Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC/Enemalta/Maltacom

Question

Jista' il-Ministru jispjega lil din il-Kamra x'tip ta' kordinazzjoni teżisti bejn il-korporazzjonijiet għas-servizzi pubbliċi (korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, korporazzjoni Enemalta u l-Maltacom) u d-dipartiment tat-toroq biex ikun hemm sens fl-immaniġjar tas-servizzi u t-toroq ta' pajjiżna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Impjanti tar-reverse osmosis — Livell ta' fluoride fl-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qed ikun il-livell ta' fluoride fl-ilma li ħiereġ mill-impjanti tar-reverse osmosis? Jista' jgħid kemm hu l-livell ta' fluoride fl-ilma li qed jixorbu n-nies mill-vit? Ġie diskuss xi ħsieb li jiġi miżjud fluoride ma' l-ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-aħħar riżultat ta' analiżi ta' livell ta' fluoride fl-ilma li ħiereġ mill-impjant tar-reverse osmosis hu ta' inqas minn 0.1 mg/l. Il-livel ta' flouride fl-ilma tax-xorb fid-diversi lokalitajiet kif jirriżulta mill-aħħar analiżi li sar fi Frar 2005 hu kif muri fit-tabella li ser nqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra. It-tweġiba għall-aħħar parti tal-mistoqsija hi fin-negattiv.

Enemalta — Qtugħ ta' dawl

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10430, ninforma lill-Ministru li d-dawl li se jinqata' huwa tal-komun tal-lift u d-dawl komuni fil-flats.

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li dan il-post għandu żewġ accounts li jappartjenu għall-parti tal-komun. Wieħed minnhom jirreferi biss għall-parti tad-dwal meta l-ieħor jappartjeni biss għall-lift. L-account li jappartjeni l-lift għandu kont pendenti ta' Lm1,372. Sadanittant minn Novembru '96 qatt ma saru pagamenti fuq dan l-account u għalhekk huwa kien immarkat għas-sospensjoni.

WSC — Kampanja għal użu aħjar ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qiegħda ssir xi kampanja biex il-poplu jara kif jagħmel l-aħjar użu ta' ilma u ma jaħlihx jew jużah ħażin? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti sinteżi ta' x'qiegħed isir?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mhix qed tagħmel xi kampanja speċifika bl-iskop li semma' l-Onor. Interpellant. Madankollu l-KSI għandha sezzjoni speċifika fuq il-web-site tagħha ddedikata għal dan il-għan. Barra minn hekk, ikunu organiżżati regolarment żjarat ta' tfal minn diversi skejjel, kemm tal-Gvern u oħrajn, fl-impjant tal-RO f'Pembroke, il-mini (galleries) f'Ta' Kandja u t-Theme Park f'Ħal-Luqa. Dawn iż-żjarat huma intiżi biex, bħala parti mill-edukazzjoni tagħhom, it-tfal isiru konxji tal-bżonn tal-konservazzjoni ta' l-Ilma.

Sptar Zammit Clapp — Membri tal-bord

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi ħlasijiet jew onorarja qed jingħataw lill-membri tal-bord il-ġdid ta' l-isptar Zammit Clapp?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ċ-Chairman jingħata onorarja ta' Lm3,000 per annum. Il-membri l-oħra jingħataw ononarja ta' Lm1,000 per annum .

WSC/Enemalta/Maltacom — Taxxa tal-VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif it-taxxa tal-VAT se taffettwa lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma u l-korporazzjoni Enemalta u kif se taffettwa lill-konsumatur? Jista' jgħid kif se tiġi affettwata l-Maltacom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

WSC — Konsum ta' ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-average consumption ta' l-ilma f'metri kubi, ta' households: b'a) membru wieħed; b) żewġ membri; c) bi tleita; d) b'erbgħa; e) b'ħamsa; u f) b'sitta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-informazzjoni li talab l-Interpallant hija kif ġej: Numru ta' persuni fil-households Average daily metri kubi (kuljum) 1 0.09 2 0.16 3 0.24 4 0.30 5 0.36 6 0.42 Dawn il-figuri huma bbażati fuq konsum tal-2003 u 2004.

Enemalta — Prezz taż-żejt

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz taż-żejt użat mill-korporazzjoni Enemalta f'Novembru 1997 qabel il-budget? Kemm kien il-prezz taż-żejt użat mill-korporazzjoni Enemalta f'Novembru 1998? Kemm iffrankat il-korporazzjoni bħala riżultat imprevidibbli tar-roħs fil-prezz taż-żejt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Storm water master plan

Question

Jista' il-Minsitru jgħid fiex wasal ix-xogħol li kien inbeda mill-amministrazzjoni preċedenti dwar il-kontroll ta' l-ilma tax-xita msejjaħ storm water master plan?

Response (GATT, AUSTIN)

L-amministrazzjoni preċedenti onorat il-kuntratt li kien ingħata mill-amministrazzjoni Laburista 1996-98 lil konsulent biex ifassal Stormwater Master Plan. Dan ix-xogħol wassal biex ikun hemm computer modelling tal-widien u l-inħawi suxxettibli għall-għargħar kollha f'Malta u Għawdex.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jispjega lill-Kamra x'tip ta' kordinazzjoni teżsiti bejn id-dipartiment tat-toroq u l-korporazzjonijiet tas-servizzi pubbliċi - il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, l-Enemalta u l-Maltacom - biex ikun hemm sens fl-immaniġjar tat-toroq ta' pajjiżna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi il-kordinazzjoni li ssir fil-permessi biex isir xogħol fit-toroq hi billi l-applikazzjoni tiġi mibgħuta lill-Entitajiet konċernati biex dawn jispeċifikaw l-kundizzjonijiet u jagħmlu r-rimarki tagħhom fuq dik it-triq partikulari li se jsir ix-xogħol fiha. Dawn il-kundizzjonijiet u/jew rimarki jiġu mittifsa fil-permess meta dan jiġi approvat. Minbarra hekk, qabel kull proġett li jkun ser jiġi eżegwit, id-Direttorat javża lill-entitajiet konċernati bix-xogħol li jkun ser isir sabiex kull tip ta’ xogħol li jkollhom fil-pjanijiet tagħhom fit-triq partikulari isir qabel jew waqt il-kostruzzjoni. Skond in-natura u l-iskala tal-pjanijiet proposti mill-istess entitajiet, id-Direttorat ihejji id-disinji meħtieġa. Dawn id-disinji jindirizzaw kif l-infrastruttura tiġi mgħoddija taħt l-art fil-forma ta’ kanali mdaqqsa skond l-eżigenzi u kwistjoni, tubi biex jingħaddu cables minn ġo fihom jew trinek illinjati skond l-istudju stransversjali li jkunu saru qabel ma titħaffer it-triq. Meta dawn il-pjanijiet ikunu finalizzati, u jibda l-proċess tal-kostruzzjoni, isiru wkoll diversi laqgħat ma’ rapreżentanti tekniċi ta’ kull entita konċernata sabiex ikun diskuss mall-kuntratturi tax-xogħol kif għandhom jiġu eżegwiti id-dettalji tal-kostruzzjoni. Dawn id-disinji jiġu updated u dettaljati tul l-andament tax-xogħol u jkunu dettaljati tali li jirriflettu l-iskala u l-importanza tal-proġett.

Impjant ta' Sant'Antnin — Ilma tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie trattat ilma tad-drenaġġ mill-impjant ta' Sant'Antnin, sena b'sena minn mindu beda jaħdem? Kemm minn dan l-ilma ntuża u kemm intrema? Kemm hi mifruxa s-sistema ta' distribuzzjoni ta' dan l-ilma? Hemm ħsieb biex din titjib?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma li topera l-impjant tat-tisfija tad-dranaġġ ta' Sant Antnin. Madankollu, nista’ nżid li d-distribuzzjoni ta’ l-ilma li jidħol fil-ġibjun u li jservi għall-irrigazzjoni taqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ dan il-Ministeru. Iż-żona li tinqeda minn dan l-ilma trattat hija ta’ madwar 240 ettaru, li qegħdin fiż-Żejtun, Żabbar, Marsascala, Xgħajra u Marsaxlokk.

European Investment Bank

Question

Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li kien għamel Gvern Nazzjonalista preċedenti tal-European Investment Bank, meta biex jissellef flus għal użu partikolari, intalab li jdaħħal taxxa fuq id-drenaġġ? Billi issa jidher li din it-taxxa se tiġi rtirata, jista' jgħid x'se jiġri billi issa nkisru l-kondizzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta’ self li kien sar mal-Bank Ewropew għall-Investiment fil-15 ta’ Diċembru 1995 dwar il-Malta Sewerage Project II. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-self miftiehem mal-Bank Ewropew għall-Investiment qatt ma ntuża u l-gvern ma sofra ebda danni jew ħlasijiet.

WSC — Servizz ta' ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm klijenti jistennew is-servizz ta' l-ilma? Jista' jaqsamhom skond ir-raħal jew belt minn fejn ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li bħalissa , il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma għandha b'kollox 346 applikazzjoni għal-servizz tal-ilma ġdid. Dwar 48 minn dawn, il-Korporazzjoni qed tistenna il-ħlas jew il-ħlas addizzjonali mingħand l-applikant qabel ma jiġi nstallat is-servizz. Mill-298 li baqa', 69 minnhom għad jonqos li jiġi estiż il-main tal-ilma tat-triq qabel ma jista' jiġi nstallat is-servizz. Dan il-proċess jieħu madwar 4 sa 6 xhur. Il-kumplament tal-applikazzjonijiet, jiġifieri 229 normalment jiġu installati fi żmien xahar. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista ta' dawn l-applikazzjonijiet skond il-lokalita' tagħhom.

Power stations — Enerġija elettrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' units ta' enerġija elettrika li joħorġu mill-power stations tal-pajjiż u li eventwalment ħadd ma jħallas għalihom (unaccounted for units)? X'qiegħed isir biex dan it-telf għall-kumpannija jonqos?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat ta' li l-figura ta' 'Unaccounted For Units' hija 17.8% skond l-(Audited Accounts għas-sena li għalqet fit-30 ta' Settembru 2003). Il-Korporazzjoni Enemalta qed tieħu ħafna miżuri biex tnaqqas din il-figura fosthom aktar spezzjonijiet tal-meters u aktar kontrolli biex tkun ċerta li jonqsu żbalji fil-billing. Il-Korporazzjoni Enemalta qed tippjana li tintroduċi sistema ta' Automatic Meter Reading (AMR) fi żmien qasir biex tkompli tnaqqas mill-'Unaccounted For Units'.

Qasam ta' l-enerġija elettrika — Gas pipeline

Question

Billi hemm diskussjonijiet bejn l-Italja u l-Libja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline li jista' jkun ta' interess u benefiċċju għall-qasam ta' l-enerġija f'pajjiżna, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux jew kienx hemm xi attentat min-naħa tal-gvern biex forsi Malta tkun tista' tkun inkluża f'dan l-investiment?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.