Tista' il-Ministru tara li jsir lift f'appartament tal-gvern li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li f'dan l-appartament hemm persuna li tgħix f'wheelchair? Tista' il-Ministru tara x'sar mill-applikazzjoni li qed nibgħat separatament flimkien ma' ċertifikati li juru l-bżonn ta' dan il-lift?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ qed tikkunsidra talba għal sussidju, għal stallar ta’ stairlift taħt Skema 7, mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmat wkoll li l-istallar ta’ dan l-istairlift ġie approvat, suġġett li l-applikant jossodisfa l-kriterji finanzjarji ta’ l-iskema. F’dan ir-rigward l-Awtorita’ qed tistenna li tirċievi d-dokumenti dwar l-assi ta’ l-applikant biex tkun tista’ tkompli tipproċessa t-talba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mietu persuni b'overdose matul l-2005, xahar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm ħames persuni li mietu b'overdose minn abbuż ta' droga. Dawn kienu persuna f'kull wieħed mix-xhur ta' Jannar, Marzu, April, Mejju u Settembru. F'Ottubru kien hemm persuna oħra li mietet b'riżultat ta' overdose ta' mediċinali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir il-bankina ta' Triq De Hosa, Santa Luċija, peress li din tinsab fi stat ħażin u qatt ma kienet saret qabel?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, titħallas għall-proprjeta' li l-gvern kien ħadilha peress li ilha ħafna tistenna?
Response (BORG, TONIO)
Id-dettalji li ġew mibgħuta separatament ma jagħtu l-ebda indikazzjoni dwar il-proprjeta' in kwestjoni u għalhekk l-Onor. Interpellant huwa mitlub jindika grafikament din il-proprjeta' jew in-numru tal-file.
Tista' il-Ministru tara li jitkompla t-tibjid f'appartament li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li beda x-xogħol u ma tkomplix fil-komun?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax li hemm xogħol mibdi li ma tkompliex fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li x-xogħol ta’ tibjid fil-parti komuni ta’ dan il-blokk hu approvat u jsir skond il-prijoritajiet ta’ xogħlijiet oħra li jrid jagħmel id-Dipartiment konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li parti mill-proprjeta' li tinsab fi Triq il-Labour, Marsa - fejn hemm ix-showrooms ta' Paul & Rocco, Dhijlia Cons. u Redeemer Furniture - se titteħdilhom parti minnha biex issir estensjoni ta' triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet ma għandu ebda talba għall-esproprju ta' xi proprjeta' fejn jinsabu is-showrooms imsemmija.
Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li ilha tistenna risposta mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali peress li bħalissa m'għandha l-ebda dħul ieħor? Tista' din is-sinjura tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ikkomunika bil-miktub mal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jara li jitneħħa arblu tad-dawl quddiem ir-residenza tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-persuna li qiegħda tagħmel din it-talba ġiet mitluba tissottometti applikazzjoni Form D xi żmien ilu bex ikun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ. Din l-applikazzjoni sal-lum għadha ma saritx.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' toroq li isimhom qed jintbagħat separatament ġewwa Ħal Għaxaq? Meta se jibda x-xogħol f'dawn it-toroq u xi żviluppi hemm? Wieħed jifhem it-tbatija u l-inkonvenjent li jinsabu fih ir-residenti.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport għandha ħames tenders għal xogħlijiet ta' bini ta' toroq residenzjali f'Ħal Għaxaq li bħalissa qegħdin ikunu aġġudikati.
L-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara program ta' xogħlijiet ta' bini ta' numru ta' toroq residenzjali. Ix-xogħlijiet fit-toroq imsemmija isiru skond il-prijoriatjiet li jirriżultaw mill-program tax-xogħlijiet ta' l-ADT.
Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ tas-sinjura li tirċievi r-relief u li dan l-aħħar ġie mwaqqaf wara spezzjoni li għamlu fid-dar tagħha? Tista' din is-sinjura tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ dwar invalidita' tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' dan is-sinjur jiġi nfurmat bl-iżviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-flat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex vojt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-appartament indikat mill-Onor. Interpellant ilu propjeta’ privata mill-1999 u għalhekk mhux kompitu ta’ xi dipartiment jew entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi li jaraw jekk hux vojt jew le.
Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ tal-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li l-post tagħhom huwa kkundannat u li fih jgħixu disgħa persuni? Jistgħu dawn is-sinjuri jiġu nformati bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni indikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna konċernata lit-Taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.