Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imwiet kawża ta' Overdose

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu nies b'overdose bejn l-2000 u l-2006?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kien hemm 44 mewt minn overdose bejn is-snin 2000-2004 skond ir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet. In-numru ta mwiet sena b'sena huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt: Sena Numru ta' mwiet 2000 7 2001 13 2002 9 2003 8 2004 7

ETC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm persuni ġew maqtugħa mir-reġistru tax-xogħol bejn l-1 ta' Jannar 2006 sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li nqatgħu mill-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru tax-xogħol f'Jannar u Frar 2006 kien ta' 89 u 49 rispettivament.

Awtorita' tad-djar — Tqassim ta' postijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm tqassmu postijiet mill-awtorita' tad-djar fis-sena 2006 u fejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tad-drenaġġ — Ilma tad-drenaġġ f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jara għaliex anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qiegħed jidħlilha l-ilma tad-drenaġġ fid-dar tagħha? Jista' il-Ministru jmexxi dan il-każ b'urġenza?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li meta l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma investigat l-każ, irriżulta li kien hemm sadd f'house connection tal-viċin. Wara li dan ġie mnaddaf l-infiltrazzjoni msemmija waqfet.

Sussidju fuq id-dawl u l-ilma

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm persuni applikaw għas-sussidju fuq id-dawl u l-ilma bejn l-2000 u l-2006?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għandu biss statistika għall-applikazzjonijiet tas-sussidju fuq id-dawl u l-ilma mill-1 ta’ Novembru 2001 sal-lum, liema applikazzjonijiet jammontaw għall-4336.

Blue Stickers

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ħarġu blue stickers mill-kummissjoni persuni b'diżabilita'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentement hemm 4,588 persuna li nħarġilha l-Blue Sticker. Dawn l-istickers jinħarġu mill-Kummissarju tal-Pulizija fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’.

Skejjel — Talba għal facilitator

Question

Jista' il-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha bżonn is-servizz ta' facilitator? Tista' din il-familja tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li l-uffiċjali konċernati jinformaw il-familja bl-aħħar żviluppi.

Talba għal dħul f'dar ta' l -anzjani

Question

Jista' il-Ministru jara li xi social worker iżżur dar ta' żewġ anzjani li għandhom bżonn parir u għajnuna ta' social worker biex jidħlu f'dar ta' l-anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ anzjani msemmija diġa sarilhom l-assessment soċjali peress li huma kienu applikaw biex jidħlu ġo Dar għall-Anzjani tal-Gvern.

Enemalta — Pagi tal-ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16920 u jgħid għala l-pagi ta' l-impjegati tar-raba' sular administration building tal-korporazzjoni Enemalta fil-Marsa qed jinħadmu fil-magħluq u mhux mis-sezzjoni tal-pagi normali? Veru li ngħata allowance lil ċerti mpjegati mir-raba' sular biex jixtru ħwejjeġ? Kemm tiswa l-karozza tas-CEO u tas-CFO fix-xahar? Fuq liema bażi ġie ngaġġat il-procurement manager ġdid u meta ħarġet il-call for application? Kemm-il manager ġdid ġie mpjegat l-Enemalta bejn l-2004 u l-2005 u kemm hu l-ammont ta' pagi tagħhom? Fuq liema bażi ħarġet il-call for application għal executive officers ġo l-Enemalta dan l-aħħar?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ewwel asserzjoni tal-Onor. Interpellant mhix korretta. Ma titħallas l-ebda allowance għall-ħwejjeġ. Il-karozza li qed juża c-Chief Executive Officer ta' l-Enemalta titħallas mill-MOBC. L-ispiża hija ta' Lm265.98 + Vat fix-xahar. Ma jitħallas l-ebda ħlas għal karozza tac-CFO għax hi propjeta tal-Enemalta. Il-Procurement Manager ġdid ġie 're-deployed' minn mac-CIMU b'kuntratt ta' 3 snin ma' l-Enemalta biex jimtela l-post vojt fil-Procurement Section. Imtlew 14-il post ta' Manager ma' l-Enemalta. Minn dawn, 5 ġew impjegati minn barra waqt li d-9 postijiet l-oħra imtlew minn impjegati eżistenti. Il-paga totali ta' dawn l-14-il Manager tammonta għal Lm179,666. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal E.O.'s ħarġet fuq l-istess parametri li jinħarġu applikazzjonijiet oħra fil-Korporazzjoni kif u meta jinqala l-bżonn minn żmien għal żmien.

Talba għal dħul fl-SVPR

Question

Jista' il-Ministru jara li jitmexxa każ ta' anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li r-raġel tagħha daħal l-SVPR u l-mara tiegħu tinsab id-dar waħedha fi stat xejn pjaċevoli u fi bżonn kbir ta' assistenza biex din tidħol ukoll fl-SVPR ħdejn ir-raġel tagħha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġel tal-persuna msemmija daħlet fir-Residenza ta' San Vinċenz fil-15 ta' Frar 2006, filwaqt li l-mara tiegħu bħalissa tinsab rikoverata f'Residenza Privata. Biss il-każ tagħha ġie approvat fid-19 ta' Jannar 2006 u tpoġġiet fuq il-waiting list.

Skejjel — Servizz ta' trasport

Question

Jista' il-Ministru jara li l-ilment dwar it-trasport ta' l-iskola ta' studenta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi milqugħ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenta konċernata biddlet l-indirizz tagħha u ma baqgħetx toqgħod fl-arja ta' l-iskola fejn tattendi. Il-ġenituri tagħha ppreferew li jħallu t-tifla f'din l-iskola u għalhekk m'hemmx trasport li jista' jwassalha. Ġejt assigurat li l-uffiċjal inkarigat mis-Sezzjoni tat-Trasport ta' l-istudenta qatt ma għadda rimarki bħalma hu indikat fl-ittra mibgħuta separatament.

Riċevimenti f'dipartimenti tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17185 u jgħid kemm saru riċevimenti fil-ministeri kollha matul l-2005 u fl-ewwel xahar ta' l-2006? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġie jiswa kull riċeviment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ħaddiem tal-Bank Ċentrali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17260 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17060 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Prim Ministru jara fiex wasal il-każ ta' ħaddiem li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilu ma jieħu paga għal dan l-aħħar xahar u qiegħed jistenna li jgħaddi board? Jista' dan il-każ jitmexxa 'l quddiem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-impjegat imsemmi ma jaqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Finanzi. Pero’ għandi informazzjoni li l-każ qiegħed jiġi trattat skond il-proċeduri fis-seħħ fl-entita’ fejn hu impjegat.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar relief

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex jinħarġilha r-relief? Tista' din is-sinjura tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali.

Maltacom

Question

Jista' il-Ministru jara li jiġi rranġat wire tal-Maltacom minn quddiem dar li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li s-sidien ta' din id-dar ilhom żmien jiktbu biex dan l-inkonvenjent jiġi rranġat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 1130.