Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — Anzjani li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl bejn l-1 ta' Jannar 2004 u l-15 ta' Novembru 2004 u kemm hemm anzjani li ntbagħtitilhom notice li se jinqatgħalhom is-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li r-records tal-kontijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma jindikawx l-etajiet ta' l-"account holders". Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Anzjani — Servizz ta' homehelp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qegħdin jistennew is-servizz tal-homehelp u kemm ilhom li applikaw?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament in-numru ta' applikazzjonijiet li l-Bord ta' l-Allokazzjoni għad irid jikkunsidra huwa ta'13. Il-Bord irċieva dawn l-applikazzjonijiet fix-xahar ta' Novembru wara li sar is-Social Worker Assessment. Dawn it-tlettax -il każ applikaw għas-servizz f'Ottubru 2004. 54 -il każ ġew approvati mill-Bord iżda għadhom qed jistennew li jirċievu s-servizz. Dawn applikaw f'Settembru u Ottubru 2004. Barra minn hekk, għad hemm 40 każ għall-assessment għand is-social workers. Dawn applikaw f'Ottubru u Novembru 2004.

Anzjani — Benefiċċju taħt schedule V

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew it-tiġdid tal-benefiċċju taħt schedule V li l-applikazzjoni relattiva hija għas-sena 2004?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika jekk hux qed jirreferi għal benefiċċji fl-Ewwel jew fit-Tieni Parti ta' l-iSkeda V tal-Att dwar dwar is-Sigurta' Soċjali. L-ewwel parti tirrigwarda għajnuna finanzjarja dwar mard u t-tieni parti tirrigwarda l-għoti ta' mediċini b'xejn.

Biċċerija — Ħmieġ

Question

Jista' il-Ministru jara li ma jitkompliex joħroġ il-ħmieġ il-biċċerija f'Albert Town, il-Marsa? X'rimedju se jieħu l-gvern? X'sar s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Anzjani — Kartuna r-roża

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm anzjani li nqatgħalhom il-benefiċċju tal-kartuna r-roża għax qabżu s-somma stipulata għas-sena 2004?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta' anzjani li matul din is-sena ma baqgħux intitolati għall-karta r-roża għax ma kienux jissodisfaw aktar it-test tal-mezzi stipulat fl-Att dwar is-Sigurta Soċjali, kien ta' 106.

Djar ta' l-anzjani — White paper

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata l-white paper fuq id-djar ta' l-anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar xogħol preparatorju fuq il-linji gwida eżistenti fejn jirrigwardjaw id-djar ta' l-anzjani u dan ix-xogħol qed jiġi studjat internament.

Pulizija — Persuni li mietu b'overdose ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid minn kemm ilha tinżamm l-istatistika, possibbilment mill-1980 'il hawn, kemm-il persuna mietet b'overdose ta' droga, kemm kellhom eta' u minn liema lokalita' kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

SVPR — Anzjani residenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani fl-SVPR f'din l-aħħar sena? Kemm kellhom eta' u minn liema lokalita' kienu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' anzjani li daħlu f'San Vinċenz mill-1 ta' Jannar sa 10 ta' Novembru 2004 huwa ta' 250. L-informazzjoni dwar eta' u lokalita' ta dawn ir-residenti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid — Zabbar Road - Water Culvert

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir water culvert aktar kbir u li jlaħħaq mal-volum ta' ilma li jinżel fi Triq Zabbar, Paola, ħdejn Pjazza Lorry Sant?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed isir studju taż-żona imsemmija biex din il-problema tissolva.

Anzjana — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Ministru jara li anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tieħu l-home help, liema servizz ilha li applikat għalih ħames snin sħaħ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nininforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjana applikat l-ewwel darba għas-servizz tal-Home Help fis-7 ta' Ottubru 2003. Il-Bord ta' Allokazzjoni ta' l-Għajnuna fid-Dar kien ikkunsidra din l-applikazzjoni fit-12 ta' Novembru 2003 fejn ikkonkluda li ma kienx hemm urġenza għas-servizz. Din l-anzjana reġgħet applikat għal dan is-servizz fil-14 ta' April 2004. Il-Bord reġa' ikkunsidra din l-applikazzjoni fit-22 ta' Settembru 2004, u ħa inkonsiderazzjoni r-rapporti magħmula mis-Social Worker u dak mediku. Ir-rapport tas-Social Worker indika ċar li din l-anzjana għalkemm għandha 70 sena hija kompletament indipendenti fl-activities of daily living. Barra minn hekk, ir-rapport mediku wera l-istess indikazzjonijiet li din l-anzjana hija ndipendenti u ma tbati minn l-ebda mard serju. Għaldaqstant, il-Bord ta' Allokazzjoni ta l-Għajnuna fid-Dar meta ikkunsidra dawn ir-rakkomandazzjonijiet iddeċieda li għalissa ma kienx hemm urġenza biex jingħata dan is-servizz. Madankollu, il-Bord jerġa' jikkunsidra din l-applikazzjoni jekk iċ-ċirkustanzi ta' din l-anzjana jinbiddlu.

SVPR — Anzjan residenti

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex il-kura ta' terapista meħtieġa mill-anzjan - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li jinsab residenti f'San Vinċenz de Paule twaqqfet u ilha aktar minn tmien xhur ma tingħata? Jista' ukoll jara għaliex l-apparat li bih jintrefa' dan il-pazjent ilu bil-ħsara għal xi żmien u baqa' ma tranġax?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li r-resident imsemmi mhux qed jingħata kura ta' terapista għaliex il-kundizzjoni tiegħu mhux qed tħallih jirrispondi għal din il-kura. Dan ġie deċiż b'konsultazzjoni mat-tobba tas-sala u l-familjari tiegħu ġew infurmati dwar dan. Madankollu r-resident għadu jiġi monitored regolarment u mogħti attenzjoni personali meta jkollu chest infections li dan l-aħħar qed ikunu spissi. Ma hemm l-ebda apparat li bih jintrefgħu l-pazjenti li hu bil-ħsara.

Awtorita' tad-Djar — Każ dwar anzjana

Question

Tista' il-Ministru tara li jiġi nvestigat il-każ ta' persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li ma ħaditx il-flus kollha mill-awtorita' tad-djar? Tista' din l-anzjana tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar approvat somma biex il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant tagħmel xogħol kemm ta' bdil ta' madum kif ukoll ta' rranġar ta' twieqi. Fil-fatt din il-persuna ddeċidiet li ma tibdilx il-madum u għalhekk is-somma mogħtija tkopri biss dik approvata għall-irranġar tat-twieqi.

SVPR — Menu ta' l-ikel

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-menu ta' l-ikel offrut lill-anzjani ġewwa l-SVPR għas-snin 2003, 2004 u 2005?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi sottomess il-menu ta' din is-sena u qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-differenza għas-sena 2003 u 2005 hi biss fil-ġranet u mhux fil-kontenut.