Jista' il-Ministru jgħid kemm persuni nqatgħalhom is-servizz tad-dawl u l-ilma din is-sena s'issa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mill-ewwel tas-sena sas-7 ta' Marzu 2006, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma qatgħet 160 servizz ta' ilma u 147 servizz tad-dawl. Filwaqt li l-Enemalta ssospendiet 123 servizzi ta' l-elettriku bejn l-1 ta' Jannar sat-8 ta' Marzu 2006 minħabba nuqqas ta' ħlas.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li ilmentaw mal-customer care dwar kontijiet esaġerati tad-dawl u l-ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Mill-1 ta' Jannar 2006 sat-28 ta' Frar 2006 fl-uffiċju tal-customer care tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma fil-Belt Valletta u f'Ħal-Luqa, saru 7609 talba għal spjegazzjoni tal-kont. Dawn it-talbiet mhux bilfors kienu kollha lmenti dwar kontijiet għolja.
Fl-istess perjodu intbagħtu 224, 926 kont.
Għar-rigward ta' l-Enemalta, filwaqt li ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor Interpellant, jien infurmat illi mill-ħafna telefonati li tirċievi l-Enemalta dwar kontijiet tad-dawl, persentaġġ żgħir biss jirrigwardaw ilmenti dwar kontijiet għoljin.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni mas-Servizz Pubbliku u fejn ġew impjegati mill-2000 sa l-2006 (s'issa)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Tajjeb ngħid li matul l-istess perjodu, 6,421 persuna temmew l-impjieg permanenti tagħhom minn mas-Servizz Pubbliku. Dan it-total jinkludi persuni li rtiraw, irriżenjaw, għaddew bord mediku, mietu jew tkeċċew mill-impjieg.
Tista' il-Ministru tara x'sar minn każ ta' appell li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16339, f'Seduta Numru 337.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw taħt ix-schedule V, jiġfieri għall-kartuna tal-pilloli, fis-sena 2006 (s'issa)?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' permessi għall-mediċini b'xejn taħt l-Att tas-Sigurta' Soċjali, Skeda V ta' l-Att tas-Sigurta' Soċjali li ħarġu mill-1 ta' Jannar 2006 sad-9 ta' Marzu 2006 kien 9,914 minnhom 4,655 kienu applikazzjonijiet ġodda.
Tista' il-Ministru tara li jiġi rranġat lift fi Block 1, Flat 3, Kelinu Cachia Street, Tarxien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif kelli okkażjoni li ngħid bi tweġibiet għall-Mistoqsijiet preċedenti dwar manutenzjoni ta’ lifts fi blokki tal-Gvern, din il-manutenzjoni hi responsabbilta’ ta’ l-inkwilini.
Dwar il-lift speċifiku li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, ninsab infurmata li dan ġie stallat f’Ottubru 2002 u minkejja li l-Awtorita’ tad-Djar ġibdet l-attenzjoni ta’ l-inkwilini tal-blokk għar-responsabbilta’ tagħhom li jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa, dawn ma ftehmux bejniethom dwar il-ħlas, bir-riżultat li l-manutenzjoni ma saritx.
Ninsab infurmata wkoll li f’Jannar 2006, l-Awtorita’ bagħtet inġinier biex jeżamina l-lift u nstab li ma kienx qed jiffunzjona peress li kien ġarrab ħsarat konsiderevoli kawża ta’ l-użu ħażin u nuqqas ta’ manutenzjoni. L-Awtorita’ qabdet kuntrattur hi biex ineħħi l-periklu. Biex dan il-lift jerġa jintuża, l-inkwilini jridu jaċċettaw ir-responsabbilta’ li jħallsu għal kull manutenzjoni meħtieġa, tiswijiet u l-konsum ta’ l-elettriku konness mal-lift.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni jistennew biex jidħlu fl-SVPR?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' persuni jistennew biex jidħlu f'San Vinċenz de Paul huwa ta' 704. Minn dawn, 486 huma nisa filwaqt li 218 huma rġiel.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu mal-handyman department u x'inhu l-grad tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill Onor. Interpellant li hemm 16 -il persuna taħdem fil-Handyman Section. Dawn huma l-gradi tagħhom:
Gradi
Persuni
Health Assistant
1
General Hand
2
Senior Tradesman
4
Senior Operative
1
Communicator
1
Supervisor
2
Officer in Grade 10
1
Support Worker
1
P/T Social Assistant
3
Tista' il-Ministru tgħid kemm ħarġu yellow stickers għall-persuni b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li sa l-aħħar ta’ Frar 2006 kien hemm 7,813 persuna li kellhom il-Karta ta’ l-Identita’ Speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ingħataw sussidji mill-housing authority u taħt liema skemi ngħata s-sussidju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hi dwar l-aħħar sena finanzjarja ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu persuni bil-marda tal-kanċer din is-sena s'issa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Skond iċ-ċertifikati li waslu fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet kien hemm 85 persuna li mietu bil-marda tal-kanċer matul ix-xahar ta' Jannar 2006 f'residenti ta' Malta u Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tfal bejn l-eta' 0-10 snin mietu bil-marda tal-kanċer?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Matul is-snin 2003-2005 kien hemm 7 tfal bejn l-eta' 0-10 li mietu bil-mard tal-kanċer skond ir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet. In-numru ta' mwiet kull sena huwa kif ġej:
Sena
Numru ta' mwiet
2003
0
2004
4
2005
3