Jista' il-Ministru jgħid jekk iċ-ċentru tas-saħħa ta' Raħal Ġdid hux se jsir f'xi post ieħor? Jista' jgħid fejn? X'se jsir fejn illum hemm dan iċ-ċentru tas-saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Għaddejjin diskussjonijiet rigward il-possibilita' li jinbena Ċentru tas-Saħħa ġdid ġewwa Raħal Ġdid, iżda sa issa ma hemm xejn konkluż.
Jista' il-Ministru jgħid meta se titlesta l-mina li kellhom jagħmlu l-Konsorzju MIDI ġewwa Tigne' f'Tas-Sliema? Kien hemm xi ftehim mill-gvern u l-MIDI meta għandha titlesta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Skond il-kuntratt bejn il-Gvern u il-MIDI ffirmat fil-15 ta’ Ġunju 2000 il-mina kellha titlesta erba' snin wara il-ħruġ tal-permess relattiv. Dan il-permess ġie maħruġ fit-23 ta’ Settembru 2004. Huwa ppjanat li din tkun lesta sa nofs 2007.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11248, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u cioe': Billi hemm diskussjonijiet bejn l-Italja u l-Libja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline li jista' jkun ta' interess u benefiċċju għall-qasam ta' l-enerġija f'pajjiżna, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux jew kienx hemm xi attentat min-naħa tal-gvern biex forsi Malta tkun tista' tkun inkluża f'dan l-investiment?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nitolbok tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11266 u cioe' jispjega lil din il-Kamra x'tip ta' kordinazzjoni teżisti bejn il-korporazzjonijiet għas-servizzi pubbliċi - korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, korporazzjoni Enemalta u l-Maltacom - u d-dipartiment tat-toroq biex ikun hemm sens fl-immaniġjar tas-servizzi u t-toroq ta' pajjiżna?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq li hu wkoll responsabbli għall-Awtorita' dwar it-Toroq.
Jista' il-Ministru jikkonferma li fl-iskola primarja Paola A tifel daħal fl-iskola b'sikkina ġol-basket? Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport dwar il-każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan il-każ ġara sitt xhur ilu fl-Iskola Primarja 'A' ta' Paola u li mill-ewwel ittieħdu l-passi meħtieġa mill-għalliema u l-kap ta' l-iskola konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fid-djar ta' l-anzjani u x'inhuwa l-grad tagħhom? Kemm hemm persuni li huma bil-kuntratt u x'inhu xogħolhom u kemm jitħallsu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk tqassmux figolli lill-anzjani fid-djar ta' l-anzjani? Jekk iva, kemm tqassmu u fejn? Min ħadimhom u kemm ġew jiswew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'kull Dar ta' l-Anzjani ġew mqassma l-figoli ħlief dik ta' l-Imtarfa fejn ir-residenti ngħataw cikkulatini.
In-numru ta' figolli li tqassmu hu kif ġej:
Imsida 64
Gżira 31
Mosta 68
Furjana 49
Dawn il-figolli nħadmu fl-Institute of Tourism Studies għall-prezz ta' 50c il-waħda.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeri kollha għas-sena 2004 u 2005? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġiet tiswa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġett flok il-ground Pace Grasso, f'Raħal Ġdid? Jekk iva, x'inhu? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti tal-proġett?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-proġett ta’ Pace Grasso jikkomprendi żvilupp mixed use b’numru ta’ faċilitajiet;
1. Sportivi
2. Residenzjali
3. Sheltered Housing
4. Uffiċini
5. Kummerċjali
6. Parkeġġ u garaxxijiet
7. Ċentru tas-Saħħa
Bħalissa il-pjanti ġew sottomessi il-Malta Environment and Planning Authority skond il-permess PA 5418/02. Minħabba li l-applikazzjoni għadha fi stadju ta’ appplikazzjoni u jista' jkun hemm modifiki, jkun jagħmel aktar sens li l-pjanti jkunu sottomessi wara li jinħareg il-permess.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq id-dar ta' l-anzjani tal-Mellieħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tad-Dar ta' l-Anzjani tal-Mellieħa, għalkemm għadu ma' nbediex strutturalment, xorta waħda hu miexi skond il-pjan previst. Nifhem li tapprezza li proġett ta' ċertu kobor jirrikjedi żmien ta' konsulenza u preparazzjoni kbira.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qegħdin jingħataw flus f'sussidju għal djar ta' l-anzjani tal-privat, dar dar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita' mhu qed jagħti l-ebda flus f'sussidju għal djar ta' l-anzjani tal-privat. Id-Dipartiment jikri numru ta' sodod, skond il-bżonn, fi djar ta' l-anzjani fil-privat u jħallas skond prezz stabbilit.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli li talbu li ssir laqgħa biex isir self ta' flus biex ikunu jistgħu jibnu uffiċini ġodda tal-kunsilli fis-sena 2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa d-Dipartiment għall-Gvern Lokali għandu ħames applikazzjonijiet minn Kunsilli Lokali biex jieħdu self mill-bank għal xiri jew bini ta' l-uffiċċju amministrattivi tagħhom. Il-Kunsilli Lokali huma dawn: Qormi, Dingli, Qala, Sannat u Xagħra.
Naturalment hemm proċess sħiħ li jrid isir qabel ma toħroġ l-approvazzjoni għal dan is-self li jrid isir ukoll bi ftehim mal-Ministru tal-Finanzi.
L-applikazzjonijiet ta' dawn il-Kunsilli Lokali qegħdin f'fażijiet differenti ta' dan il-proċess.
Tista' il-Ministru tara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fil-flats - dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - għaliex hemm bżonn li, fost affarijiet oħra, jitbajdu, jitranġa l-bieb tal-komun u jitwaħħlu l-bozoz?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid sa x'ħin jistgħu jibqgħu miftuħa l-clubs ġewwa Paceville? Jista' jgħid jekk hemmx xi permess speċjali li sidien ta' clubs ikunu jistgħu jibqgħu miftuħa aktar minn dan il-ħin? X'regolamenti jridu josservaw jekk ikun il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħala regola, bars, night clubs, diskoteki u postijiet oħra fejn isir iż-żfin, jistgħu jinżammu miftuħa kull ġurnata sas-1.00am. Dan il-ħin jista' jkun estiż sa l-4.00am. Ninsab infurmat ukoll illi kważi l-istabbilimenti kollha ta' din in-natura ġewwa Paċeville għandhom din l-estensjoni tal-ħin. Dawn l-istabbilimenti jridu josservaw ir-Regolamenti kollha li jirregolaw dan il-ġeneru ta' negozju, fosthom li ebda mużika ma għandha tindaqq bejn l-4.00am u d-9.00am.