Billi hemm diskussjonijiet bejn l-Italja u l-Libja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline li jista' jkun ta' interess u benefiċċju għall-qasam ta' l-enerġija f'pajjiżna, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux, jew kienx hemm xi attentat min-naħa tal-gvern, biex forsi Malta tkun tista' tkun inkluża f'dan l-investiment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma nafx li hemm diskussjonijiet bejn il-Libja, l-Italja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11970, jista' il-Ministru jikkonferma li qed nitkellmu fuq l-istess każ, peress li jien informat li dak li jirrigwarda l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament, ġara madwar xahrejn ilu? Jista' il-Ministru jinformana x'passi ttieħdu f'dan il-każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm ebda każ ieħor barra dak imsemmi fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11970.
Minn informazzjoni li għandi, l-isem li għadda l-Membru m'għandu xejn x'jaqsam mal-każ li ġara sitt xhur ilu fl-iskola Primarja 'A' ta' Raħal Ġdid.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11869 u jgħid kemm huwa l-prezz taż-żejt li huwa jixtri, xi kwalita' u xi kwantita' jixtri u minn liema pajjiż? Jista' jgħid jekk iż-żejt li jixtri jixtrihx huwa dirett? Jista' jgħid jekk hemmx xi ftehim ma' xi gvern barrani biex jixtri żejt bi prezz issussidjat? Jekk iva, ma' liema gvern issir id-deal? Hemm ħsieb li l-gvern jibda joħroġ b'tender ix-xiri taż-żejt?
Response (GATT, AUSTIN)
Nassigura lill-Onor. Interpellant illi jien ma nixtrix iż-żejt, l-anqas għall-karozza tiegħi aħseb u ara għall-Enemalta!
L-Enemalta tixtri ż-żejt wara sejħa nternazzjonali u tagħżlu skond kwalita', prezz u kundizzjonijiet oħra.
Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 11878, li oriġinarjament saret lilll-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid fejn hemm ħsieb li jinfetħu day centres għal persuni b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, fil-preżent, m'hemmx ħsieb li jinfetħu day centres ġodda għall-persuni b'diżabilita'.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Cross Road, fil-Marsa - it-telgħa - hijiex tal-privat jew tal-gvern? Jekk hi tal-privat, jista' il-kunsill jagħmel xogħol ta' patching? Jekk xi ħadd iweġġa' lil min irid ifittex għad-danni, lill-gvern jew lill-privat?
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11893 u jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeri kollha għas-snin 2004 u 2005? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġew jiswew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għall-camera li hemm ħdejn il-wisgħa ta' Bir id-Deheb, Għaxaq li qiegħda tkun ta' ostaklu kbir b'detriment li jitkeċċew il-ħaddiema minn ħanut li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jista' il-Ministru jara li jsir arranġament biex il-ħin li sewwieqa jkunu jistgħu jistennew jitwal għal ħames minuti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Is-Surveillance Camera li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant ma ġietx installata mill-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta.
Minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li d-Direttorat approva żewġ parking bays bil-ħin limitat għal għaxar minuti fil-post imsemmi bi qbil u konsultazzjoni mall-Kunsill Lokali Għaxaq.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11953 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jispjega lil din il-Kamra x'tip ta' kordinazzjoni teżisti bejn il-korporazzjonijiet għas-servizzi pubbliċi - korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, korporazzjoni Enemalta u l-Maltacom - u d-dipartiment tat-toroq biex ikun hemm sens fl-immaniġjar tas-servizzi u t-toroq ta' pajjiżna?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11255.
Jista' il-Ministru jara li t-tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jiġi pprovdut b'psychological service, peress li minkejja t-talba li saret għal dan is-servizz, skond dokumentazzjoni annessa separatament, dan baqa' ma ngħatax?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li appuntament ġie mogħti għal nhar it-Tnejn li għaddew, 9 ta' Mejju 2005, biex l-omm tkun tista' tgħarraf bil-każ tagħha lill-iSchool Psychological Service. L-omm ġiet mgħarrfa b'dan l-appuntament bil-posta billi kuntatti bit-telefon ma rnexxewx.
Tista' il-Minsitru tara li d-dipartiment tas-sigurta' soċjali jinvestiga jekk il-benefiċċju li qed tirċievi l-persuna li ġiet boarded out u li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex korrett?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ma' tobba Maltin u barranin sar fl-aħħar 12-il xahar biex jaħdmu fis-servizz tas-saħħa Malta u Għawdex? Jista' ipoġġi dawn il-kuntratti fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fl-aħħar 12-il xahar id-Diviżjoni tas-Saħħa iffirmat 4 kuntratti ma' tobba Maltin u 61 kuntratt ma tobba barranin. Qed inpoġġi kopji tal-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru angiograms u angioplastics f'l-isptar San Luqa f'dawn l-aħħar erba' xhur, xahar b'xahar? Liema konsulenti għamlu dawn l-interventi u kemm kull wieħed? Kemm kienu ilhom fuq il-waiting list il-pazjenti li fuqhom saru l-interventi? Jista' jassigura lill-Kamra li ma saru ebda priferenzi ma' ċerti pazjenti a skapitu ta' pazjenti li kienu fuq il-waiting list?
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu l-inqas wieħed fuq il-waiting list u kemm kien ilu l-aktar wieħed li saru l-interventi fuqu? Kemm ilu fuq il-waiting list l-aktar wieħed u minn liema sena ilu fuq il-waiting list u x'numru huwa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ladarba tkun lesta.
Jikkunsidra l-Ministru li St Joseph Street, Zabbar/Zejtun għandha tiġi rranġata urġentement biex tnaqqas ħafna mit-traffiku li qed jiġġamja Hompesch Street, Zabbar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed thejji program biex ittejjeb ir-rideability tat-toroq arterjali u distributorji. Din it-triq tagħmel parti minn dan il-program u x-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet li joħorġu minn dan il-program.
Jista' il-Ministru jgħid minn mindu Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea kemm tobba minn pajjiżi membri applikaw lill-kunsill mediku biex jaħdmu Malta? Ta' liema speċjalita' huma dawn it-tobba/speċjalisti? Kemm minnhom ingħataw permess biex jaħdmu u f'liema speċjalita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li minn mindu Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropeja l-Kunsill Mediku ipproċessa sebgħa u għoxrin (27) talba minn tobba/speċjalisti minn stati membri ta' l-istess Unjoni.
Minn dawn insibu sbatax (17) Franċiżi fl-ispeċjalita ta' plastic surgeons, tliet (3) tobba Ġermaniżi, tliet (3) tobba Taljani u wieħed (1) mill-Olanda. Il-Kunsill Mediku rċieva u pproċessa wkoll żewġ applikazzjonijiet f'isem żewġ tobba mir-Renju Unit li ġew irreġistrati għal perjodu ta' sentejn.
Il-Kunsill Mediku rċieva wkoll talba waħda u proċessaħa minn dentist Ġermaniż.
Għall-aħħar parti tad-domand nirreferi lill-Onor. Interpellant lill-Ministru kkonċernat.
Tista' il-Ministru tara għaliex persuna - partikolaritajiet dwarha qed jintbagħtu separatament - ilha bla dawl mill-1998 u d-dar tagħha hija f'kundizzjoni ħażina?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru konċernat.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija nitolbu jindikali, anki b'mod kunfidenzjali, l-indirizz tad-dar li qed jirreferi għaliha.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex żewġ ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Medserv f'Manoel Island u li kienu mislufa mal-pollution unit - id-dettalji ta' wieħed minnhom qed jintbagħtu separatament - ilhom bla xogħol għal dawn l-aħħar sentejn?
Response (GATT, AUSTIN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Medserv hi kumpanija privata waqt li l-Pollution Unit ma taqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11275, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jara li jsiru yellow lines quddiem ir-residenza ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Korrispondenza dwar il-każ qiegħda wkoll tintbagħat separatament.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Mill-korrispondenza annessa mall-mistoqsija parlamentari jirriżulta li t-talba tal-persuna indikata hija għal Reserved Parking u mhux għal yellow lines kif qed jgħid l-Onorevoli Interpellant.
Infurmat li din it-talba qatt ma waslet għand l-Awtorita' dwar it-Trasport.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11309 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jara għaliex fil-biċċa art li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, kellha terġa' titpoġġa l-ħamrija u s'issa għadu ma sar xejn? Jista' jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-art in kwestjoni hija privata u qiegħda fil-proċess li tiġi espropjata mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Jidher li sar xi xogħol mill-individwu privat fejn ittieħdet enforcement action mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u anke ġie mġiegħel jerġa jqiegħed l-ħamrija li tneħħiet f'postha.
Għal iktar informazzjoni nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11373, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni, u jgħid x'inhuma t-targets jew viżjonijiet tal-gvern dwar l-użu u l-produzzjoni ta' l-enerġija f'dan il-pajjiż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tidher fl-Annual Reports maħruġa mill-Malta Resources Authority. Ovjament, il-miżuri u proġetti ndikati f'dawn ir-rapporti huma preparamenti fuq numru ta' snin.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11199 li oriġinarjament sare lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u jgħid jekk il-gvern preżenti għandux xi forma ta' politika dwar l-użu ta' l-enerġija f'pajjiżna? Jista' jagħti rendikont tal-politika tal-gvern dwar l-użu ta' l-enerġija f'pajjiżna?