Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każ ta' problema bid-drenaġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 15565, 15722 u 15923 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni, tista' il-Ministru tara kif tista' tiġi rranġata l-problema tad-drenaġġ li għandha koppja anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li toqgħod fi flat isfel u li ta' kull ġimgħa qed ikollha problemi bid-drenaġġ, tant li qed ikollha tqabbad ħaddiem privat biex jirrimedja s-sitwazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex jinvestiga.

Ħal Far — Barriera

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-pulizija wara l-ilmenti li saru minn bdiewa u abitanti li joqogħdu fil-viċin biex l-isplussivi fil-barriera tal-qawwi Numru 19 fis-sit magħruf bħala tal-Miżiep, Ħal Far, l/o Żurrieq, jiġu miżmuma? Dawn l-isplussivi qegħdin jikkaġunaw ħsarat fil-bjar, soqfa tar-residenti u ta' l-irziezet u fir-raba' bil-ġebel li jtir bl-isplussivi, kif ukoll fil-ħitan tas-sejjieħ? Kienet saret petizzjoni mill-bdiewa u l-abitanti li joqogħdu fil-viċin kontra l-użu ta' splussivi f'din il-barriera li qiegħda mat-triq u li tieħu għar-radam f'Wied Fulija? L-użu ta' splussiv f'din il-barriera kien ġie miżmum b'sentenza tal-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija toħroġ biss il-permessi għall-użu ta’ splussiv fil-barriera imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u mhux sabiex tkun operata l-barriera. Tali permess jinħareġ wara li t-talba tkun ġiet approvata mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Infurmat ukoll illi l-istess Awtorita’ qed timmonitorja l-użu ta’ dan l-isplussiv. L-aħħar li kien ġie użat splussiv f’din il-barriera kien nhar l-24 ta’ Awissu ta’ din is-sena u mill-moniteraġġ li sar dakinhar minn uffiċjali tal-MEPA irriżulta li l-livell ta’ vibrazzjoni kkawżat mill-isplussiv kien dak permess. Minkejja dan, jekk hemm xi terzi persuni li qed jikkontendu li qed isofru xi danni, dawn dejjem jistgħu jirrikoru għal rimedju legali kontra l-operaturi ta’ din il-barriera.

Żviluppi dwar każ

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament minħabba li din il-persuna m'għandha l-ebda dħul? Tista' din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma bil-miktub lill-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.

Ħal Tarxien — Pjazza Repubblika

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara meta se titħallas persuna minn Ħal Tarxien li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tal-bini li kien waqqa' il-gvern fi Pjazza Repubblika, Ħal Tarxien?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-bini li kien ġie esproprjat fi Pjazza Repubblika Ħal Tarxien sabiex jitwaqqa bħala slum clearance kien jikkonsisti f'diversi fondi, l-Onor. Membru huwa mitlub jagħti aktar dettalji tal-fond li ġie esproprijat.

Enemalta — Pagi tal-ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15851 u jgħid għala l-pagi ta' l-impjegati tar-raba' sular administration building tal-korporazzjoni Enemalta fil-Marsa qed jinħadmu fil-magħluq u mhux mis-sezzjoni tal-pagi normali? Veru li ngħata allowance lil ċerti mpjegati mir-raba' sular biex jixtru ħwejjeġ? Kemm tiswa l-karozza tas-CEO u tas-CFO fix-xahar? Fuq liema bażi ġie ngaġġat il-procurement manager ġdid u meta ħarġet il-call for application? Kemm-il manager ġdid ġie mpjegat l-Enemalta bejn l-2004 u l-2005 u kemm hu l-ammont ta' pagi tagħhom? Fuq liema bażi ħarġet il-call for application għal executive officers ġo l-Enemalta dan l-aħħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Każ ta' relief

Question

Tista' il-Ministru tara għaliex persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament inqatgħalu r-relief bir-riżultat li m'għandu l-ebda dħul?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Pensjoni tal-wens

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qiegħed idur bil-mama tiegħu u qiegħed jistenna li jieħu l-flus tal-wens? Jista' dan is-sinjur jiġi informat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.

Każ ta' pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga l-każ ta' anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li ilha ma tirċievi l-pensjoni, u ċ-ċekk tagħha kien imur f'indirizz ieħor? Tista' din is-sinjura tiġi informata bl-aħħar żvilupp?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.

Enemalta — Qtugħ tas-servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15456, 15579 u 15708 u jgħid kemm persuni għandhom is-servizz tad-dawl u l-ilma maqtugħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mir records tal-K.S.I. u ta' l-Enemalta jirriżulta li hemm 1795 post bla servizz tad-dawl u 779 post bla servizz ta'ilma. Dawn jinkludu ħafna postijiet vojta u abbandunati kif ukoll garaxxijiet.

Dipartiment tad-Drenaġġ — Problemi ta' Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15565 u 15722 u jara kif tista' tiġi rranġata l-problema tad-drenaġġ li għandha koppja anzjana - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li toqgħod fi flat isfel u ta' kull ġimgħa qed ikollha problemi bid-drenaġġ, tant li qed ikollha tqabbad ħaddiem privat biex jirrimedja s-sitwazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat illi l-problema msemmija ġiet investigata mill-Korporazzjoni għas-Serviżżi ta' l-Ilma u jirriżulta li hija problema fil-house connection tal-privat li hija miżduda bl-għeruq tas-sigar. Il-Korporazzjoni se tgħaddi din l-informazzjoni lill-Awtorita tad-Djar biex jittieħdu l-passi indikati fiċ-ċirkostanzi.

Każ ta' tfajla b'diżabilita'

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa mill-aktar fis il-każ ta' tfajla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament, li hija b'diżabilita' u qiegħda tistenna li t-tabib tal-gvern jiffirma biex ikun jista' jinġieb vann tal-kummissjoni persuni b'diżabilita'? Jistgħu jittieħdu passi għall-ġid ta' l-istess tfajla biex tkun tista' tgħix ħajja indipendenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant waslet għand il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita fis-27 ta' Ottubru 2005. Ninsab infurmata wkoll li l-Kummissjoni qed tikkoordina x-xogħol mad-diversi Dipartimenti biex jinħargu l-permessi u l-eżenzjoni meħtieġa biex jinġieb il-van.

SVPR

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se toħroġ tender biex l-ikel ta' San Vincenz de Paule jingħata lill-privat, bħalma sar fl-isptar il-ġdid Mater Dei?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħjar metodu biex jissajjar/jitqassam l-ikel għall-pazjenti f'San Vinċenz għadu qed jiġi evalwat.

Enemalta — Pagi tal-ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid għala l-pagi ta' l-impjegati tar-raba' sular administration building tal-korporazzjoni Enemalta fil-Marsa qed jinħadmu fil-magħluq u mhux mis-sezzjoni tal-pagi normali? Veru li ngħata allowance lil ċerti mpjegati mir-raba' sular biex jixtru ħwejjeġ? Kemm tiswa l-karozza tas-CEO u tas-CFO fix-xahar? Fuq liema bażi ġie ngaġġat il-procurement manager ġdid u meta ħarġet il-call for application? Kemm-il manager ġdid ġie mpjegat l-Enemalta bejn l-2004 u l-2005 u kemm hu l-ammont ta' pagi tagħhom? Fuq liema bażi ħarġet il-call for application għal executive officers ġo l-Enemalta dan l-aħħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Surcharge fuq id-dawl

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15511 u 15672 u jgħid kemm se jibbenefikaw persuni mis-sussidju fuq is-surcharge tad-dawl ta' 55% fuq il-kontijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat. Li nista' nzid huwa li l-Enemalta u l-KSI għandhom ftehim li jkopru sa 13,000 kont f'dat-tip ta' sussidju.

Tindif fiċ-ċentri tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li jnaddaf iċ-ċentri tas-saħħa, sptarijiet u l-SVPR u kemm qed jitħallas kull siegħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġej: Dipartiment Kuntrattur Ħlas fis-siegħa Lm Kura Primarja-Ċentru tas-Saħħa B'Kara Gafa' Safeway Ltd. 1.875 p.p. Kura Primarja-Ċentri tas-Saħħa Bormla, Floriana, Gżira, Mosta, Raħal Ġdid, Ħal Qormi, Rabat (Malta) Jescer Cleaning Services Ltd. 1.888 p.p. Sptar Żammit Clapp-San Ġiljan Gafa' Safeway Ltd. 1.994 p.p. Fl-Isptarijiet San Luqa, Sir P. Boffa, Monte Carmeli u fir-Residenza SVPR ma jintużax servizz ta' tindif privat.

Surcharge ta' 55% fuq id-dawl

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15515 u 15673 u jgħid kemm se jiġu affettwati anzjani mis-surcharge ta' 55%?

Response (GATT, AUSTIN)

Is-surcharge ta' 55% mhix marbuta ma' eta partikolari, imma, kif jaf l-Onor. Interpellant dawk li huma aċċettati bħala 'social cases' qed ikunu eżentati minn din is-surcharge.

Dipartiment tad-drenaġġ — Problema ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15565 u jara kif tista' tiġi rranġata l-problema tad-drenaġġ li għandha koppja anzjana - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li toqgħod fi flat isfel u ta' kull ġimgħa qed ikollha problemi bid-drenaġġ, tant li qed ikollha tqabbad ħaddiem privat biex jirrimedja s-sitwazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Karozzi bil-licence plate K

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15541 u jgħid kemm hawn karozzi reġistrati bil-licence plate K u kemm sal-lum huma garaxxjati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li n-numru tal-karozzi bil-licence plate K hu ta’ 6,432 u tal-muturi bil-licence plate K hu ta’ 2,891. In-numru ta’ dawn il-karozzi u muturi ggaraxxjati hu ta’ 395.