Legislature:
Category:
Reset
Active:

SVPR

Question

Jista' il-Ministru jara li jitmexxa 'l quddiem il-każ ta' anzjan - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li jinsab fil-wheelchair u li ilu jistenna biex jidħol SVPR?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata tinsab rikoverata ġewwa l-isptar San Luqa. L-Admissions Board se jevalwa l-urġenza tal-każ.

WSC/Enemalta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 9285 u 9480 u cioe' jara jekk hemmx xi żbalji fuq il-kont tad-dawl u l-ilma li qed jintbagħat separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fil-kont imsemmi ma jidhirx li hemm żbalji. Il-bilanċ tal-kont ġie żero għaliex il-konsumatur hu reġistrat bħala wieħed dipendenti fuq is-servizzi soċjali. Dawn ma jħallsux kera ta' l-arloġġi u l-konsum li uża huwa b'xejn għax normalment hu inkluż fil-kiri tal-meters.

Raħal Ġdid — Wire tad-Dawl

Question

Jista' il-Ministru jara li jitneħħa wire tad-dawl li jinsab ma' residenza privata - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - peress li jinsab fi stat perikolu u mhux protett bil-plastic?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li minn investigazzjoni li saret ma jirriżultax illi l-wire imsemmi huwa ta' periklu.

Djar — Raħal Ġdid - Manutenzjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li tiġi rranġata l-bitħa ta' l-entratura tal-Flats fi Block 2, Scheme 2, Paola Hilla, Paola, jiġi mbajjad il-ħajt u jitpoġġew xi qsari u jsir ukoll xi madum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtiega.

Marsa — Tqassim ta' Ħalib

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 9032 u 9306 u cioe' jara li jitwassal il-ħalib, kif kien jitwassal is-soltu, ġewwa Albert Town fil-Marsa? Jista' jara għaliex dan mhux qed jitwassal?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi ghat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru.9030.

Raħal Ġdid — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux qed issir ħsara fl-iskola primarja ta' Raħal Ġdid bid-dħul ta' l-ilma tax-xita kull meta jkun hemm maltempata? Jista' jinforma lil din il-Kamra x'sar is-sena l-oħra u din is-sena biex din il-ħsara ma tkomplix isseħħ fil-konkos tas-soqfa u fis-suffetti (tas-sala u tat-taraġ)?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħsara li kien hemm fil-membrane tal-bejt issewwiet għas-sodisfazzjon ta' l-iskola.

Djar — Appartament tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' lift f'appartament - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - peress li wieħed mill-inkwilini għandu diżabilita'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni taħt Skema V għal stallar ta' lift fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitmexxa każ ta' file li jinsab il-Lands Department - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara li saret sejħa għall-offerti fil-każ indikat mill-Onor. Membru, fid-29 ta' Novembru 2004 ħarġet l-ittra li biha ġiet aċċettata l-unika offerta.

Reserved parking

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir ir-reserved parking space li l-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ilha li applikat għalih ix-xhur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Min riċerka li saret fir-records tat-Direttorat tal-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li ma hemm l-ebda applikazzjoni għal reserved parking for disabled mill-persuna kkonċernata.

Biċċerija — Ħmieġ

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9031, jikkonferma l-Ministru li ħiereġ ilma maħmuġ u jinten fil-biċċerija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma jidhirx li hemm xi problemi ta' sadd fid-drainage system, u għalhekk ma nistax nifhem kif seta’niżel ilma maħmuġ u jinten f'Albertown.

San Ġiljan — Triq Santu Wistin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9050 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informatika u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jinxtegħlu r-red bollards li hemm quddiem ir-restaurant Nero fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan? Jista' jara wkoll li jinxtegħlu d-dwal li jinsabu fl-istess triq u li jara li jitwaħħlu litter bins f'dik l-area anke għaliex hija area turistika?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar relief

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' familja - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li applikat għar-relief għax m'għandha l-ebda dħul ieħor u tinsab fi tbatija finanzjarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Marsa — Tqassim ta' ħalib

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 9032 u cioe' jista' jara li jitwassal il-ħalib, kif kien jitwassal is-soltu, ġewwa Albert Town fil-Marsa? Jista' jara għaliex dan mhux qed jitwassal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tinġħata f'xi seduta oħra.

San Ġiljan — Triq Santu Wistin - dawl

Question

Jista' il-Ministru jara li jinxtegħlu r-red bollards li hemm quddiem ir-restaurant Nero fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan? Jista' jara wkoll li jinxtegħlu d-dwal li jinsabu fl-istess triq u li jara li jitwaħħlu litter bins f'dik l-area anke għaliex hija area turistika?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li id-dwal li qiegħda ssir referenza għallihom ma humiex responsabilita' ta' l-Enemalta.