb li jinfetħu day centres għall-persuni b'diżabilita'?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fil-preżent għandna 9 ċentri ta' taħriġ fejn persuni b'diżabilita' jattendu kuljum. Għalissa m'hemmx il-ħsieb li jinfetħu Day Centres għal persuni b'diżabilita'.

Djar ta' l-anzjani — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fid-djar ta' l-anzjani u x'inhu l-grad tagħhom? Kemm hemm persuni li huma bil-kuntratt, x'inhu xogħolhom u kemm jitħallsu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar — Plot fi stat ta' abbandun

Question

Tista' il-Ministru tara li tittieħed azzjoni sabiex il-plot - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ma jibqax fl-istat ta' mistħija li jinsab fih peress li huwa abbandunat, perikoluż u b'soqfa sporġuti? Tista' is-sitwazzjoni tiġi rimedjata anke għaliex peress li qrib il-hypogeum mhux l-ewwel darba li turisti waqfu jieħdu ritratti ta' dan il-plot?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-plot indikat hu tal-privat. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-periklu.

Djar — Bini ta' ċint f'art tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittella' ċint f'art (plot tal-gvern) li jinsab fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bdew il-proċeduri sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-plot li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Għalhekk ma jkunx opportun li jsiru spejjeż sabiex jinbena ħajt madwar il-plot f'dan l-istadju.

Ħal Tarxien — Triq il-Madonna tad-Dutrina

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir it-tarmac fi Triq il-Madonna tad-Dutrina, f'Ħal Tarxien peress li din taqa' taħt il-gvern ċentrali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport qed tipprepara programm għal asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u xogħol fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw min dan il-programm. Sadanittant il-periti ta' l-Awtorita sejrin imorru jagħmlu survey ta' l-area.

Ħal Tarxien — Triq Anġlu Mangion

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir il-ġibjun u t-tarmac fi Triq Anġlu Mangion, f'Ħal Tarxien?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport qed tipprepara programm għal asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u xogħol fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw min dan il-programm. Sadanittant il-periti ta' l-Awtorita sejrin imorru jagħmlu survey ta' l-area.

Sussidju fuq servizz tat-telephone

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7728 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u cioe' jista' jgħid jekk huwiex minnu li s-sussidju fuq it-telephone għall-anzjani li għandhom il-kartuna r-roża qiegħed jingħata biss għal 5,000 anzjan? Din il-policy kienet minn dejjem jew ġiet imposta issa? Jista' jgħid meta ġiet imposta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-PQ 1130.