Tista' il-Ministru tgħid għaliex koppja anzjana li l-ewwel qalulha li approvawlha s-sussidju u wara qalulha li ma ġiex approvat, tara jekk dan kienx żball? Dokumenti relattivi qed jintbagħtu separatament.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li permezz ta’ ittra bid-data tat-18 ta’ Jannar 2006, l-Awtorita’ tad-Djar infurmat lill-koppja li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, li l-applikazzjoni tagħhom kienet għad qed tiġi mistħarrġa u li, skond l-informazzjoni mogħtija mill-koppja, kien jidher li tikkwalifika għal sussidju fuq xogħlijiet ta’ rranġar u titjib taħt Skema Z. F’din l-ittra kien hemm ċar li dan ma kienx ifisser li b’xi mod l-Awtorita’ kienet qed tintrabat li l-koppja kienet ser tingħata xi sussidju qabel ma jsiru l-verifiki meħtieġa u l-applikazzjoni tiġi approvata.
Ninsab infurmata wkoll li, fil-fatt, mill-istħarriġ sussegwenti rriżulta li l-assi ta’ din il-koppja kienu jammontaw għal aktar milli tippermetti din l-iskema u għalhekk l-applikazzjoni ġiet rifjutata. Il-koppja ġiet infurmata b’dan permezz ta’ ittra li ġġib id-data tas-17 ta’ Marzu 2006.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17690 u jgħid liema huma t-toroq li ngħataw l-asfalt f'Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Santa Luċia, il-Gudja, il-Marsa u Ħal Għaxaq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għal liema perjodu qiegħed jirreferi għalih fil-mistoqsija tiegħu.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16896 u jgħid kemm saru riċevimenti fil-ministeri kollha matul l-2005 u fl-ewwel xahar ta' l-2006? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġie jiswa kull riċeviment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 16896.
Jista' il-Ministru jgħid kemm sew lill-MEPA il-kwestjonarju dwar iz-zona ta' l-akwakultura li ntbagħtet lill-familji f'Marsascala? X'kien l-eżitu ta' dan il-kwestjonarju? Kemm-il familja kienet favur il-proġett, kemm kienu kontra u kemm indeċiżi? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar dan il-kwestjonarju?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwestjonarju dwar iz-Zona ta' Akwakultura li qed isemmi ma ħallasx għalih l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) iżda d-Dipartiment ghall-Harsien u l-Kontroll tas-Sajd fi ħdan dan il-Ministeru bħala parti mill-Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali li sar għal dan il-Proġett skond kif mitlub mill-liġi.
Fil-waqt li l-liġi titlob biss li ssir laqgħa ta' konsultazzjoni ta' ftit sigħat, id-Dipartiment għamel ħafna iżjed minn hekk billi waqqaf esibizzjoni pubblika u Public Hearing fuq jumejn, iċċirkola dan il-kwestjonarju lil kull indirizz f'Wied il-Għajn (kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali), apparti li intbagħat ukoll lil għaqdiet konċernati, u waqt il-konsultazzjoni pubblika mexxa xejn inqas minn seba’ (7) laqgħat konsultattivi (focus meetings) ta' aktar minn siegħa u nofs kull waħda. Il-pubbliku kien mistieden jattendi għal u jintervjeni fi kwalunkwe minn dawn il-laqgħat.
Il-kwestjonarju (produzzjoni, stampar, u ċirkolazzjoni) sewa Lm1,182 (inkluż VAT).
Minn dawk li wieġbu kien hemm residenti, entitajiet kummerċjali f’Wied il-Għajn u persuni li ma joqgħodux f’Marsaskala.
Il-Kwestjonarju ma kienx jittratta biss l-applikazzjoni iżda kien hemm mistoqsijiet fuq l-akwakultura in ġenerali, dwar it-tuna penning in ġenerali, kif ukoll dwar il-proposta u dwar l-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali.
Għall-mistoqsija dwar kif jaħsbu li l-proġett propost jista' jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tagħhom, ir-residenti wieġbu hekk:
21.2% qalu li jitjieb (non-residenti 36%)
51.5% ma tinbidilx (non-residenti 12%)
9.8% tiħżien (non-residenti 32%)
9.8% mhux ċerti (non-residenti 20%)
3.8% ma tapplikax għalihom (non-residenti 0%)
3.8% ma weġbux (non-residenti 0%)
Il-kwestjonarju kellu diversi mistoqsijiet. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kwestjonarju, rapport dwar ir-risposti, kif ukoll ir-riżultati tal-kwestjonarju (maqsumin bejn residenti u mhux).
Mir-risposti għall-kwestjonarju jidher biċ-ċar li l-maġġoranza tal-familji kienu favur il-proġett.
Jista' il-Ministru jagħti assigurazzjoni li l-fishfarms preżenti li hemm Marsascala ser jiġu ri-allokati? Kemm 'il bogħod mill-ixtut se jiġu ri-allokati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, jekk segwa d-diskussjoni tal-ħruġ tal-permess ta' l-Aquaculture Zone, għandu jinduna li l-attività tat-Tonn preżenti, illiċenzjati fuq tlett siti fin-Nofs in-Nhar ta' Malta, hija marbuta li tagħmel ri-allokazzjoni fi żmien sentejn għaz-zona ġdida ta' l-Akwakultura li tinsab 6.3km 'l barra mill-Ponta ta' Żonqor. L-attività tat-tonn li tinsab fil-Majjistral ta' Malta wkoll huwa maħsub li tiġi ri-allokata aktar 'l barra, u fil-fatt ġiet identifikata zona biex tiġi studjata għal dan il-għan. Ix-xogħol fuq din iz-zona ser jibda hekk kif ikun mitmum ix-xogħol għall-ewwel staġun fuq iz-zona ta' nofs in-nhar. L-attività ta' l-akwakultura ta' speċi oħra għal issa mhux maħsub li tiġi mċaqalqa għaliex teknikament għadu mhux possibbli li ħut żgħir bħal Awrat u Spnott jiġi mkabbar f'kundizzjonijiet differenti minn dawk eżistenti.
Fil-fatt il-kundizzjonijiet tal-permessi ta’ żvilupp tal-fishfarms tat-tonn għandhom kundizzjoni li teħtieġ ri-allokazzjoni meta iz-zona ta’ l-akwakultura tkun approvata. Il-kundizzjonijiet tal-permess PA 87/04 għaz-zona ta’ l-akwakultura jeħtieġu li d-Diviżjoni tal-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd fi ħdan danil-Ministeru jagħti proposta ta’ meta għandha ssir din ir-ri-allokazzjoni. Din id-data ma tistax tkun iżjed minn 24 xahar mill-ħruġ tal-permess.
Jista' il-Ministru jgħid qabel ma ntgħażlet Marsascala bħala sit għal zona ta' akwakultura, kemm-il sit ġie studjat u kkonsidrat? Minn min kien kompost il-kumitat li wasal għall-konklużjoni li Marsascala kien l-aħjar sit? X'kienu r-raġunijiet li fuqhom iddeċidew li jagħżlu Marsascala?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni kollha ġiet ittrattata fid-diskussjonijiet pubbliċi li saru matul l-esibizzjoni pubblika fuq dan il-proġett fil-lukanda Jerma Palace f'M'Scala. Għalkemm l-applikazzjoni tirreferi dejjem għal M'Scala, wieħed ma jistgħax jikkunsidra li zona li qiegħda 6.3km 'l barra mill-kosta taqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Kunsill Lokali. Fuq l-art 6.3km tista’ tkun d-distanza minn ċentru ta' lokalita' għal ċentru ta' lokalità oħra. Nirreferu dejjem għaz-zona bħala M'Scala għaliex l-eqreb art hija il-Ponta ta' Żonqor.
Fis-sena 2001 il-policy ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar l-akwakultura kienet li kull żvilupp kellu jkun f'fond iżjed minn ħamsin metru, u l-inqas distanza mill-kosta kella tkun mil nawtiku. Billi l-interess f'din l-industrija żdied, diskussjonijiet biex jitfassal Policy Nazzjonali fuq l-Akwakultura bdew bejn l-istess Awtorità, id-Dipartiment tas-Sajd, u l-Awtorità Marittima ta’ Malta (MMA), l-Awtorità tat-Turismu (MTA), il-Malta Development Corporation (MDC), u t-Taqsima għas-Servizzi Veterinarji fi ħdan dan il-Ministeru.
Fis-sena 2002 sar moratorium fuq applikazzjonijiet ġodda sa kemm ittieħdet id-deċiżjoni fuq il-possibiltà li tiġi stabbilita zona ta' l-akwakultura. Kien hemm numru ta' applikazzjonijiet li ġew miċħuda, irtirati, jew diferiti. Dawn l-applikazzjonijiet kienu għal diversi nħawi mxerrdin mal-kosta tal-Gżejjer Maltin. F'dan il-mument saret proposta mill-Awtorità Marittima ta’ Malta (MMA) dwar sit possibbli lejn in-naħa t'isfel ta Malta. Alternattivi li kienu kkunsidrati kienu barra mil-Qala, Għawdex, u bejn Malta u Filfla. Is-sit fin-naħa t'isfel ta Malta ntgħazel minħabba li dan is-sit jinstab ġo fond ta’ bejn il-ħamsin u l-mitt metru, hu l-iżjed il-bogħod mill-art, li għandu l-inqas impatti ambientali, u li jista’ jkollu l-inqas impatt fuq attivitajiet oħra. Dan il-proċess hu descritt fl-Environment Impact Assessment (EIA) li sar għall-applikazzjoni għall-iżvilupp numru PA 87/04.
Kemm mistennija jaħdmu nies Maltin fiz-zona ta' l-akwakultura li l-gvern irid jagħmel f'Wied il-Għajn? Kemm ħaddiema Maltin qed jaħdmu fil-fishfarms preżenti f'Wied il-Għajn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
In-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-fishfarms ilaħħaq għal madwar tletin (30) ruħ.
Meta koppja li jkunu jgħixu flimkien u qed jieħdu pensjoni tax-xjuħ jew invalidita' jkunu jridu jaqsmu din il-pensjoni peress li ma jkunux sejrin tajjeb flimkien, x'mezzi għandhom skond il-liġi biex jaqsmu din il-pensjoni meta ma jkunux iridu jmorru fi qrati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jipprovdi għal qsim ta’ pensjoni bejn il-mara u żewġha, fil-każ ta’ Pensjoni mhux Kontributorja ta’ l-Eta’ jew ta’ Diżabilita’ biss.
F’każ ta’ pensjonijiet kontributorji u fin-nuqqas ta’ ftehim legali, anki bonarju, jekk il-persuna li hi ntitolata għall-pensjoni tkun trid, tista’ titlob lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali biex jgħaddi l-ammont indikat mill-pensjoni direttament lill-konjugi l-oħra jew l-ieħor skond il-każ. Tali arranġament hu dejjem suġġett għall-istruzzjonijiet li min ikollu d-dritt għall-pensjoni jista’ jagħti minn żmien għal żmien.
Tista' il-Ministru tara għaliex il-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fejn l-omm hija separata u t-tfal ma jaħdmux, ma ġietx aċċettata it-talba tagħha għas-sussidju fuq dawl u ilma? Tista' din il-familja tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tara l-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li qed jgħidulha li m'għandhiex bolol biżżejjed? Tista' din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jara li xi ħadd mill-korporazzjoni Enemalta jeżamina l-arloġġ tad-dawl ta' l-anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li l-kont tad-dawl tagħha ġie Lm446 ta' tliet xhur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17648 u jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-bidu ta' din is-sena s'issa mill-gwardjani lokali f'Malta u Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, sal-20 ta' Marzu, ingħataw 43,307 ċitazzjoni mill-Gwardjani Lokali f'Malta u Għawdex.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru riċevimenti fil-ministeri kollha matul l-2005 u fl-ewwel xahar ta' l-2006? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġie jiswa kull riċeviment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17185 u jgħid kemm saru riċevimenti fil-ministeri kollha matul l-2005 u fl-ewwel xahar ta' l-2006? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġie jiswa kull riċeviment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari Numru 16896.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17060 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Prim Ministru jara fiex wasal il-każ ta' ħaddiem li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilu ma jieħu paga għal dan l-aħħar xahar u qiegħed jistenna li jgħaddi board? Jista' dan il-każ jitmexxa 'l quddiem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-impjegat imsemmi ma jaqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Finanzi. Pero’ għandi informazzjoni li l-każ qiegħed jiġi trattat skond il-proċeduri fis-seħħ fl-entita’ fejn hu impjegat.