Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16896 u jgħid kemm saru riċevimenti fil-ministeri kollha matul l-2005 u fl-ewwel xahar ta' l-2006? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġie jiswa kull riċeviment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17060 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Prim Ministru jara fiex wasal il-każ ta' ħaddiem li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilu ma jieħu paga għal dan l-aħħar xahar u qiegħed jistenna li jgħaddi board? Jista' dan il-każ jitmexxa 'l quddiem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17038 u jgħid kif taħdem il-konċessjoni li ta l-gvern lil dawk il-ġenituri li għandhom tfal b'diżabilita' u jibgħatuhom skejjel privati b'facilitator imħallas minnhom?
Peress li l-maġġoranza ta' dawn il-facilitators huma parti mħallsa wkoll minn NGOs li jagħmlu tant sagrifiċċji biex jiġbru l-flus biex iħallsu l-facilitators u jtaffu parti mill-piż tal-ġenituri, kif titħallas lura l-konċessjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kull individwu li jipprova li jkun għamel ħlasijiet lill-iskola fejn jattendi l-wild tiegħu li jkollu bzonnijiet speċjali, għal servizzi ta’ facilitator, jingħata tnaqqis mill-income tiegħu kemm-il darba l-iskola tkun imsemmija mill-Ministru tal-Finanzi f’avviz legali u jkun ġie stabbilit minn board imwaqqaf apposta li dak il-wild ikollu ħtieġa ta’ facilitator.
Il-proċedura se tkun din: Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni se jikseb lista mingħand il-board imwaqqaf apposta ta’ l-ismijiet involuti. Wara dan, id-dipartiment se jibgħat formola lil kull wieħed minnhom biex dawn jimluha u jehmzuha mal-formola tat-taxxa li se jirċievu ftit ieħor. It-tnaqqis, sa massimu ta’ Lm4,000 se jiġi rifless fuq it-tax statement li aktar tard dawn il-ġenituri jirċievu mid-dipartiment.
Tista' il-Ministru tara li jinħareġ ir-relief lil tfajla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kif tista' tara għandha bżonn ta' dan ir-relief? Tista' din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tara li jsir ix-xogħol neċessarju kemm jista' ikun malajr fil-fili tal-flat li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-post huwa tal-gvern u daħal kwantita' ta' ilma fih?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex jispezzjona l-fond indikat u jivverifika x-xogħol meħtieġ.
Jista' il-Prim Ministru jgħid minn min huwa kompost il-bord ministerjali għat-turiżmu? Kemm-il darba iltaqa' dan il-kumitat u x'inhuma d-deċiżjonijiet li ttieħdu s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi ghall-Kumitat Interministerjali ghat-Turizmu, l-informazzjoni kollha dwaru inghatat fit-twegiba ghall-Mistoqsija Parlamentari nru 16854/10/01.
Minn meta inghatat dik it-twegiba, il-Kumitat Interministerjali ghat-Turizmu iltaqa’ darb’ ohra, igifieri tnax-il darba minn meta twaqqaf.
Jista' il-Ministru jara fiex wasal il-każ ta' ħaddiem li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilu ma jieħu paga għal dan l-aħħar xahar u qiegħed jistenna li jgħaddi board? Jista' dan il-każ jitmexxa 'l quddiem?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob l-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tara jekk l-anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament huwiex jirċievi pensjoni tajba peress li qiegħed jgħid li mhux jirċievi pensjoni biżżejjed? Jista' dan jiġi informat bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16863 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm persuni li għandhom is-servizz tal-homehelp u minn liema lokalita' huma?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huma u liema huma l-kunsilli li għamlu talba għal ftuħ ta' day centres għall-anzjani fis-sena 2005/2006?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rapreżentanti tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għamlu talba għal laqgħa mad-dipartiment biex jaraw x'inhuma l-possibilatijiet li jinfetaħ Day Centre fil-lokalita' tagħhom. Din it-talba saret fis-sena 2005.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq id-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-2 ta' Frar ġew sottomessi l-proposti minn naħa ta' l-operaturi nteressati li wara perjodu qasir ta' evalwazzjoni mistenni li jibda d-djalogu magħhom.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qed jingħataw flus f'sussidju lid-djar ta' l-anzjani tal-privat, kull dar separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' mhux qed jagħti flus f'sussidju lid-djar ta' l-anzjani tal-privat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16584 u jgħid għala l-pagi ta' l-impjegati tar-raba' sular administration building tal-korporazzjoni Enemalta fil-Marsa qed jinħadmu fil-magħluq u mhux mis-sezzjoni tal-pagi normali? Veru li ngħata allowance lil ċerti mpjegati mir-raba' sular biex jixtru ħwejjeġ? Kemm tiswa l-karozza tas-CEO u tas-CFO fix-xahar? Fuq liema bażi ġie ngaġġat il-procurement manager ġdid u meta ħarġet il-call for application? Kemm-il manager ġdid ġie mpjegat l-Enemalta bejn l-2004 u l-2005 u kemm hu l-ammont ta' pagi tagħhom? Fuq liema bażi ħarġet il-call for application għal executive officers ġo l-Enemalta dan l-aħħar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li talbu li ssir laqgħa biex isir self ta' flus biex ikunu jistgħu jibnu uffiċini tal-kunsilli ġodda fis-sena 2005/2006?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa d-Dipartiment għall-Gvern Lokali għandu ħames talbiet minn Kunsilli Lokali biex jieħdu self mill-bank biex jixtru jew jibnu l-uffiċini amministrattivi tagħhom. Dawn huma l-Kunsill ta' Ħal Qormi, ta' Kerċem, tan-Nadur, ta' Sannat u tax-Xagħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu persuni bil-marda tal-kanċer fis-sena 2005 u x'eta' kellhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li kien hemm 715 persuna li mietu bil-marda tal-kaċer matul is-sena 2005 f'residenti ta' Malta u Għawdex, skond iċ-ċertifikati li waslu fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet. L'etajiet tagħhom hija kif ġej:
Etajiet
Numru ta' mwiet
0-14
2
15-24
2
25-34
4
35-44
15
45-54
51
55-64
146
65-74
224
75-84
203
85+
68
Total
715
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru suwiċidji fis-sena 2005 u fil-bidu ta' din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 17-il każ ta' suwiċidju rrapurtati lill-Pulizija, filwaqt li f'Jannar ta' din is-sena kien hemm 3 każi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru attakki sesswali fuq individwi matul l-2005 u matul l-ewwel xahar ta' l-2006?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005, il-Pulizija kellha 69 rapport ta' offiżi sesswali, filwaqt li matul Jannar ta' din is-sena ġew irrapurtati 7 każi.
Jista' il-Ministru jara li jiġi rranġat wire tad-dawl quddiem dar li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li s-sidien ta' din id-dar ilhom żmien jiktbu biex dan l-inkonvenjent jiġi rranġat?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-wire imsemmi mhux responsabilita' ta' l-Enemalta.